Monday, 30 January 2012

Minn Parisot sa Montesin

Hawn hi l-ħarsa lura lejn l-kollezzjoni mużikali ta' Brikkuni bl-isem ta' "Kuntra Banda". Filwaqt li nħarsu 'l quddiem għat tnedija tat-tieni kollezzjoni ntitolata "Trabokk", nhar is-Sibt 11 ta' Frar li ġej, ikun sewwa wisq jekk nġeddu l-memorja tat-tjubija ta' din l-ewwel ħarġa tal-brikkuni l-bravi. Huwa għalhekk li erġajt fittixt il-kliem li kont ħarbixt nhar it-Tnejn 17 ta' Novembru 2008 u qed nippubblikah hawn:


X'taqbad tghid f'mumenti hekk?

Kif immaginajt sa minn żmien ilu, kien mument minn dawk li tibqa tiftakar u li tittama li jkollok ċans tirrakkonta lil neputik fi xjuħitek:

"Il-Brikkuni - kien grupp kompost u magħqud li jitrasmetti ħafna enerġija. Il-Brikkuni - kien proġett għal qalb ċertu Mario Vella. Kien ukoll il-mera ta' Mario."

Għadni kif erġajt tpaxxejt nisma l-album waqt xogħoli u issa waqt il-ħin liberu. Ikolli nammetti li f'mumenti qabadni l bard u f'oħrajn saħansitra nħoss għajnejja jaħarqu. Huma varji l-mumenti meta nħoss li l-kelma użata f'din il-kollezzjoni tilħaq livell qawwi fuq varji aspetti.

Għal min għandu qalb, għal min hu kburi u ma jarax bħal barrin hawn huwa "Kuntra Banda".

Inħoss il-frosta tal-artist li jsawwat lil ħutu Maltin, aljenati fl-apatija, kważi kważi bħal bhejjem bla direzzjoni, isegwu biss kulur jew karta tal-vot... waqt li jżebilhu lir-refuġjat kburi.

Inħoss il-bikja tal-artist imbikkem quddiem poplu mnezza mill-kburija li għaliha kien dejjem jiddistingwi ruħu. Jibki lil ħuh, Malti, li b'xiber sogħba jaf x'qed iħalli warajh... dak li kien għal missierijietu Maltin! Dak li ħolom Parisot! Dan huwa l-innu lil Malta jew aħjar l-Innu Malti! - misħun bl-għasel!

Inħoss inkejja lejn dawk kburin li jmorru l-quddies u li f'aspetti jilgħabuha totalment bla konexxenza tal-verità!

Inħoss l-ironija tal-artist li jesponi mera quddiem il-poplu f'xewqa li dan jintebah b'min hu u minn fejn hu ġej. Kważi kważi jwerżaq fid-disprament li dan mhux iseħħ għalkemm ix-xewqa u l-isforz! U jistaqsi fejnu kulhadd?... jew ahjar "where's everybody?"



Inħoss id-djufija tal-artist li jitħabbeb ma' nostalġija ta' mħabba, mhux fuq sodda iżda f'dak il-qiegħ mimli ħlewwa. Mument tat-tkexkix kbir dan... u nerġa nisimgħu. "fil-qiegħ kien hemm ħlewwa".

Inħoss l-artist li jasal jtella lil persunaġġ sempliċi, rasu iebsa u "baxx" fuq pedestall... filwaqt li jniżżel lil bqija mitlufin fi kliemhom fiegħrah. Bikja lejn soċjetà mimlija xemgħa, lipstick u uffiċċji jleqqu – imma bla qalb li tħabbat.

Proġett immensament kontemporanju li jistaqsi fejn sejra Malta... fejn sejrin aħna bħala ndividwi bl-għerf kollu li jiddistingwina x'ħin ninstabtu hemm madwar il mejda tal-Jubilee.

U ngħalaq billi ngħid li kburi għax fhimt li l-artist jibki waqt li jgħajjat l-aħħar kelmiet fl-eletti... qed jasal jgħalaq ħalqu għax waħdu... għax hemm min għandu fejn jistemgħa iktar, għax hekk titolbok il-liġi, in-nutar. U issa f'idejk, f'idejja... li ma nħallux ix-xaħam jikber u jekk hemm bżonn, iva, nifilġu l-melodija u nkantaw mal-artist, ma' Marju, mal-Brikkuni!!

Aħna nistennewh reġa ġej, goff u selvaġġ jekk hemm bzonn! U jien ukoll nista' nieqaf hawn.

Grazzi Brikkuni.

