Friday 24 February 2012

Li Tirbaħ il-Ġustizzja

Qed nieħu gost nisma l-intervent ta' Patri Mark Montebello fl-okkażżjoni tal-ħamsin sena anniversarju mill-Elezzjoni tad-Dnub il-Mejjet.


Diskors meqjus li jemozzjona lil kull min, bħali, jħaddan qalb soċjalista (iżda mhux partiġġjana Laburista). Diskors li jixħet dawl qawwi fuq fatti li ħadd ma jista jiċħad, fuq fatti li jkomplu jfakkruna kemm hi redikola s-sistema politika dualista li teżisti fil-pajjiż. Diskors imtappan biss mill-fatt li sar f'kuntest ta' wieħed minn dawn il-partiti, promoturi tal-istess marda.

Wara li qrajt b'ferħa l-ktejjeb "Il-Fidwa tal-Anarkiżmu" li Patri Mark għoġbu jibgħatli xi ġimgħat ilu, illum ma nistax ma nikkumplimentax lil dan il-qalbieni li b'tant umiltà qed ikompli iħeġġeġ diskors favur trasparenza u libertà ta' ħsieb u kontra stutturi li jimbarraw l-imħuħ b'modi demokratiċi jlellxu. Għalhekk sabiħa mmens r-referenza finali lejn kliem Kristu – l-akbar rivoluzzjonarju.


Patri Mark, kompli kun qalb tħabbat sabiex tqanqal aktar qlub, biex jistenbħu u jibdew iħabbtu huma wkoll.

Grazzi.



Wednesday 15 February 2012

Il-binja fil-Belt ser titkabbar

Mixħut kif jien ġo sodda fost imkatar bojod u lożor u kutra vjola, fettilli nara l-intervista li ġurnalista ta' Times of Malta għamlet mal-Onorevoli Chris Said, Ministru frisk frisk fuq il-Ġustizzja.

Wara li erġajt tajt titwila lil facebook sakemm jgħaddi r-riklam tal-bidu, li qatt ma nara, bdejt nisma u nistgħaġeb. Hawn huma xi annotazzjonijiet:


Reazzjoni mmedjata lejn dan l-artiklu huwa t-titlu li għal darb'oħra huwa qarrieqi – biss illum nafu biżżejjed kif ġurnalisti u edituri varji qed jieħdu vantaġġ mis-sensazzjonaliżmu li ċertu titli jqajjmu, speċjalment fuq facebook shares u allura, anki jekk il-kontenut tal-istorja jgħid affarijiet oħra, it-titlu magħżul għandu skop uniku: sensazzjonaliżmu fuq in-netwerks soċjali. Tant sirt nammira dawn it-tattiċi li tħajjart ngħamel hekk jien ukoll f'dan l-artiklu – bit-tama li jkolli iktar hits minn blogs oħra.

It-tieni reazzjoni ta' frustrazzjoni li tiġini hija meta nisma lil dan il-Ministru – li ħafna nies ifaħħru għal kapaċitajiet tiegħu – jgħid illi l-bini kontroversjali ġewwa l-kapitali ser jinħatt parzjalment biex jirrispetta l-"iskyline" tal-Belt.

M'inix intiż fuq arkitettura biss konvint li l-argumenti li jduru madwar din il-binja selvaġġa huma ħafna iktar minn din il-waħda partikolari li għoġbu jindirizza l-onorevoli.
  • Dan il-bini l-ewwel u qabel kollox sar b'ġebla li mhix dik li b'mod tant ovvju tgħati kulur lill-ġojjell tagħna.
  • Il binja għadha disinn li jikkomprometti l-istil brillanti li jżejjen kull toqba u kantuniera tal-Belt Umilissima.
  • Fuq kollox il-binja hija ta' inutilità liema bħalha speċjalment meta niftakru li l-istess Belt hija miżgħuda bi propjetà li tokrob sabiex tiġi rinovata u mogħtija lura l-ħajja li jistħoqqilha.

Biss il-Ministru qal li konxju mis-sensittività tal-Belt Valletta, allura, wara li din il-binja nbniet, issa qed niftħu applikazzjoni ġdida mal-MEPA sabiex inkunu nistgħu nbiddluha – ikun interessanti nkunu nafu xi flus jinvolvi dan kollu. Huwa grottesk il-fatt li filwaqt li l-Ministru Said qed jgħid li ntefgħat applikazzjoni sabiex jinħatt parti mill bini, jistqarr ukoll li hemm applikazzjonijiet fuq tender għat-tisbieħ intern tal-post! Tgħid la jinħatt parti mill-bini, min jerbaħ it-tender jitlob xi rimbors mill-Gvern għax it-tender ikun inbidel?

