Monday 31 December 2018

Is-sena 2018

Is-sena tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall. Tas-37. Is-sena tal-festa mnejjka u l-mewt taz-ziju. Is-sena ta' Higuain, tal-vjaġġi f'Għawdex. Is-sena tal-Kobba. Is-sena tal-mewġ fil-Port il-Kbir. Is-sena ta' Giorgio Poi u Andrea Laszlo de Simoni.
Is-sena fejn ħassjetni l-inqas mifhum. Is-sena fejn ħassejtni l-iktar fraġli u l-aktar b'saħħti. Is-sena meta ħbieb gidbu fuqi u ġew emmnuti. Is-sena tal-24 kampjonat. Is-sena tal-mewt ta' Godwin Scerri u l-vojt li ma stennejtx li se nħoss wara. Is-sena tal-qalb kbira ta' Charles Agius u l-pożittività li kattar fija. Is-sena tal-messaġġi sbieħ u profondi li biddluli ħajti bħal dak ta' ex-kollega li fakritni li min iħobbok ma jidfinx il-poeżiji tiegħek f'kexxun. Is-sena tal-gideb u l-infern. Is-sena ta' Mario, Giselle, Alfred, Chalie u Romina. Is-sena ta' Charles Bennett u s-sbuħija ta' qalbu. Is-sena ta' Clint u l-allegrija li jġib miegħu. Is-sena ta' Katie u l-imħabba ġenwina li offrietli. Is-sena tat-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Italja. Is-sena ta' Belti bħala Kapitali Ewropea għall-Kultura fuq sfond tal-imwiet inkredibbilment numerużi li ħasdu lill-familji Beltin. Is-sena tal-ħolma tal-Beltin; il-Festa l-Kbira. Is-sena ta' Altofest f'Malta. Is-sena tal-karba tal-Beltin f'"Il-Ħasla". Is-sena ta' Victor u ta' Ġorġ il-kennies. Is-sena ta' Cynthia, GAME, tad-Danimarka, tal-Latvia, tal-Estonja u tal-Isvezja. Is-sena ta' Bernard u l-istand up tiegħu. Is-sena ta' nies kbar bħal Davide. Is-sena fejn tlift u ċedejt kemm-il darba biex forsi xi darba nirbaħ. Is-sena li fiha tlift parzjalment lil ommi. Is-sena li fiha pruvajt nibki imma d-dmugħ weħel; imma sal-bieraħ. Is-sena li fiha ċedejt u fgajt lis-suppervja biex ngħażel il-paċi. Is-sena li fiha ddedikajt ħinijiet twal għal ħaddieħor iżda wkoll ħin għalija. Is-sena li fiha skoprejt aktar lili nnifsi, il-limiti tiegħi, l-ħolm li jmexxini u għext xewqat mill-aktar umani tiegħi. Is-sena tas-Sirjani. Is-sena fejn esperjenzajt imħabba li qatt ma tmut. Is-sena li qalbi bkiet, ħafna, u daħket iktar. Is-sena ta' Wistin, Joyce, Agnes, Ċetta, Antonio, Filippa, Evelyn, Magdalene u l-bqija. Is-sena tal-ħolm u tal-ideat. Is-sena ta' lejl maġiku u l-ġenna. Is-sena ta' Salvini. Is-sena ta' xagħri mgerfxa. Is-sena tal-ħbieb speċjali. Is-sena ta' nies inutli. Is-sena ta' bejn is-swar. Il-lejl tax-xewqa li int tibqa'.

Tuesday 25 December 2018

Wegħda għal Milied tajjeb

Mario, Giselle, Anġlu, Romina... nista' ngħid li l-Milied ħa tifsira friska permezz ta' dawn in-nies u l-esperjenza li qed ngħixu flimkien fl-aħħar xhur. Nies ta' qalb kbira u li ma jistennewx illum biex jifhmu x'inhu l-Milied. Nies li bis-sempliċità tagħhom u fit-tbatija li qed jgħixu, jafu xorta jxammru l-kmiem u jġibu tbissima fuq fomm min verament għandu bżonn.

Ħajti nbidlet immens fl-aħħar xhur. Nista' ngħid li mhux dejjem fhimt xi jkun għaddej minni biss dejjem kont ottimist li l-bidla ġġib Milied ġdid. Il-ħajja qisha stazzjon tal-ferrovija. Inti tirkeb vapur tal-art bit-tama ta' vjaġġ sbejjaħ u destinazzjoni li ssaħħan lil qalbek imma kultant issib ruħek, bil-biljett f'idek titgerbeb fuq art kiesħa, mormi minn fuq staffa kemmxejn għolja.

