Saturday 5 December 2015

Ġlekk u qmis

Il-ġlekk u l-qmis għalxejn:
ninżahom, niftahom gozz fuq soddti.
Kemm nixtieqha hawn fid-dlam.
Kemm nixtieqha hawn fil-mużika.
Kemm nixtieqha hawn f'silenzju.
Biex nisma nifisha jfewwaħ.
Biex naqta' ġuħ ta' mġewwaħ
u nsaqsi mitt mistoqsija
għal risposta waħda.
Bħalma mija huma l-kwiekeb,
iżda waħda l-eżistenza.
Kemm nixtieqha.

Isma l-mużika hawn

Sunday 29 November 2015

Fl-Isqaq

"Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ."

Hekk kiteb Immanuel Mifsud f'artiku minn tiegħu li deher illum. Kitba ta' Mifsud dejjem tinżel għasel, u waħda qasira tinżel aktar faċilment ngħid għalija. Bħal biskuttin ma' belgħa tè minflok ikla bi tlett platti.

Laqatni wisq dak il-paragrafu ikolli ngħid. Lil hinn mill-kuntest li kien qed jikteb dwaru Immanuel, ġieni spontanju sentiment kuntradittorju hekk kif qrajtu. Insibha diffiċli mmens nifhem jew aħjar, napprezza kif din ir-'refuġjata' tista' tilmenta mill-ħajja tal-isqaq. Mhux li kien tiġi gwerra u tibgħatna fi sqaq li jġibilna dak ir-refuġju emozzjonali; refuġju mis-solitudni li kultant taf toqtol aktar mill-bombi; refuġju għall-ħajja!

Imma l-ħajja dik hi, ikollok l-abjad u tkun trid l-iswed. U viċi versa. Ispirat minn kliem Kristu dejjem emmint li l-bniedem mhux bil-'likes' biss jgħix. Inħoss li ngħix f'ħajja fejn għalkemm miżgħud bil-ġid, ħbieb u x'naf jien, hemm il-bombi neżlin. Kultant tisma' s-sirena ddoqq. Kultant jiġi minn iħabbatlek u jistiednek tmur f'raħal ieħor… imma fejn? X'raħal? Jekk il-qalb hija waħda.

F'dik il-gwerra tista' biss toħroġ mix-xelter, tiftaħ idejk, tħares 'l fuq u tħalli l-bumbardament jibda. Ġieli jkissrek u ġieli jsaħħek. Bħall-abjad u l-iswed din! Bħar-ritratt ta' Immanuel.

Thursday 26 November 2015

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.

Saturday 21 November 2015

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f'mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f'dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa' u t-tul ta' dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta' bejniethom bħal f'baħar blu u frisk li jitħabbeb ma' ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma' dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?

Tuesday 27 October 2015

Pur bħas-silġ

X'inhu dak li wara lejl twil u mħarbat, imżejjen b'biki u inkwiet, jiġi b'ħolma ta' vjaġġi li jaqtgħu n-nifs, perikolużi, f'tubi dojoq sakemm inqum maħsud u hemm insibu jżiegħel bija b'xewqa ta' tjubija mdendla f'għoli ta' siġra?

 Il-ħoss etern ta' ħsieb pur bħas-silġ idakkar madwari b'din l-ossessjoni li tinbet minn żerriegħa antika, mormija. Żerriegħa li tinbet bir-riskju ħlejju li tikber siġra; kenn mill-vojt ta' madwari.



Friday 23 October 2015

20 sena ta' Mellon Collie and the Infinite Sadness

24 t'Ottubru 1995 - 24 t'Ottubru 2015

Niftakar lil Istivan ġej fil-klassi b'dak l-imbierek safety shoes u bil-famuż album doppju tagħhom; l-iSmashing Pumpkins. Jien li kont ninnamra mal-mużika tal-Ace of Base, kont xettiku, u li kieku mhux għall-ħbiberija ġenwina li kienet tirrenja fil-klassi, kont neħel hemm...

Mellon Collie & the Infinate Sadness... titlu stramb, qoxra "cool". Bħal meta tixħet barmil ilma tul taraġ, din il-ġabra okkupat kull kantuniera ta' żgħożiti; innijiet tat-tfulija li nfiltraw f'kull toqba, kull kantuniera. Kienet mużika li għallmitni naħseb u żratli x-xewqa li nesprimi kull emozzjoni tiegħi f'poeżija, bikja, twerżiqa, melodija.