Sunday, 15 January 2012

Politika deċeduta

Ma stajtx ma nieħux ftit tal-jiem sabiex inħarbex risposta lil sieħbi Robert Tabone Valletta li nhar l-Erbgħa 11 ta' Jannar, għoġbu jħallili risposta kemmxejn twila u maħsuba sew fuq il-paġna tal-facebook tiegħi dwar il-kontribut li qed jgħati Franco Debono lix-xena politika Maltija.


Klikkja hawn biex taqra  l-osservazzjoni oriġinali ta' Robert.

Kieku qrajt dak li qalli Robert mingħajr ma kont żammejt lili nnifsi aġġornat fuq is-sitwazzjoni, kont naqbel miegħu mingħajr diffikultà, biss inħoss li l-affarijiet ġew deskritti b'ħarira mpreċiżjoni jew taħt lenti essenzjalment anti-Debono.

Nemmen li l-kontribut tiegħu huwa konsistenti u marbut mal-valuri iktar milli l-kumdità - għall kuntrajrju tar-rutina politika deċeduta. Jiena minn naħa tiegħi ddeċidejt li nirrispondi dan il-ħsieb ta' sieħbi Robert, li min hawn insellimlu, billi nerġa nikteb l-istess storja fuq il-qafas tiegħu stess iżda bid-dettalji li, skont jien, jitfgħu dawl aħjar fuq il-fatti.

"Immaġinani nirkeb tal-linja (għax il-poplu vvutali sabiex inkun fuqha minħabba l-assoċjazzjoni tiegħi mal-bqija tal-grupp u għax ix-xufier wiegħed li ser jgħati vjaġġ b'uċuh ġodda)... nirkeb, niġi mitlub inpoġġi fuq wara. Ninnota li x-xufier jinsab imtellef minn klikka b'konsegwenza li kultant jitlef kemmxejn il-kontroll tal-vettura. Filwaqt li s-soltu min ikun fuq wara, joqgħod kemmxejn sieket, jien nħoss li xorta għandi nsemma leħni u f'daqqa waħda f'nofs ta' triq nibda nindika rotot oħrajn li x-xufier jista' jieħu. Huma toroq sbieħ u mportanti għall-pajjiż imma x-xufier, li issa nissuspetta li huwa kkundizzjonat sew mill-klikka, jidher li għandu prijoritajiet oħra u li konvint ħafna minn dak li qed jgħamel, minkejja l-perikli.

Għandi ninżel fil-waqfa li jmiss bħala sinjal ta' protesta? Le... dik tkun deċiżjoni wisq normali u għaġġelija. Allura niddeċiedi li ngħamel dak li nħoss għax wara kollox, dawk li vvutawli jistennew hekk minni. Nerġa nindika l-proposti tiegħi, darba, darbtejn, għaxart darbiet u fl-istess ħin li ninnota li anki passiġġiera oħra qed jiġu trattati ħażin jew injorati, ninduna li l-premessa inizzjali mhux qed tiġi daqstant miżmuma. Nitlob lix-xufier iwaqqafli fil-waqfa li jmiss, iktar minn darba, iżda huwa ma jixtieqx u anki sħabu ma jħallunix. F'din il-geġwiġija kollha hemm passiġġiera li kissru xi ħġieġ, oħrajn girfu l-wiċċ tas-siġġu u wieħed għoddu faqa tajer! Immaġinajt li ser iwiddbuhom u saħansitra jitolbuhom jinżlu, kif titlob l'etika fis-sewqan, biss ħadd ma qalilhom xejn - kważi kważi x-xufier beda diskursata ferriħija magħhom u spiss il-vettura titrassas ma' xi ħajt tas-sejjieħ - u naħseb tajjarna xi żewġ motorini wkoll!



Nirrabja u ngħolli kemmxejn il-vuċi lejn ix-xufier għax mhux sew isuq b'mod perikoluż u ma jgħatix każ is-sinjali tat-traffiku. Hemm ammont kbir ta' nies fuq barra li jinstemgħu jirrabbjaw u joffenduna. Filwaqt li l-kollegi tiegħi għadhom bilqiegħda jpaċpċu, nipprova ntella' l-handbreak għax konna qed inqarrbu żona perikoluża. Ġib il-għaġeb, ix-xufier jimbuttani lura. Nirrabja iktar, ninduna li x-xufier mhux interessat li jwassal il-vettura fid-destinazzjoni f'kundizzjoni tajba... kważi kważi iktar jinteressah li jaslu hu u sħabu.