Wegħda għal Milied tajjeb; dak li għadda, dan u anki li ġej - kliem fieragħ mimli illużjoni li titgerrem u titfarfar quddiem il-lingwaġġ dirett tal-ħajja. Il-kliem ma jiswa xejn quddiem ħajja li hija iebsa u diretta; ħajja li taf tkissrek u tixkupak jekk ma tkunx lest tqum, timxi magħha u kif jgħid Morgan, tħalliha tieħdok x'imkejjen oħra. Il-kliem ma' jiswa' xejn quddiem il-mewt ta' Rose li sellimtilha ftit ġranet ilu u li l-għada sirt naf li ġiet il-mewt inkiss inkiss u ħaditha x'imkien ieħor. Aktar kmieni, Mario Vella irrifletta fuq argument simili ukoll u qbadt nhewden:
"Id-dwal lelliexa, l-ikel bnin, l-irdoss ta darek, l-affezzjoni ta genituri, qraba u hbieb, ir-rigali maghzula b'reqqa u attenzjoni ghad dettal, il-biljett ghal pudina tal-milied, id-diskorsi solidari ta joseph, adrian u mary louise, il-muzika, il-programm shih kalcistiku li hemm imhejji fir-renju unit ghal boxing day, trading places, gremlins, imbuljuta........ghiduli inthom kif jista jkun ma tahsibx dwar il-mewt imminenti tieghek f'dawn il-jiem."
In-nies għamlulu ħafna likes kieku. Imma minjaf x'qed jifhmu jew ma jifhmux? Tgħid kapaċi jifhmu d-dmugħ ta' min hu mnikket jara lill-għeżież tiegħu jitbegħdu minnu - bla ma jista' jintervjeni? Tgħid jifhmu lil dak in-nurse li llum daħal xogħol bħas-soltu għassa ma' pazjenta mifluġa u sibtu jibki lil oħtu u bintha li ħallew din il-ħajja tant kmieni? Tgħid jifmhu lil min bit-trawmi tiegħu stess xorta waħda qed iħalli kollox biex iservi mħabbtu lejn persuna mportanti? Tgħid jifhmu lil min imbikkem jissielet ma' mewt li tqarreb issejjaħlu? Tgħid jifhmu xi tfisser li ċċedi kollox biex tara lil xi ħadd kuntent? Tgħid jifhmu? Jew forsi jiftħu ħalqom, jaqbdu pinna u jagħmlu like?

Kemm hi sabiħa t-tgħanniqa li tajtni fil-parkeġġ qalbi! Imżewqa b'silenzju li jifhimni, jew li jipprova. Silenzju li huwa Milied għal imħabba li kuljum lesta tmur x'imkien ieħor.

Sunday 18 November 2018

Xewqat sbieħ

Qed nieħu pjaċir nerġa nsib ħin sabiex nikteb. Grazzi għalik. Nixtieq naqsam miegħek il-ferħ ta' din ix-xewqa li nsir nafek. Bħal tifel żgħir, noħlom li tkun f'idejja, mixħuta komda titkellem dwarek; dak li jeċitak, dak li jiskomodak.

Nixtieq nipprova ma nibqax ħabib tiegħek iżda ninvesti għal xi ħaġa aktar; naqsam miegħek ħsieb ikkumplikat u filosofiji raffinati iżda wkoll tmellisa sempliċi, tgħanniqa, raqda, jew forsi bewsa. Mijaf kif tkun bewsa miegħek? It-togħoma, il-fwieħa jew riħa ta' mnifsejk. Minjaf tkunx fitta l-mistħija jew jekk ngħelbuhiex bi spontanjetà umli, umana.

Nixtieqek hawn, jew forsi le, nixtieqek fuq xi bajja, mgezza fi ħwejjeġ biex ma tiksaħx, għall-ħoss il-baħar. Nixtieq nisma' ħsibijietek; taħsibx li int iferjuri minn ħaddieħor. Nixtieqek hawn - qed tisma' dan il-kliem forsi nara wiċċek jesprimi gost. Imma għalissa nistenna dak il-jum.

Miktuba 27-12-2015. Misjuba fid-drafts u ppublikata 18-11-18.

Thursday 18 October 2018

Procula

L-aħħar jum, illum. Jew forsi lbieraħ.

Il-gawwi Grieg ittajjar bla ħadd tbissimlu. Bla ħadd ma stħajlu jintelaq fuq żiffa fil-Port. L-għatx siket. Ċeda. Il-pinnola morra tal-ħajja reġgħet kebbset fjammi jaqtgħu u jqattgħu bħal silġ miksur. L-għeruq ilmaħtu tiela 'l fuq sakemm tkebbeb ma' għonqi u għafasni kemm felaħ, rassni miegħu, sabiex mal-aħħar nifs ifakkarni f'kemm iħobbni.