Illum inħares lura u nirrealiżża li f'dawk il-ġranet qatt ma fhimt eżattament x'kien il-kontenut li kont qed nisma imma dak il-ħoss, dik il-melodija u l-maġija li tinħass tul kull sekonda, serquli qalbi! Naħseb anki lil missieri għax niftakru jsaqsini "x'qed tisma?" b'ton ta' xi ħadd interessat".

Ġabra, jew aħjar, innovazzjoni mużikali li misset lil ħafna. Il-ġenju ta' Corgan, D'Arcy, Iha u Chamberlin, anki jekk illum m'għadux jidwi, ikkontribwixxa għal moviment ta' żgħażagħ li fasslu ħsibijiethom tul versi ta' poeżiji. Mużika u nterpretazzjoni li għalkemm tipikament skjetta fil-ġenwinità tagħhom, huma elaborati għall-punt ta' eleganza klassika u spiritwalità mill-aktar fonda.

Fejn tibda? Fejn tispiċċa? By Starlight, Zero, Bullet with butterfly wings, Beautiful, Thirty-Three, 1979, Love, Muzzle, XYU , In the arms of sleep... ibda u ma tieqafx. Trid issemmihom kollha kemm huma. Ngħid għalija, kollha kantajthom b'ħeġġa, waħdi fil-kamra, xi drabi bilwieqfa fuq is-sodda nimmaġinani qed nakkumpanja lil D'Arcy :)

Hemm wisq x'tiċċelebra llum li dan il-kapulavur artistiku jgħalaq l-għoxrin sena mill-varar tiegħu. Ibda minn dik il-qoxra spettakolari, sad-disinn tas-cds u bil-wisq aktar, kull nifs li tikkonsma sabiex tisma' il-kollezzjoni.

Għaddew għoxrin. Lil Istivan rari sirt narah, biss dejjem ħsibt fih meta s-sensi tiegħi tpaxxew b'dan l-album. Rigal, bieb miftuħ, forsi mhux intenzjonat, li kien, għadu u probabilment ser jibqa' jakkumpanja din il-ħajja u l-bżonn ta' ħolma, ta' bikja, ferħa, ħsieb, tgħanniqa, għajta, tisfira, tifsira, mistoqsija, mixja, konversazzjoni, qawmien jew siesta.
"Too late to turn to turn back now, I'm running out of sound
And I'm changing, changing
And if we died right now, this fool you loved somehow
Is here with you
I won't deny the pain
I won't deny the change
And should I fall from grace here with you
Would you leave me too?"

Saturday 3 October 2015

Għażiż Pawlu

Ilbieraħ kelli waħda minn dawk is-serati b'dilemmi. Żewġ stediniet, mill-aktar apprezzati, għal avvenimenti, tista' tgħid fl-istess ħin. Bħalma saret rutina fl-aħħar sentejn, għamilt il-pjanijiet waħdi, sabiex nipprova nduq l-emozzjoni tat-tnejn.

L-ewwel mawra ħaditni sal-belt kapitali l-antika, l-iMdina. Il-vjaġġ, għal kuntrarju ta' dak li rrakkuntaw in-nies fuq Facebook matul il-jum, kien ħafif u bla ntoppi. Inċidejt wieħed biss meta wieħed pretenda li nakkomodah u ngħatih id-dritta anki jekk kien qed jikser ir-regoli tat-traffiku u ntefa' jsegwini, ipaqpaq u jżewwaq xi kliem li ma stajtx nifhem. Fuoco Amico I tal-Verdena tfietu u għall-mument stħajjilt qed nara xena virtwali ta' dan jitmasħan fil-karozza ta' ma' ġenbi!

Ħallejt iċ-ċwievet tal-karozza lil San Pawl tas-Saqqajja u lebbitt lejn il-Palazz De Piro. Hemm sibt lill-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici bħal donnu qed jistennieni għax kif irfist l-għatba tal-gallerija, beda d-diskors għall-ftuħ tal-esibizzjoni t'arti viżiva tal-artist Belti, bravu u ġar tiegħi Paul Caruana.

Sar il-ftuħ u qbadt indur ix-xogħolijiet ta' Pawlu. X'naqbad ngħid?! Kull kwadru, storja; emozzjoni. Quddiem uħud xtaqt biss ninfaqa' nibki bi pjaċir u b'nostalġija għal rakkonti li sawwru lil Belti u niesha. Stejjer li sfortunatament tul iż-żmien traskurajna u tista' tgħid tlifna sakemm fl-aħħar snin stenbaħna u erġajna ntfajna nistaqsu suritna!