Grazzi tas-sensittività tiegħek Minstru. Kważi kważi ħa naqbad maktur, li issa m'għadux tant abjad u nixxotta d-demgħa li ħierġa minn għajnejja.

Sunday 12 February 2012

Fit-Trabokk mal-Brikkuni

Wasal Frar u apparti l-eċitament li ġġib magħha l-Festa tan-Nawfraġju ta' San Pawl għalija bħala parruċċan Belti, ma nistax ma nammettix l-istennija li qed tinbena ġewwa fijja għall-inawgurazzjoni tax-xogħol mużikali ġdid tal-banda tal-Brikkuni.

27 ta' Diċembru 2011 Is-siegħa u nofs daqqu u hekk kif niftaħ il-posta elettronika nsib daqsxejn ta' rigal: konnessjoni sabiex biha nniżżel kopja tal-ħidma aħħarija tal-Brikkuni. Wara l-kliem li qalli Danjeli u l-entużjażmu f'għajnejh, kelli aspettattivi kbar għal dan ix-xogħol.

Imsomma, kien sieħbi Marju li hekk kif kien wegħdni ftit jien qabel, bgħatli din il-mużika sabiex ngħaddilu erbgħa kummenti lura… Għadda xahar, xahar tal-blieh, iktar mill-ikbar ċirklu li jista jarma s-Sur Said tal-Fu*jana u fl-aħħar, illum il-Ħamis 26 ta' Jannar, bdejt nerġa nsib il-muża nikteb, le mhux dwar Franco din id-darba!


1. Ċikku ċ-Ċinkwina
Ċikku - grampun sod li faqqa ċinkwina femminili eżemplari li ħesrem inqabdu tqal bla ma ħadd kien jaf xejn! Omertà sħieħa… silenzju perfett. L-istess bħal f'ċertu stejjer traġiċi Maltin fejn twieldu leġġendi u faqqsu fatati minflok verità.

Kanzunetta bi ħsieb immensament sinjur li jixħet dawl fuq l-attitudni ta' min jaħbi jew jgħin sabiex tinħeba verità - tant li jasal iħalli lill martu tgħereq f'inkwiet kbir anki wara mewtu. L-eżempju jkaxkar, u hekk kif ulied uliedha joħorġu jixbhu lil żewġha, Lieni tispiċċa ċċedi b'attakk f'qalbha!

2. Firien (Qattus rieqed, farka ġobon ma fadalx)
Għadda ż-żmien u sforz il-qattus rieqed, il-ġurdien ħa r-riedni f'idejh. Kollox jinqaleb ta' taħt fuq; żarbun jidħak bl-iskarpan! Kultura li tgħalaq għajnejha għal kollox, sakemm tinduna li ġobon ma fadalx. Kanzunetta li titgħallem taprezza x-xogħol mirqum li fiha, wara ammont ta' smiegħ.

3. Il-Gallinar tas-Sultan
B'ħoss li naraħ jixbah lil dil-verżjoni live ta' Un Giudice u Un Oceano di Silenzio ta' Morgan, titlu kważi identiku għall-isem tat-triq fejn noqgħod, il-memorja ħelwa tat-tiġieġa vjola tiġri qalb folla entużjasta ġewwa r-Roadhouse tal-Buskett lura f'Lulju tal-2009 u s-sarkażmu sottili u mexxej f'dan il-kapulavur ta' ritmu u melodija – huma kollha ngredjenti li jġegħluni nħobb wisq din il-biċċa xogħol.

Mera tas-soċjetà… li nara ppersonifikata fil-kanarin li jieħu lezzjonijiet tal-kant mingħand kokka xiħa b'widnejn twal u toga qasira – li tfakkarni fil-logo tal-KSU fl-Università. Gallinar soċjalment attiv ħafna fejn tiġieġa li la hi ħamra u lanqas blu, issib ruħha ma tistax ittir sforz persunaġġi oħra li jimbuttaw flieles taħt qroqqa  u li għandhom rispett lejn il-ħotbi qaddej tas-Sultan!

Mument ieħor fejn Marju, ta' Brikkun li hu, irrakkonta realtà politika Maltija f'metafora mimlija rix u folol għalażobbhom.