Ir-rogħoda tal-kordi eku ma' għadmi, li mill-iswed ta' sidri jiżżerżaq tul ruħi u bħall-anġlu, iħalli mewt warajh sakemm forsi ma jarax dmija jċarċru.

Lasanja, għoddha kiesħa imħawwra fuq ġifen f'maltempata, tgħini nfittex xtajta. Tgħini nemmen li l-ebda xagħra minn rasi mhu ser tintilef. Nistejqer forsi llum jgħaddi wkoll. Forsi l-musmar twil li jniffed żewġ saqajn ma jkomplix jissaddad. Forsi ma jċarratx il-ġild meta l-mejjet jinħeles minn salibu għal dejjem.

Procula, l-ebda tmiem mhu kiefer daqs dan l-għar mudlam. Fejn kull ħsieb jirbombja minn qawmien is-serduk sa meta tgħosfor kull ħeġġa li ntenni nifs.

[11-10-18]

Wednesday 12 September 2018

Ġewwa jew barra?

Fis-26 ta' Awwissu li għadda r-residenti tal-Belt Valletta ingħaqdu flimkien sabiex jirrakkuntaw il-ħajja kontemporanja tagħhom lill-bqija tal-poplu. Il-konkorrenza kienet il-ġmiel tagħha għalkemm qajla sar reklamar. Saħansitra għadd ġmielu ta' posters inqalgħu matul il-lejl ta' qabel mit-toroq tal-Belt Valletta. L-udjenza ġiet minn madwar il-Belt Valletta kollha iżda wkoll minn bliet u rħula oħrajn fosthom Brussell! Il-Barrakka ta' Fuq kienet ippakkjata bin-nies kurjuża sabiex jaraw fiex kienet tikkonsisti l-Ħasla!

Kienet sa mill-bidu nett ix-xewqa tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jsir proġett li jinvolvi lill-komunità Beltija. Proġett kbir li jwassal lill-Beltin sabiex jitħaddtu dwar ir-riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali tal-art tant għażiża għalihom. Ġewwa Barra, kellu jkun pjattaforma unika għall-Beltin.

Għalissa ser inħalli f'ġenb l-element artistiku tal-proġett. Ġewwa Barra, hekk kien tlaqqam il-proġett,  kien l-ewwel u qabel kollox vjaġġ speċjali għall-komunità. Dan għaliex filwaqt li ħafna proġetti jafu jirriżultaw fi vjaġġ simili, dan kien il-vjaġġ ta' dawk li għall-dawn l-aħħar snin seffqu wiċċhom direttament mat-tajjeb u l-ħażin li t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġab miegħu għal Belt Valletta bħalma jiġri f'kull belt oħra mbierka jew misħuta b'dan ix-xettru.

Għal dan il-proġett kien hemm bżonn xi ħadd li kapaċi jifhem il-passjoni u ruħ tal-komunità Beltija. Xi ħadd li kapaċi jrażżan dak li jaħseb hu, u minflok, jagħti widen u jinterpreta b'talent, dak kollu li xtaqu jirrakkuntaw ir-residenti Beltin. Hekk ġara permezz ta' Victor Jacono. Tul il-workshops li sawru l-ewwel parti tal-proġett tfaċċaw numru ta' Beltin. Uħud ġew u telqu 'l barra. Oħrajn ġew, baqgħu u llum qed jiddiskutu kif ser jibqgħu ġewwa. Victor żera', kkultiva u ħasad ħafna frott li mhux kulħadd għaraf japrezza.


Kelli x-xorti ngħix dan il-proġett mit-twelid sat-tmiem u kelli xorti akbar ngħixu minn perspettivi differenti. Il-ħajja tal-komunità hija l-kultura; il-mod kif ngħixu flimkien u kif dawn il-modi jagħtuna identità distinta minn oħrajn. Il-kultura mhix arti u viċe versa. U għalkemm it-tnejn spiss jitwaħħdu, id-distinzjoni hija inekwivokabbli. Huwa hawn fejn l-arti teatrali f'"Il-Ħasla" ma kienet xejn ħlief vetrina tal-kultura. Hawn fejn l-arti teatrali saret eżerċizzju ta' trawwim ta' kunfidenza sabiex ir-residenti Beltin: tfal, żgħażagħ u xjuħ, jesprimu d-drawwiet u l-fehmiet sinċiera tagħhom - bla ma dawn ikunu mittiefsa.