Minn lat artistiku, Pawlu Caruana huwa mastru fiż-żebgħa tal-ilma. Ħasra li hawn min jeħel quddiem din it-teknika u jikkategorizzaha bħala arti 'inqas' għolja minn oħrajn. Jien li għal kuntrarju ta' Pawlu naħdem bi pniezel diġitali, nħoss li kull għodda li tintuża għal espressjoni artistika tista' tiġġenera xogħol medjokri jew xogħol ta' kwalità. U hawn, fil-każ tas-serje Dear Younger Me ta' Pawlu Caruana sibt xogħol li jidħol fil-profond tal-ħajja tal-artist iżda wkoll fil-ħajja tal-komunità li fiha huwa trabba. Kif qal sewwa Ugo Mifsud Bonnici, xogħol Pawlu huwa kumment soċjali. Allura nidħak meta naħseb li kien hemm min irrifjuta li juri dan ix-xogħol bl-iskuża tal-lingwa klassika taż-żebgħa tal-ilma.




Bla dubju nħeġġeġ lil ħuti Beltin, Vallettani, sabiex isuqu sal-Belt l-oħra (hux hekk Simon?) u jgħatu titwila lejn il-ħajja u l-istejjer passati fid-Due Balli u 'l madwar, qalb nisa, anzjani, tfal, fantasija u anki iħirsa.

Kif mistenni ma setax jonqos li nsib lil sieħbi u ex kollega George Cini f'dan l-mument. Belti ieħor jekk Alla jrid! Filfatt Pawlu Caruana kien ikkollabora ma' George fil-kontenut viżiv tal-ktieb tant famuż 'Strada Stretta'; il-ktieb li jiena nqis bħala l-katalist uffiċċjali tal-qawmien ta' din it-triq. Id-diskursati ma' George dejjem jinżlu għasel; dejjem jgħallimni xi ħaġa ġdida bit-taħdit uniku tiegħu; a-la Beltija!

Tlett 'kriminali' Beltin: Paul Caruana, George Cini, Pawlu Mizzi
Sar il-ħin u kważi bħal pażtaż, sellimt lil Pawlu u George, ħadna stessu (hekk sewwa u xieraq) u ħrabt 'l hemm. Soqt sal-iktar raħal li jdejjaqni f'Malta - Tas-Sliema u pparkjajt ġewwa l-parkeġġ tal-iskola St Patrick's, qalb iħirsa ta' memorji sbieħ li dejjem jitfaċċaw b'ħafna toqol meta nqarreb 'l hemm.

Flimkien ma' sieħbi John u l-kollega Margerita, intfajt nsegwi l-kunċert tal-artist Neil Halstead. Lil Stalko ma' lħaqthomx; paċenzja! Għal darb'oħra l-promoturi HairyAmp ġabu ismijiet ta' kalibru kbir u ħadt gost nara li l-udjenza rrispondiet. Jidher li l-Maltin qed jirrealizzaw u jfittxu mużika tajba dejjem aktar. Il-mużika ta' Halstead hija raffinata; kważi kważi ironika quddiem il-karattru u d-dehra kemmxejn aktar ħorox tiegħu. Ħadt pjaċir ngħalaq għajnejja jew niċċassa lejn is-saqaf u nisma. L-inbid mill-Imdina beda jgħin iżda sa ċertu punt beda' jtellef ukoll - l-istess bħan-nies iqumu u jpoġġu 'l ħin kollu!

Wara xarba tajba ma' ħabib tiegħi f'bar ikrah u bla ruħ ġo tas-Sliema, għaddejt sal-parkeġġ u soqt lura lejn il-Kapitali qalb ħsibiijiet varji u xi ftit rabja wkoll. Stramb dal-moħħ u stramba dil-qalb; bħal donnu reġa' wasal tmiem il-ġimgħa. X'tgħamel, għażiż Pawlu!?