4. It-Tnejn
Ritmi għaġġelin, li bi skuża tal-ħajja mgħaġġla tat-Tnejn filgħodu, jirrakkuntaw karattru li jikkunsidra lilu nnifsu bħala tellief, "qisu iblah", jintilef f'ħafna ħsieb, jittama li jerġa lura taħt friex sħan ma' dik li tant ħabb. Iżda l-ħolm spiss jintemm ħesrem b'xi tpaqpiqa li taħsdek fost il-ġenn tat-Tnejn filgħodu. Kważi lanqas tinduna li huwa inti il-"mitluf" u mhux ix-xiħ jitkellem mal-kelb! Tgħid it-tapizzerija terġa tieħu l-kulur tagħha?

5. Kunsenturi
Il-Ħanina! Anki fl-iktar binja b'saħħitha, l-aqwa tikħilha, tilmaħ kunsentura!

Anki l-età hija kawża ta' kunsenturi fiżiċi.

U hekk hu l-ħajja li ħafna drabi huwa l-bniedem stess li joħolqilha kunsenturi meta jħarbat sistemi naturali milli jgħixu kif mitlub lilhom. U hekk hu naraw lis-seqer, liebes ta' bufula, iżoqq lill-brimba!

6. Il-Maħbuba l-Midruba
Ħoss ta' kitarra jakkumpanja din il-kanzunetta melankonika għall-aħħar, mill-bidu sat-tmiem. B'referenzi bibbliċi kemmxejn evidenti, nisimgħu dwar dan il-karattru ta' maħbuba midruba, tokrob fis-sirda – nistħajjilha tirrappreżenta lill-ħajja li ta' kuljum tfakkarna li kollox u kulħadd għad jerġa jsir trab.

7. Irkotta
Rakkont ħelu ta' grupp aħwa subien jixxenqu lejn mara għarkobbtejha waqt li din qed taħsel l-art! Lucy, mara b'doni li jattiraw lil ħafna rġiel u allura numru ta' nisa li m'għadhomx fil-fjur ta' ħajjithom, jgħiru għaliha! U hawn fejn titfaċċa r-risposta ħelwa ferm: "L-għalqa trid toqgħod magħha, l-għalqa trid tieħu ħsiebha!"

Innu għal pubertà, innu għall-maskulinità, innu għall-femminilità, innu għall-moħħ mehdi bil-kilbiet tal-ġisem.




8. Nixtieq
Kanzunetta li smajtha tindaqq fl-aħħar okkażżjonijiet fejn il-Brikkuni ħarġu "live" u spiċċajt ninnamra magħha sa mill-ewwel mumenti. Bħal ġuvni li jixref fuq Facebook sabiex jinnota xi tfajla gustuża u qalbu tħabbat mija mija meta jiltaqà magħha l-ewwel darba. L-istess jien u "Nixtieq".

Kanzunetta li ġġib il-għira lil kull ħassieb u lil kull poeta. Kanzunetta li kważi teżawrilhom il-vokabularju tal-ħolm tagħhom u tirrakkuntah qabilhom!

Kanzunetta li l-aġġettivi għaliha ma jinstabux kollha fl-edizzjoni tad-dizzjunarju komplut ta' Aquilina għaliex għadhom ma ġewx ifformulati.

Kanzunetta li tħeġġiġni nkompli noħlom iżda li tfakkarni li kultant ħolma taf tkun taħżiża fl-ilma. Kanzunetta li tħeġġiġni nonfoħ bżieżaq tas-sapun u niġri f'nofshom għal għonq it-triq iżda teħodni wkoll f'realtà fejn dawn il-bżieżaq huma fraġli u dlonk jispiċċaw biss tifkira.

Fix-xenarju tal-ilsna tan-nar jibilgħu Strada Rjali nixtieq jien ukoll inpitter dax-xejn tal-llum, jien u nikteb.

10. Sigrieti
Mas-suffara tal-kitla tgħali, forsi quddiem belà tè u mużika b'ritmu mexxej, nidħaddtu dwar is-sigrieti – parti ntegrali mix-xibka soċjali maltija. Għal darb'oħra nisimgħu kliem li b'ironija meqjusa, jiġbed is-saqajn lejn kultura li tgħallimna ngħixu f'dubji mhux f'ċertezzi. Iżda l-kor ifakkarna li din "kultura tal-gidba għal ġid", frott il-velenu f'ħalq il-lifgħa ta' Sawlu li ntiret biss minn numru ta' nies qarrieqa.

11. L-Uffiċċju
Fil-bidu meta smajtha, fiż-żmien meta ġiet sottomessa għal Festival tal-Għanja tal-Poplu, ma tantx kont impressjonat b'din il-kanzunetta. Niftakarni xettiku ħafna dwarha. Illum li erġajt smajtha fil-kwiet ta' kamarti għal darba, tnejn, għaxra, nammetti li bqajt affaxxinat bir-rakkont li jseħħ hawn; rakkont ta' raġel malti li mxebbgħa minn xogħolu, jirrakkonta l-madwaru, il-geddum tal-imgħallem qabel jitlaq lura d-dar wara sahra twila.