Huwa għalhekk fejn l-iskript ta' "il-Ħasla" huwa ġojjell kulturali u li fil-kuntest storiku u kontemporanju ta' pajjiżna u Beltna jagħmel sens kbir. "Il-Ħasla" hija rakkont ta' Beltin li qed ikunu sfurzati jabbandunaw beltom għal spazji iktar sinjuri u komdi. Rakkont ta' Beltin anzjani li ta' kuljum jippruvaw iwasslu valuri lil uliedhom. Rakkont ta' tfal Beltin li għadhom jgħixu flimkien f'komunità tat-triq. Rakkont ta' żgħażagħ li joħolmu dar, xogħol u familja fl-istess Belt. Rakkont ta' Beltin li qed jibżgħu li ser jintilef il-pjaċir tal-Festa, taċ-ċelebrazzjonijiet tal-futbol u tal-imħażen u ż-żfin tal-karnival. "Il-Ħasla" hija wkoll rakkont ta' Beltin li jħossu li l-progress huwa aħjar minn nostalġija tal-passat. Residenti li jħossu li trid iċċedi xi ħaġa biex ma tkunx minsi.

"Il-Ħasla" kienet tassew rakkont sinċier. Iżewwaq dan kollu kien il-mod sempliċi iżda ġenjali li bih inkiteb ir-rakkont. Filwaqt li uża stejjer u ġografiji vera biex madwarhom jibni xenarju, Jacono welled il-metafora tal-ħasla li permezz tagħha t-tfal kienu jikkomunikaw messaġġi minn bejt għal ieħor, b'xebħ mal-mod kif jikkomunikaw il-bastimenti li kien iħobb isegwi n-Nannu Ninu fil-Port il-Kbir. Din il-metafora kienet il-bażi għall-narrativa kontemporanja. Apparti minn din, wieħed seta' japprezza l-użu adekwat u ntelliġenti tal-metafora, ir-riċerka fir-rakkont, il-battuti ħelwin kif ukoll il-libertà li sa ċertu punt kull karattru kellu sabiex ikun huwa nnifsu.
"Il-Ħasla" provdiet spazju fejn ir-residenti Beltin skoprew talenti moħbija. Kienet opportunità fejn huma taw ħasla lil min jaħseb li jaf ħafna u aktar minnhom. Lis-sinjurun li jinvesti bla ma jikkunsidrahom. Taw ħasla lil min riedhom ikunu protagonisti ta' din is-sena, iżda bħall-granċ, gidimhom, u ma sabx ħin għalihom. Taw ħasla lilhom infushom li kultant ma jafux jirrispettaw lil beltom u nesew kif jingħaqdu biex jiġġieldu għal dak li jridu u jwettqu dak li joħolmu.




"Il-Ħasla" fuq kollox tat ċans sabiex għall-aħħar darba isemma leħnu l-għażiż u mibki Godwin Scerri sabiex juri kif verament ikun Belti: bniedem mimli passjoni, mħabba lejn dak li jgħamlu hu u mħabba bla tarf għall-familja, niesu u l-komunità u l-kultura ġenwina tiegħu. Godwin kien appuntu bniedem li karab iżda ma nstemax, iżda baqa' jittama li f'għajnejn it-tfal li rawwem, tibqa' tgħix il-kultura ta' kull Belti... dik li ngħixu flimkien bħal aħwa u niċċelebraw ma' kull ċans li jkollna s-sabiħ ta' din il-ħajja qasira li għandna. L-identità unika tagħna.

Kif qalli xi ħadd akkademiku fl-aħħar tas-serata, jidher li dan il-vjaġġ tal-Beltin spiċċa jitqies bħala wieħed mill-aqwa proġetti li f'din is-sena tassew mess mar-ruħ ta' dawk li verament huma kapital ta' din il-belt; missirijiet, maħbubin u ulied il-kultura. Int ġewwa jew barra?

Monday 10 September 2018

Il-bejgħ tal-gideb

Kultant il-bniedem jasal iħalli lilu nnifsu jiġi kkundizzjonat minn biżgħat, minn inċertezza u minn nuqqas ta' informazzjoni. Agħar minn hekk, jikkondizzjona ruħu minn stejjer irrakkuntati minn ħaddieħor; stejjer fittizji, gideb, tiżjin żejjed, dettalji miżjuda bi skop wieħed, dak li t-terza persuna tilħaq l-iskop tagħha.

Hija weġgħa kbira ta' qalb nilmah nies li jemmnu kollox u jgħixu ħajjithom ibbażata fuq fantasiji perversi ta' nies oħrajn li ma jkunu qed jgħamlu l-ebda ġid ħlief lill-ego tagħhom.

Hija sensazzjoni ta' dwejjaq profond nara li jeżistu nies li kapaċi jivvintaw xenarji fittizji u jbiegħuhom bħala verità. Agħar ir-realtà li dan il-prodott isib min jixtrieh, jikkunsmah u jagħmlu tiegħu. Iktar agħar il-fatt li ħafna drabi, fil-mira tal-kreattività ikun l-istess xerrej! Ehhhh!