Wednesday 23 September 2015

Il-ħajja u l-kafé

Daqs li kieku kien l-aktar ħabib li miegħu għandi kompliċità raffinata, dalgħodu l-Facebook infurmani li tfaċċat kanzunetta ġdida tat-tant għażiż Max Gazzè. Wiċċi jieħu l-ħajja! Ara mn'alla hemm il-'get notifications' jew 'know first' għax ma taħrablix waħda. Bħalissa s-1:30 ta' filgħodu u ma nistax nieqaf nisma dan ir-rakkont ta' raġel li spiċċa ħareġ ta' ċuċ grazzi għal mara li xtaq iħobb. Kultant ikolli bżonn naqta' ftit mill-femminiżmu ta' Consoli u għal daqshekk Gazzè jpatti; hekk sewwa u xieraq f'ġieh il-bilanċ!

Gazzè huwa ġenju fejn jidħol dak li nsejjaħlu 'sarkażmu mużikali'. It-traġedja ta' dan il-persunaġġ li spiċċa jiġġieled ma vuċijiet iżeffnu f'rasu u jikkontempla jtemm ħajtu (u hawn xejn ġdid) hija rrakkuntata f'kanzunetta pseudo-allegra li titolbok tqum minn bilqegħda u tintefa tiżfen sakemm tgħejja. Nota wara nota, tiżfen, sakemm fl-aħħar, hekk kif jaqa' is-silenzju, jew jispiċċa l-kafé, bħal qisek tirrealiżża kif l-artist tmejjel bik jew kif int tant aljenat li sfajt imċewweċ ukoll; appuntu bħall-persunaġġ! Maaaa kemm hu ġenjali Gazzè!

Minjaf kemm għad iridu jiżfnu mijiet għan-noti ta' din il-ġrajja mbikkma. Minjaf fosthom kemm nies li appuntu kienu kaġun ta' tant uġiegħ fuq ħaddieħor.

Fi ġranet bħal-llum, niftakar meta ltqajt ma' Max ġewwa Dar il-Mediterran u l-għada bħal fl-aqwa ħrafa ġewwa Triq ir-Repubblika quddiem l-ATM tal-Bank of Valletta. L-ispirazzjoni li jimlili ruħi biha dan l-artist hija xi ħaġa li diffiċli niddeskrivi. Klassi għalih li tassew ftit iħabbuha magħha!

U issa, bħal tifel quddiem tal-ġelat iħawwarlu tazza, nistenna bi ħġari t-tnedija tal-album il-ġdid tiegħu. Uffiċċjalment u bi pjaċir immens, niftħu s-siparju għal darb' oħra fuq staġun ieħor ta' mużika mill-'poeta minuri'!


Tuesday 21 July 2015

Dalam

"Dalam..."

Hekk bdejtha l-poeżija nkwetanti tal-bieraħ. Poeżija li frankament ħadd mhu ser jinteressah jaqra.
Għax x'jinteressah il-bniedem minn bniedem ieħor meta dinjietu hija biżżejjed miżgħuda stejjer u rakkonti.

Hawn biss dlam...

Fost tbissim irreċtat bla ħadd jissuspetta l-bikja wiesgħa taħtu, kulħadd kuntent, kulħadd ferħan.
Fost rutina marida li tistħajjilha bħal kankru kiefer, tirkeb fuq fjur kull uman, u tnaqqru bla ma jinduna.
Fost ideat sfurzati, konsum ta' flus.
Fuq drone ninnota s-sajf miġnun, mgħobbi kondoms użati u nisa attrajenti, nofshom diġà tqal. Minjaf x'inhu l-aħjar?

Kantanta tistona, tfajla tinża, tmiss lilha nfisha, u jien inpenġi jew nikteb il-ħolma fis-siegħa u għoxrin ta' filgħodu. Infittex sens, jew ġenn. Infittex xi ħaġa ċara.

Friday 10 July 2015

Mill-Luxol sa Firenze

Fi triqti mill-istazzjoni lejn iċ-ċentru ta' Firenze kelli kunflitt ta' ħsibijiet: bejn l-eċitament li daqstant tard f'ħajti ser immiss ir-realtà ta' din il-belt tant maħbuba fost dawk li jħobbu l-arti iżda wkoll kemmxejn ta' biżà mill-fatt li fi ftit ħin dik l-immaġini idealiżżata ta' belt meraviljuża setgħat tisfaxxa fix-xejn. Għal mument l-immaġinazzjoni u r-realtà lletikaw b'qilla sħiħa ġewwa fija.