Niġbidlu l-attenzjoni aktar billi niġbidlu t-tmun 'l bogħod minn dak il-ħajt li issa kien tant qrib. Jekk forsi mhux qed jara, imma kif jista jkun hekk trux u ma jindunax li kemm jien u anki dawk in-nies ta' barra qed nindikawlu rotta li taf tkun ta' ġid għall-proġett u l-poplu tagħna?

Ndur fuq sħabi u nuri r-rabja tiegħi lejhom għax anki huma fid-dmir li jindirizzaw dan is-sewqan perikoluż u li jista' jwassal għall-falliment tal-proġett - biss dawn xorta jridu jafdaw fix-xufier (għax qalu li kien elett xufier u kap tal-proġett b'mod demokratiku). Uħud minnhom insibhom qed jiddieħku bijja wkoll.

Lix-xufier nindikalu li jkun aħjar jekk ġaladarba jrid li jsalva l-proġett, jċedi postu għax issa qed issir ħafna ħsara u għaldaqstant tilef il-fiduċja tiegħi! Ngħidlu darba, darbtejn, għaxra... imma jibqa ma jagħtix kasi. Qisu ħadd f'dil-vettura ma' jrid jismagħni wkoll, iżda hemm barra jidher li anki vetturi tal-pulizija u tal-ambulanza jpaqpqu hemm sabiex forsi jiġbdulna l-attenzjoni... Le, naħseb meta jkun imiss li nimlew il-petrol, jien mhux se ngħinhom jimlew.

Forsi nirkeb il-vettura l-ħamra? Imma dawk kulma għandhom huwa
loudspeaker tajjeb li naf li bħalissa jħalluni nużah kieku... imma le, aħjar le - jien ma nemminx fl-istess prinċipji. Paċenzja, jekk jinbidel ix-xufier, naraw, biss, kif għidt, naħseb fil-petrol station li jmiss, nieqaf hemm."



Wara l-ewwel reazzjonijiet ta' rabja u passività lejn Franco Debono issa ż-żewġ partiti l-kbar bdew it-tieni fażi tat-tattika; dik li jilgħabuha tas-sbieħ quddiemu biex forsi jirbħu s-simpatija tiegħu. Politika essenzjalment deċeduta li għandha bżonn aġġornament mill-għeruq kulturali fost il-poplu, l-ewwel u qabel kollox.

Friday, 6 January 2012

Franco u l-"Yes Men"

L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta' Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.

Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta' ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f'sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-"IVA" u tal-"Yes Sir!" fejn min jgħid "LE" isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.

Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll... it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. "L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom" - qaltli din l-istess persuna.

Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?

Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta' bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief "iva" ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala "a no-quantity back-bencher", u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta' Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati - kważi kważi b'nifs qawwi 'l barra!


Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta' ġbir ta' fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.

Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta' Franco Debono, jużaw b'ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal "oligarkija", "klikka" u "evil" u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.

Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'"Hallelujah" lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta' Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta' tort fuq il-gowler ta' jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.


Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x'toħroġ mill-atteġġjament ta' Debono f'dan il-mument. Hu x'inhu l-karattru ta' Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f'dal mument li naħseb ta' min wieħed jirrikonoxxi. J'Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma' jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta' JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.

U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:



Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f'elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi "perikolużi" bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:



X'nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta' wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b'rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m'għandux jiġi njorat, huwa x'inhuwa s-sors!

Is-SALE ta' Jannar

Għadda l-Milied u wasal żmien is-sales. Għandek idea meta f'Diċembru ċertu ħwienet jgħollu l-prezzijiet sabiex f'Jannar jiksu l-vetrina bil-kliem SALE, SALE, SALE?

Fil-bidu ta' din il-leġislatura Lawrence Gonzi approva żieda ta' 500 fil-ġimgħa lill-MPs, imma issa, ftit minuti ilu ħareġ jgħid li ser ineħħiha "sabiex jgħati l-ewwel sinjal li l-Gvern qed jieħu azzjoni biex insalvaw l-ekonomija u nilqgħu għall-mewġ tal-2012"...

Strateġija ta' SALE ikolli ngħid!


Appuntu hemm fejn nerġa ntenni l-apprezzament tiegħi lejn Franco Debono meta jgħid (nikkwota mit-Times of Malta)

"What happened today means that Lawrence Gonzi, who did not resign after blatantly disrespecting the will of the majority expressed in a referendum, must now resign immediately since this is an admission that the country has gone through four years of suffering uselessly,"

u

"Today's decisions, he said, also meant that there were characters lurking in the background and manipulating behind the scenes. "It also means that I have been right all along and every advice I have given should have been implemented without causing undue suffering to this nation, and to me."