Imma iva, xi ħadd qalli li d-Dinja mhix kollha tjubija u allura rrid nikber u naċċetta li hawn min isib serħan fil-bejgħ ta' gideb, il-biżà mill-verità u d-distanza mill-konverżazzjoni.

Emmen fik u tikkunsmax dak kollu. Tkellem u fuq kollox, isma'.

Wednesday 20 June 2018

Il-Kultura taċ-Ċelebrazzjoni - Tislima lill-Belti Godwin Scerri

Godwin. Jew kif qal Fr Michael, Alla jirbaħ.
Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.

Godwin Scerri - Valletta. R.I.P.
Ma kontx ili nafu wisq lil Godwin. Naħseb ftit iktar minn sentejn.
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B'erba' kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta' modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.

Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f'barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.

F'sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b'ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta' xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.

Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b'isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.

Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b'ismi "Pawlu" u jsaqsini "kif int sabiħ?".

Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b'imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ 'l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni... dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.

Għallimni li mexxej tajjeb jirrispetta oħrajn. Kien Godwin li wara li sar jafni u nnota l-passjoni tiegħi lejn San Pawl, bgħat lill-ibnu iġibli xi ħaġa li kien żamm apposta għalija. Qalli "bħal dan mhux ser issib". Kien kalendarju fuq il-qasab li jirraffigura lil San Pawl fl-istatwa tant għal qalb ħafna Beltin - dik tal-Gafà.
3 ta' Marzu 2017 - Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju
Għallimni ninnota s-sbuħija f'ħarsa jew f'kostum. Għallimni li mexxej tajjeb, jaf li huwa mexxej u allura jmexxi. Juża leħnu. Jgħolli l-volum tal-vuċi skond il-bżonn u jara li kulħadd jisma' u jifhem.

Naħseb l-akbar memorja ta' Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma' għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b'karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.

11 ta' Marzu 2018 - Godwin ġewwa Ta' Qali - lest sabiex niċċelebraw!
Ried li nieqfu nitbikkmu, nipparteċipaw u mmiddu jdejna. Ried li permezz t'hekk, min imexxi jemmen fit-talba tiegħu għal-aktar rispett lejn il-Beltin. Ħasra li l-biżà tiegħu li Sant Iermu ser jittieħed lill-Beltin u mill-Karnival, qed titħawwar f'realtà li ser tifga l-ħolm ta' dan ir-raġel kemm f'ħajtu u kemm wara mewtu.

Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f'Alla dejjem u noħorġu nifirħu b'dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b'xi mod influwenza pożittiva lil ta' madwaru.

Naħseb int li qrajt s'hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!

Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna - kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!

Sunday 20 May 2018

L-ossessjoni bil-konformità

Dalgħodu lmaħt numru ta' kummenti fuq Facebook dwar iċ-ċensura li l-Isqof ta' Malta poġġa fuq Patri Mark Montebello. Nibqa' mistagħġeb, kif wara kitba tant mirquma speċjalment l-aħħar waħda - fejn saħansitra offra ktitika li jaf tkun rivoluzzjonarja għall-istess istituzzjoni, titfaċċa din ir-reazzjoni.

Reazzjoni li titfa dawl fuq il-biżà mir-rivoluzzjoni u mill-bidla. L-istess biżà li wasslet lil ħaddieħor qabilna sabiex isallbu lil Kristu, segwaċi fidili tiegħu u persuni oħra li kellhom sfida nobbli x'joffru lil ta' madwarhom. Dan huwa żgur tal-biżà: il-probabbiltà imminenti li l-Knisja ssir dinosawru - anzi skeletru ta' dinosawru, poġġut f'vetrina għall-istessi.

Ammirevoli t-twiddib ġentili imma skjett ta' Patri Mark li jgħaraf jindika kif l-esperjenza tal-poplu dwar il-Knisja qegħda, kull ma jmur titnawwar b'perċezzjoni ta' istituzzjoni mhux sensittiva, intransiġenti, intolleranti, irrazjonali u marbuta fil-passat. Impressjonanti kif dan l-argument ta' Mark fl-artiklu tiegħu tal-25 t'April, ingħata konferma b'din iċ-ċensura!

Għaliex nibżgħu mill-ktitika? Għaliex il-biżà li nammettu żball? Għaliex il-biżà li nagħtu widen lil min ikun intebah qabilna?