F'dawk il-passi bdejt nirrealiżża kemm għalkemm mingħalija "naf ħafna" dwar l-arti, biss ma kontx naf x'qed jistennieni wara dawk l-ewwel ħitan. Lura xi snin ilu diġà kelli nkun hemm biss għal xi raġuni jew oħra, jien u Stephanie konna għamilna bookings ħżiena! Oħti bdiet tirrakkuntali x'kien ġej għalija imma jien, dieħel ġo dik il-ħolma li ħlomt spiss u li issa kont ser nikxifha, bħal qishom ingħalquli widnejja.

Bħalissa ninsab hawn lura f'kamarti ġewwa, jew aħjar, fuq l-għatba tal-isbaħ belt fid-dinja iżda l-memorja ta' Firenze għadha tberren bi ħlewwa waqt li nisma l-melodija ħelwa, b'xi kliem kemmxejn patetiċi, ta' 'Firenze Santa Maria Novella' ta' Pupo. Laqtuni numru ta' affarijiet minn din il-belt.

Il-kelma ideali hija 'sakra'. Tgħoġobni l-kelma 'sakra'. F'Firenze trid tkun lest tisker bl-arti sakemm anki tasal tmur f'rokna tirremetti u terġa tmur tisker… L-ewwel sakra lili ġietni hekk kif wara l-mixja mill-istazzjon għal Via dei Calzaiuoli, sibt il-Katidral ta' Santa Maria del Fiore hemm, quddiemi, ġigantesk, goff, kważi kważi jmur lil hinn minn kull proporzjon li l-uman jista' jitħadded dwaru. Spiċċajt b'ħalqi miftuħ, forsi bħal meta kien skorja Totti kontra s-Sampdoria snin ilu. Bqajt b'ħalqi miftuħ ukoll quddiem il-Bisteccha Fiorentina tat-'Trattoria Angiolino', irrakkomandata b'saħħa minn sieħbi Gabriel. L-istess effett kellu l-ġelat tal-ġelaterija GROM kif irrakkomandat minn sieħbi Simon.

Bħal dejjem, fittixt li nsib lill-poplin fil-belt iżda nammetti li ma kinetx xi ħaġa faċli hawnhekk. Għalhekk ukoll, il-kunċert spettakolari ta' Lorenzo Cherubini, a.k.a. Jovanotti fl-istadjum tal-Franchi, tani nifs. Hemm stajt induq togħma tajba tal-poplu Fiorentin. Nammetti li qam ġismi xewk xewk nismahom ikantaw il-kanzunetta ta' Pupo b'vuċi waħda qabel ftuħ il-kunċert.


Jovanotti? L-aħħar li kont rajtu kien fil-Luxol wara Limestone Kick. Illum immatura aktar. Joffri spettaklu komplut. Jovanotti jirnexxielu jgħaqqad l-arti tal-mużika ma' dik kontemporanja viżiva kif ukoll element qawwi ta' teatru u film. Il-mużika u speċjalment il-kitba ta' Cherubini tgħaddili ħafna enerġija u nħoss li dan il-mument għeni nerġa nispira ruħi sabiex inġib lura dak li ħaddieħor qatel fija.

"Abbiamo confidenza con i demoni interiori
sappiamo che al momento giusto poi saltano fuori
ci sono delle macchine che sembrano un miracolo
sappiamo come muoverci nel mondo dello spettacolo
eppure ho questo vuoto tra lo stomaco e la gola
voragine incolmabile
tensione evolutiva
nessuno si disseta ingoiando la saliva
Ci vuole pioggia, vento
e sangue nelle vene
pioggia, vento
e sangue nelle vene
e una ragione per vivere
per sollevare le palpebre
e non restare a compiangermi
e innamorarmi ogni giorno ogni ora ogni giorno ogni ora di più"

