Sunday 29 November 2015

Fl-Isqaq

"Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ."

Hekk kiteb Immanuel Mifsud f'artiku minn tiegħu li deher illum. Kitba ta' Mifsud dejjem tinżel għasel, u waħda qasira tinżel aktar faċilment ngħid għalija. Bħal biskuttin ma' belgħa tè minflok ikla bi tlett platti.

Laqatni wisq dak il-paragrafu ikolli ngħid. Lil hinn mill-kuntest li kien qed jikteb dwaru Immanuel, ġieni spontanju sentiment kuntradittorju hekk kif qrajtu. Insibha diffiċli mmens nifhem jew aħjar, napprezza kif din ir-'refuġjata' tista' tilmenta mill-ħajja tal-isqaq. Mhux li kien tiġi gwerra u tibgħatna fi sqaq li jġibilna dak ir-refuġju emozzjonali; refuġju mis-solitudni li kultant taf toqtol aktar mill-bombi; refuġju għall-ħajja!

Imma l-ħajja dik hi, ikollok l-abjad u tkun trid l-iswed. U viċi versa. Ispirat minn kliem Kristu dejjem emmint li l-bniedem mhux bil-'likes' biss jgħix. Inħoss li ngħix f'ħajja fejn għalkemm miżgħud bil-ġid, ħbieb u x'naf jien, hemm il-bombi neżlin. Kultant tisma' s-sirena ddoqq. Kultant jiġi minn iħabbatlek u jistiednek tmur f'raħal ieħor… imma fejn? X'raħal? Jekk il-qalb hija waħda.

F'dik il-gwerra tista' biss toħroġ mix-xelter, tiftaħ idejk, tħares 'l fuq u tħalli l-bumbardament jibda. Ġieli jkissrek u ġieli jsaħħek. Bħall-abjad u l-iswed din! Bħar-ritratt ta' Immanuel.

Thursday 26 November 2015

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.

Saturday 21 November 2015

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f'mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f'dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa' u t-tul ta' dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta' bejniethom bħal f'baħar blu u frisk li jitħabbeb ma' ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma' dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?