U hawn fejn tinbet il-fantasija tal-awtur li jilgħab mal-ħolma ta' ħajja li ma tintrabatx mas-sistema kiefra tax-xogħol fejn il-bniedem huwa potenzjal mekkaniżżat, f'ġieħ il-profitti.

12. Żonqor
Naslu lejn l-aħħar. Fl-aħħar! Ħin fejn nisimgħu lil Danjeli jwerżaw u allura fejn nistgħu naqbżu kollha f'daqqa mar-ritmu tat-trombi u trumbetti.

Kanzunetta li tistaqsi l-valuri bażiċi fostna l-Maltin waqt li Alla jiżfen ma' marċ militari. Tistaqsi t-twemmin popolari tal-medja, tal-politika u tar-reliġjon - ir-rgħajja twajba li xorta jġorru bastun!

Fl-aħħar hemm ċans issib ruħek eżawrit; jew għax żfint iżżejjed jew għax skoprejt li int ukoll għandek xi valur li tajjeb tindirizza!

13. Tiddi ix-xemx fuq din l-għodwa moħlija
Kif tista tikkummenta l-benna tal-arti? Kapulavur fil-kitba u fil-mużika, li b'seħer liema bħalu jirrakkonta sbieħ ta' jum xemxi u hiemed mill-kamra tas-sodda, fejn filwaqt li l-maħbuba tinsab rieqda, l-awtur jirrakkonta ż-żmien li qed igerbeb minn fuqu. Ninża l-kappell u ma nerġax nilbsu!

7 ta' Frar 2012
– Fadal biss 3 ijiem stennija għal famuż avveniment meta Brikkuni joħorġu bit-Trabokk fil-pubbliku. Sadattant, iktar kmieni ippubblikaw vidjo miġbud fil-librerija pubblika ta' Beltissebħ bil-protagonista Ġuże Stagno, għall-kanzunetta "L-Uffiċċju" u dan jidher li diġa sewa ta' ħatab għan-nar li qed jikber ġmielu għall-avveniment tas-Sibt.


5.20 ta' filgħodu – qed nerġa nisma "Nixtieq"… iva – nixtieq immur norqod issa, fil-fond. 

12 ta' Frar 2012 – Nammetti li l-Brikkuni ma narahomx f'posthom fuq palk għoli, kemmxejn maqtugħa mill-udjenza. Biss, wara it-tieni debutt għal Yasmin Kuymizakis flimkien mal-grupp tagħha YEWS (b'James u Hagen) u t-togħma tajba li ħallew warajhom, Brikkuni, frott l-esperjenza issa twila tagħhom, ippreżentaw serata li tassew qabdet lill-udjenza ħelu ħelu ġot-Trabokk.

Serata li rat it-tmiem tagħha b'riviżitazzjoni ta' xi kanzunetti minn Kuntra Banda u b'assedju uman fuq il-palk, bi ħlejjaq umani li ma felħux ma jiċċelebrawx huma wkoll il-kbir Gadazz.

Huwa fatt krudili li fost udjenza ta' 1000 ruħ, tibqa ssib dawk il-ħafna li ma jgħamlu xejn ħlief ipaċpċu u jtellfu mill-ħafna gost tal-mużika ħajja. Filwaqt li barra nfetħu bwieb is-sema, fit-tielet sular tal-blokka l-Belt kien hemm elf ruħ jiċċelebraw ir-ritorn tal-Brikkuni fit-teatru taz-ZOO - Is-City Theatre.

Serata ħelwa mgħoddija ma nies sbieħ ħafna. 

1.00 ta' filgħodu – wara diskursati ħelwin ma' varji ħbieb u persunaġġi, ngħatu daqqa t'id sabiex l-istrumenti jsibu triqthom lura lejn id-dar.



2.30 ta' filgħodu – Gerrem il-plastik, ixref fil-kummenti u hemm hi s-sorpriża finali! Sabiħ li għal darb' oħra issib ismek (u anki laqam) fuq il-kopertina ta' biċċa xogħol ta' banda Maltija. Nammetti li nħsadt imma ser norqod bi tbissima wiegħsa. Grazzi lura lill-Brikkuni. 

3.30 ta' filgħodu – L'hena tiegħi ngawdi l-lejl. Issa hu il-ħin li nippubblika dan il-kumment dwar it-Trabokk. Wara tant stennija, hawn hu għalikom!