Fl-aħħar jiem ġewwa Firenze, laqtuni żewġ graffiti li kienu jgħidu xi ħaġa tipo "Fermate la città vetrina" u "Occupa le case". Messaġġi li bħal qisu kkonfermawli li dak li ħassejt tul dawn il-ħamest ijiem kien minnu: filwaqt li Firenze hija belt li ma tħallilekx għażla ħlief li tisker fl-arti, fil-perfezzjoni arkitettonika, skultura u maestrija, ma tgħamililekx faċli ssib lir-ruħ tal-Fiorentini tal-llum. Bil-flus xtrajt il-biljetti biex stajt nidħol l-Uffizi u anki l-Galleria dell'Accademia. Bil-flus u bi stennija fi kjuwijiet twal tista' tgawdi l-arti klassika, dik istituzzjonaliżżata imma lill-poplu Fiorentin trid tistinka biex issibu. Skantajt kemm nies lesti jqattgħu siegħat twal fil-qilla tax-xemx sabiex jidħlu jieħdu selfie ma' David jew jqattgħu ħames minuti quddiem it-'Twelid ta' Venere' ta' Botticelli. Mumenti sbieħ tara dawn il-klassiċi quddiem għajnejk u tiskopri oħrajn li forsi qatt ma tkun smajt bihom iżda nasal naqbel li Firenze hija kemmxejn ta' vetrina fejn l-istituzzjoni tal-arti tinħass aktar mill-espressjoni libera tal-poplu. Nistħajjel li huwa diffiċli għal artist kontemporanju li ma jħossux fgat minn tant tjubija tar-Rinaxximent. Ħadt gost ninduna li kien hemm l-proġett 'Human' ta' Gormley għalkemm ma sibniex ħin immorru narawh. In-nuqqas tal-kontemporanju lokali f'belt daqstant kbira jinħass u nħoss li huwa argument importanti f'kuntest ta' belt tant sinjura b'arti li għamlet x-xorti tal-Ewropa u anki tar-razza umana. Nittama li għandi żball, filwaqt li nestendi l-argument għal fuq il-Belt tiegħi.

Ħadt gost inżur xi bottegi u nibda' diskursati ma' ħaddiema jew imprendituri ta' ħwienet. L-arti hija dik li sseħħ ta' kuljum minn dawn in-nies. Fost dawn insemmi lil Michele ta' Move On | Finest Beer Best Vinyl, lit-tlett tfajliet ġewwa Quelo Bar, lill-Contempo Records, lill-bottegi tal-ġilda ġewwa l-Bażilika ta' Santa Croce, lix-xufiera tal-varji 'buses' u lill-ħaddiema fit-Trattoria Gustoleo. Il-graffiti, fil-maġġoranza artistiċi, li jitħallew tul it-toroq ukoll huma sinjal tal-poplu tal-llum.

Forsi huwa mpossibbli ssir taf belt b'daqstant storja f'ħamest ijiem aħseb u ara lil niesha imma ma nistax niċħad li sirt inħobb lil Firenze xorta waħda. Belt miżgħuda bi sbuħija li ironikament għandha bżonn rinaxximent; twelid ġdid f'dak li huwa llum biex hekk kif diskuss f'dan l-artiklu, ma tkunx belt mużew imma belt ħajja bit-Toscani u t-talenti kontemporanji tagħhom.




Sunday 12 April 2015

Ngħidu Iva

Nibqa' ngħid li dik l-imbierka mistoqsija tar-referendum hija kruċjali fid-dinamika psikoloġika tal-vot. Fiha nfisha, timbuttak tivvota favurha. "Taqbel li nixtrilek ġelat?" bla ma trid tħajjrek tgħid iva... iżda "Taqbel li nevitaw ġelat illum?" tindikalek li min qed isaqsik għandu ntenzjoni jurik li dak il-ġelat jaf ma jkunx ta' ġid għalik fl-okkażjoni. L-istess dawn l-imbierka referendi.


Huwa appuntu għalhekk fejn dejjem emmint, u għadni nemmen li, 'l bogħod minn dak li tgħid il-liġi bażwija, quddiem mistoqsija hekk, dawk li jastjenu għandhom jiġu msarrfa f'vot li żgur mhux jgħid "iva". Meta fl-uffiċju xi ħadd jistaqsi "min irid café?", dawk li jibqgħu siekta, xorta jibqgħu bla café! Sempliċi le? Imma sfortunatement, il-liġi tmur oltre is-sens komun u sempliċi.

Imsomma, quddiem din l-ambigwità, reġa rebaħ l-IVA, rebħet l-injoranza ta' poplu mhux edukat (ministru please note) u l-biżà tal-għeżież politikanti ggranfati ma' kull vot! Rebaħ ukoll sieħbi Wayne li ftit ġranet ilu nebbaħna bil-profezija traġika ta' Fantozzi fuq din Malta:


Rebaħ ukoll il-faqar ta' kampanja xotta kontra dan il-vot. Kampanja bl-ingliż li klassifikat lilha nfisha l'bogħod mill-Malti tipiku. Waqt li kellha timbotta il-"LE', din il-kampanja mbuttat "SHout". Napprezza jekk Anġelik inebbaħni biex nifhem x'kienet l-istrateġija.