Jekk hemm kitba li ħallitli marka f'ħajti, żgur li waħda minnhom kienet fil-ktejjeb "Il-Fidwa tal-Anarkiżmu" li Mark stess kiteb u kien għoġbu jirregalali snin ilu. Fih intbaħt bil-ħafna fatturi li jeqirdu lill-bniedem fosthom l-ossessjoni bil-konformità u l-fissazzjoni bil-formaliżmu. Ħasra li l-Knisja f'Malta qed tattakka lil dan il-ħassieb u tinjora membri oħra li perennament għamlu u qed jgħamlu ħsara ta' kull ġeneru fil-parroċċi tagħna!

Jistgħu jsikktuk Mark, imma ħsibijietek u kitbietek ser jibqgħu.



Monday 9 April 2018

"Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek."

"Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek. Kont ilek teqred għaliha din!"

Hekk qabbiżni mid-dar ilbieraħt lura missieri Ċensu meta għall-ħabta tal-16:45 sellimtlu biex immur lejn Pjazza San Ġorġ sabiex flimkien ma' sħabi, nikkordinaw l-aħħar tentufiet dwar il-Festa l-Kbira. Kienet tislima li ferrħitni għax apprezzajt li fis-silenzju tiegħu missieri kien wieħed mill-ftit li urewni li jafu x'fissret għalija l-ħidma b'risq dan l-avveniment u dik il-ġurnata. Kienet ukoll tislima li ħasditni għax erġajt ftakart li minħabba sitwazzjonijiet personali ma kienx ser ikun jista' jgawdi, ta' Belti li hu, dak li tul is-snin rawwem f'ibnu.

IL-FESTA L-KBIRA - Ritratt mill-isbaħ ta' sieħbi Joseph Galea
Sa minn San Stiefnu, Missieri kien iżarma l-ornamenti tal-Milied u jibda jipprepara sabiex jarma lil San Pawl fid-dar. Sa mis-26 ta' Diċembru, il-marċi ta' La Valette kienu jkunu akkumpanjament kontinwu speċjalment nhar ta' Sibt u Ħadd meta ma kienx ikun xogħol. Kuljum praċett, il-casettes sofor jew ħomor li ġemma sa mill-1984 kienu jkunu hemm, lesti għal taħt idejh. Il-vuċi ta' Charles Coleiro kienet issaħħarni bħal qisha tistiednek idduq kull silta mużikali daqs li kieku kienet tazza nbid, sal-aħħar qatra. Il-Marċi ta' La Valette kienu jakkumpanjawna b'mod impekkabli sal-10 ta' Frar. L-għada, il-Funebri tal-istess banda kienu jagħmlu l-istess sal-Ġimgħa l-Kbira. Sadattant Elvis, Cash, il-Beatles, Celentano, il-Creedance Clearwater Revival, il-Fleetwood Mac u s-selezzjonijiet ta' Mario Laus kienu jibqgħu jittamaw li jqarreb is-sajf!

Is-sajf kien jasal u hekk kif joqrob Awwissu, missieri dejjem kien iżerżaq il-casettes, din id-darba blu tal-Banda King's Own jew l-LP bil-wiċċ stampat kbir tal-Maġġur Anthony Aquilina. Niftakru jispjegali li għalkemm aħna Pawlini, dawn il-marċi tal-Festa ta' San Duminku huma biċċiet mill-isbaħ u erħilu jirrakkontali dak kollu li kien jaf dwarhom. U kif setà ma jżerżaqlix l-Agrigento, Forza Ċensina jew Balfrendozan!

Iva nista' ngħid li fija Missieri, ta' Belti kburi mill-Arċipieku li hu, qatt ma rawwem firda iżda prinċipji. Prinċipji Pawlini ta' rispett komplut. Rispett u apprezzament lejn dak li huwa tagħna u jagħtina identità iżda anki lejn min mhux tal-istess parroċċa, festa jew każin. Missieri, anki qalb xi tikka nkejja, dejjem spjegali kif kulħadd jiżbalja u li fuq kollox aħna Beltin u familja.

Is-snin gerrbu. Illum jien membru kburi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u sa mill-2013, impjegat u aktar tard uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-ewwel snin ta' din l-esperjenza kont naħbat ma nies li kienu jhewdnu bħali: "issa kieku xi darba noħorġu l-erba' qaddisin flimkien, mhux sabiħa tkun Pawl?". Jgħidielek wieħed, tnejn, tlieta; kont iddeċidejt li nimbotta din l-idea. Għall-bidu kollox kien għat-telgħa u l-idea ma sabitx art fejn tinbet iżda hekk kif tfaċċat id-Direttriċi Catherine Tabone, kollox inbidel. Is-Sinjorina Tabone mill-ewwel offrietli li tkun spalla sabiex l-idea sseħħ u kelli ndikazzjoni li hekk kif tispiċċa l-ħidma relatata mal-ftuħ tas-sena 2018, nitfgħu rasna hemm sabiex nibnu qafas. U hekk ġara. Niftakar li waqt laqgħa marbuta mal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet Beltin ġewwa Fortress Builders kien is-Sur Edward Bonello li ħeġġiġna nagħtu prijorità lil din ix-xewqa tal-Beltin u hemmhekk anki c-chairman Jason Micallef kien wiegħed li t-talba mhux ser taqa' fuq widnejn torox.