Rebaħ ukoll il-faqar tal-artist Malti li jisparixxi meta jkun hemm bżonn vuċi kreattiva u friska li twassal messaġġ politiku. Kien biss Trevor Borg bi 'Crossfire' li ssogra jitniffes u jinstiga mistoqsijiet. Nittama li għandi żball hawn!

U issa qegħdin hawn, illum 12 t'April 2015, jum għażiż għal żewġ persuni mportantissimi f'ħajti u li naf li jinsabu mbikkma b'dan ir-riżultat. Ħasra. Xtaqt, anki għalihom li jkun jum differenti!

Ngħalaq billi ngħid "grazzi Joseph" u "grazzi Simon" għal dan ir-rigal nazzjonali. Nittama li fil-monument figurattiv li għad jghamlulkom mas-sett meraviljuż quddiem Kastilja, il-ħamiem Belti jsib fejn jistrieħ u jserrraħ biżgħatu mit-tiri tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Ħa nikkonsla billi nara lill-Fantozzi ta' Malta (għax hekk jismu l-video fuq YouTube!).


Tuesday 7 April 2015

Napoli, rakkont dwar Napoli

Napli, Napli, Napli. Dik il-kelma bħal pendlu, jitbandal fl-infinit, joqrob, umbagħad jitbiegħed; bla heda; għal dejjem. U hekk reġgħet ġiet u telqet esperjenza oħra fil-belt il-maħbuba. B'ħafna xebħ ma' belti, Napli serqitli qalbi u kif dejjem kont avżat, tatni iktar milli kemm kien mingħalija sejjer ngħati.


Illum, wara s-sitt mawra f'din il-belt u il-kaos ħlejju tagħha, nistaqsi x'inhu dak li jimla' 'l qalbi meta nirfes dik l-art. Issuspettajt li forsi kien kollu sforz nostalġija tal-esperjenzi passati ta' volontarjat ma' tfal u żgħażagħ Naplitani. Iżda le. Issa naf li m'huwiex hekk.

Napli hija l-personifikazzjoni tal-arti fejn fil-forom sbieħ u koroh ta' dak li l-bniedem jaf joħloq, tieħu forma l-ħajja. L-ifjen senswalità u sbuħija jgħixu id f'id ma' kruha eżasperanti. Il-melodija tmelles widnejk u tiżfen mal-ħsejjes iżarrtu tal-muturi ġerrejja jħokku ma' sormok. Il-ġenn fit-toroq tistħajjlu f'konverżazzjoni kontinwa mas-sliem fis-sotterran modern. F'Napli jiltaqgħu l-baxx u anki l-għoli tal-bniedem. L-injoranza mgħannqa mal-ġenju; il-faqar mal-ifjen ġojjell; il-vjolenza ta' qalb silġ issibha għaġna waħda mal-imħabba espressa fuq kull ħajt, u kull skoll li jmiss mal-ibħra f'Mergellina.


Napli. L-ewwel belt stranġiera li laqgħetni fiha bit-tgħajjir, daqqiet ta' sieq u l-isfida tal-mibki, ċkejken, Luigi, iżda li kuljum tpattili b'emozzjoni kbira u taħlita ta' dmugħ u ferħ. Napli tfakkarni li l-ħajja fiha sens li tgħixha, hekk kif inhi; qalb in-nies, bl-arti tfewwaħ imżewwqa minn idejn pizzar u bit-theddida kontinwa ta' vulkan.



Sunday 25 January 2015

Konverżjoni

'Konverżjoni'

Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta' Jannar. Skond id-dizzjunarju ta' Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta' flus jew direzzjoni fiżika.

Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta' Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l'iktar l'iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta' Facebook ta' sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f'inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta' taħt fuq.

L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq 'l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta' riflessjoni... Hawn huwa eżempju:


Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b'xi daqqa f'għonqu jew dahru li baqa' jħossha fix-xhur ta' wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta' iktar 'impatt' fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta' Stephen ma' episodju goff u li jaħsad.

Stephen kiteb:
"Il-Mulej jinqeda b'ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa' jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! ...meta nindunaw, m'hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta' qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu..."
Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f'ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b'imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux... fiżiċi, mentali jew emozzjonali... imma ġġib ukoll nifs ta' ħajja ġdida. F'mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida...

Dal jum f'hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b'mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah... ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x'taħsbu?