Parti mit-tim. 4 Ġirbin u 3 Beltin.
Kelli l-inkarigu li nkun vuċi għal din il-ħolma tal-Beltin u kont koordinatur tal-proġett. Biss kont fortunat li sibt miegħi Maniġer tal-produzzjoni u ħabib mill-aqwa Christopher Cassar - ġirbi kburi li jħobb lin-nies u li jaf jaqbad il-ħolm u jwettaqhom fil-prattika. Flimkien, fassalna pjan ta' ħidma b'sensiela ta' ideat li umbagħad flimkien mal-kollega u ħabib Albert Dimech, ressaqna quddiem rappreżentanti tal-Għaqdiet Beltin li jorganiżżaw il-Festi kif ukoll dawk tal-Baned. Kif qal Luqa meta San Pawl wasal Malta, l-istess aħna dwar l-Għaqdiet. Sibna kollaborazzjoni liema bħalha. Kellna numru ta' laqgħat li fihom ir-rispett li ntwera għamilni aktar kburi b'dan il-poplu u b'dan il-proġett ħolma.

Hekk kif bdejna nħabbru li ġiet identifikata data, kien hemm bħal sens ta' inkredulità. Tassew mhux faċli timmaġina ħolma sabiħa li tkun ilek toħlom fir-realtà. Fi ftit ġimgħat il-Beltin xegħlu; kulħadd jitkellem dwar il-Festa li ġiet imlaqqma "il-Kbira". Ħdimna flimkien ma' kollegi bħal Marcia Grima, Giuliana Barbaro-Sant u Victor Jacono anki fuq livell anki informali sabiex nibnu fuq l-esperjenza tal-ftuħ tas-sena u nkomplu nħeġġu lill-Beltin jersqu lejn il-Fondazzjoni.

Kienet esperjenza tassew unika. U ta' dan huma xiedha d-dmugħ ta' ħafna Beltin li ġenwinament bkew meta raw l-erba' vari titulari li tant jiddefinixxu l-identità tagħna mexjin ħaġa waħda tul l-arterja prinċipali tad-dar tagħna. Xhieda ta' dan ukoll kienu d-dmugħ tal-għażiż Joe Mizzi 'Kurun' li f'Awwissu li għadda, xahar qabel ħalliena, tgħidx kemm dam ifakkarni li mportanti l-għaqda bejn il-Beltin, hu x'inhu l-pinċipju reliġjuż jew il-kulur politiku. Kien ħolmu huwa wkoll is-7 ta' April 2018.

Titwila lil Pawlu qabel xejn!
Xil-17:00 jiena kont fil-Kolleġġjata ta' San Pawl. Għaddejt sellimt lil Pawlu u tlabtu barka u sapport sabiex il-lejla tkun memorabbli u li tħalli l-ġid. Bħal dejjem, semgħani. Għalkemm għall-ewwel darba wara 37 sena ma rajtux ħiereġ mill-Knisja u għalkemm ma stajtx ingawdi l-Festa l-Kbira mal-bqija tal-Beltin, inħossni tassew ixxurtjat li stinkajt sabiex twettaq mument kruċjali tal-istorja ta' Belti u fuq kollox, niesha.

Ninsab grat lejn kull min ġie qal grazzi. Grat lejn il-ħaddiema l-aktar siekta li kien hemm tul l-attività kollha. Fuq quddiem il-kappillani, arċipriet u pirjol tal-komunitajiet Beltin. Grat lejn it-tim li kellna - lista twila ta' persuni li ħadmu magħna bħala koordinaturi, hosts jew maniġers ta' sezzjonijiet varji. Grat lejn dawk tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, ta' Transport Malta u Malta Public Transport, tal-Ferries u l-barklori u dawk tal-Cleansing Units li fi ftit siegħat naddfu kemm qabel kif ukoll wara l-attivitajiet li kellna. Grat lejn il-Kurja. Grat lejn il-membri tal-Kunsill Lokali li ssapportjawni. Grat lejn il-pubbliku li attenda u mexa mal-istruzzjonijiet b'mod mill-aktar ċivili.




Ritratti ta' sieħbi Sebio Aquilina
Diġà għaddew jumejn. X'fadal minn dan kollu? Naħseb ħareġ biċ-ċar li l-kultura ma hix xi ħaġa li jfasslu jew jiddettaw xi maniġers, diretturi, diretturi artistiċi, artisti jew xi kritiċi tal-arti. Il-kultura hija sensiela ta' prattiċi ta' ħajja, mibnija minn poplu. Prattiċi ordinarji, komuni għall-membri ta' dak il-poplu u li fihom l-istess membri jsibu xi forma ta' valur.

Ritratt ta' sieħbi Carl Farrugia
Il-prattika tal-Festa f'kull belt u raħal f'Malta hija ntrinsika mal-kultura tal-poplu Malti. Prattika ħelwa li tiġbor fiha valuri reliġjużi, artistiċi u edukattivi mwassla minn ġenerazzjoni għall-oħra tul is-snin. Ma kinetx tkun sena kompluta kieku l-Festa ma kinetx fil-qalba tal-programm kulturali li ġie mfassal - u ta' dan illum inħossni kburi.

Il-kultura tal-Beltin hija kultura ta' ferħ, mużika, kulur, disinn u kreattività. Ħareġ ċar li l-Beltin konxji mid-dritt li joħolmu u jwettqu. Ħareġ ċar li kif għallimni missieri, il-Beltin jafu li huma iktar b'saħħithom flimkien milli għal rashom. Fuq kollox ħareġ ċar li fejn hemm il-ħolm u l-koordinazzjoni bejn kull saff tas-soċjetà li ngħixu fiha, dan l-istess ħolm, jasal jitwettaq. Minn dejjem kellu raġun missieri..."

Ejjew nibqgħu noħolmu u nkunu protagonisti flimkien, għeżież Beltin!

Friday 30 March 2018

Ġimgħa kbira

Sfortunatament illum ma stajtx ingawdi t-tifkira ta' dan il-jum partikolari kif kelli ppjanat. Kelli nċedi għall-mard, forsi ma tafx kif inkun aħjar fi ftit siegħat.

Kont qed nisma' il-kummentarju sabiħ ta' Ġorġ Peresso. Sabiħ tassew għax bħal donnu poeżija imma ħasra li jintilef kompletament il-ħoss reali tal-folla u ż-żaqżieq tal-bsaten fuq dahar ħuti l-Beltin. Minn dari nista' nisma' il-banda ftit sekondi qabel il-ħoss tagħha jivjaġġa sat-televiżjoni waqt il-ħruġ tar-redentur.

Redentur - Valletta. Ritratt ta' Philip Camilleri
Illum xtaqt nikteb. Imma ma kontx naf dwar xiex. Għaddew wisq ħsibijiet tul il-jum. Ma stajtx insib tarf! Il-persunaġġi tal-purċissjoni li llum m'għadhomx magħna? Minn Bruno, Cumbo sa Cremona. Ix-xewqa li nara ż-żewġ baned Beltin isebbħu din l-okkażjoni flimkien? L-aħbar li l-Papa Franġisku abolixxa l-infern? Il-karba għall-ispirazzjoni biex forsi nerġa' nibda nsib l-arti? Il-frustrazzjoni għal persuni li joħolmu li dawn id-drawwiet jitfarrku imma mbagħad tilmahom isegwuhom fit-toroq tal-Belt?

Ftit tal-ġranet ilu xi ħbieb barranin qaluli "jekk f'Malta tkun trid tibqa' lil hinn mir-reliġjon, jgħamluhielek tassew diffiċli". Dak il-ħin bħal donni qbilt għax naf li l-preżenza reliġjuża hija evidenti u qawwija f'kull kuntest Malti. Iżda llum għidt bejni u bejn ruħi "kemm tgħamilha aktar diffiċli din is-soċjetà sabiex tinjora kollox u tintilef fil-ħmerijiet u bluha? Kemm huma iktar goffi l-konsumeriżmu, il-ġenn tax-xogħol u t-telfa tal-valuri?"

Kemm hu sbejjaħ il-baħħ ta' dan il-Jum! Kemm hu sabiħ il-baħħ fuq wiċċ l-għorrief li jitkażaw bit-riti mill-iktar emozzjonali li missirijietna għaddewlna. Kemm huma sbieħ dawk it-tniebri li f'mota mnikkta jixħtu dawl fuq twemmin li rawwem din il-kultura Maltija.

Il-purċissjonijiet ħarġu. Peresso mhux jinstema'. Din is-sena mhux ser niġbor qronfol minfuq id-Duluri. Is-sogħola għadha għaddejja bħar-riklami ta' każijiet traġiċi qabel il-maratona ta' Xarabank li jqabbdu dwejjaq bl-idea li jġegħluk iddaħħal idejk fil-but. Terapija: bela' té, biċċa qagħqa tal-Appostli u nipprova nħażżeż ftit kuluri fil-forma ta' mara.