Ma nistax ma nirringrazzjax il-kuraġġ u stamina ta' dan il-bekbenċer li tassew irrispetta l-fiduċja li ngħatatlu fl-elezzjoni u qam għall-ġid tas-sistema.

L-ironija hija biss li fis-Sales ta' Jannar, ħafna minn dawn il-ħwienet xorta jgħamlu suċċess fil-bejgħ tagħhom u probabilment anki din l-istrateġija politika taf issarraf f'riżultati pożittivi għal Gonzi. Biss biss, meta tara l-insulti li jirċievi Franco Debono mill-partiġġjani nazzjonalisti fuq Times of Malta tieħu sensazzjoni li s-sales ser iħallu l-qliegħ!

Tuesday, 3 January 2012

Traffiku mit-traġedja

Niftakar f'Sarah Scazzi - dik it-tfajla ckejkna minn Avetrana fl-Italja, li fl-aħħar xhur ta' l-2010, spiċċat fuq kull rokna tal-midja taljana wara l-qtil traġiku tagħha. Kien każ ikexkex u sforz dan kulħadd ried jitkellem, kulħadd ried isir jaf aktar, kulħadd xtaq ġustizzja. Il-familjari, komplici jew le, illum saru persunaġġi... fejn saħansitra saru kostumi tal-Karnival jirrappreżentaw liz-ziju tal-istess tfajla, Michele Misseri li kien l-ewwel suspettat. Imsomma, il-midja għamlet sensazzjoni mmensa minn dan il-każ u għaddew numru ta' ġimgħat mhux ħażin qabel ma' xi ħadd beda jistaqsi dan kienx sew; qabel ma xi ħadd induna li ħafna gawdew minn fuq din it-traġedja.


Tgħid qed nitħajjru nirrepetu l-istess eċċellenza ta' etika hawn Malta? Jidher li l'hemm mexjin. Fi ġranet fejn hemm ftit x'tirrakkonta, fejn saħansitra lbieraħ rajna servizz tal-aħbarijiet dwar logħoba futbol bejn l-iljunfanti, nafu, anki aħna, naqgħu f'apatija mpekkabbli. Seħħ delitt u qed naqaw fir-redikolu li nirrakkuntaw kull pass u kull dettall li suppost huwa kompetenza esklussiva tal-Pulizija.

Issa ngħid jien, x'jidħolli u joħroġli mid-dettalji dwar delitt makabru li seħħ f'xenarju privat? X'inhu l-irwol tal-midja f'sitwazzjonijiet hekk? Xi prinċipji ġew mgħallma lill-ġurnalisti preżenti? X'inhu l-iskop ta' ċertu bloggers li ppreferew jikkwotaw l-istess inutilità nformattiva? Tgħid jattiraw ftit traffiku lejn kitbiethom?

Nawguralkom is-sena t-tajba ħbieb!

Thursday, 22 December 2011

Minn 1 sa 5; il-kriżi u r-ristoranti mimlijin

Triq ir-Repubblika miżgħuda bin-nies. Il-ħwienet mimlijin sa ruħ ommhom u bħalissa lanqas noħlom nibbukkja ikla, imqar waħdi. Allura fejn hi l-kriżi? Fejn huma l-Maltin imbikkma għal żieda fil-paga jew għax għola l-fuel? Fejn huma l-koppji żgħar li qed jippjanaw sabiex fil-Milied tal-2060 jiccelebraw il-ħlas tas-self li ħadu mill-Bank dinji li ser jgħalaq xi ħames friegħi lokali?

minn Malta Today

Ittih tort lil Prim jistaqsi dan kollu u jiftaħar li l-ekonomija Maltija sejra ħażin minħabba x-xenarju dinji biss? Ittih tort lil Prim jindika li l-mod kif investejna s'issa għandu jibqa' jsir? Allura bir-raġun li għandna biex niftaħru għar-riżultati li ġibna din is-sena u għal dan il-ġid li qed jiccirkondana.

minn Times of Malta



Stqarrejt b'mod car l-ammirazzjoni kbira tiegħi lejn il-komiku Taljan, Maurizio Crozza. Artist ntelliġentissimu, li jaf dak li qed jitħadded dwaru. Artist li b'ironija u stil liema bħalhom, jikxef id-difetti fix-xenarju politiku Taljan. Ħasra li din il-ġimgħa ser naraw l-aħħar edizzjoni tal-prestazzjjonijiet tiegħu ta' 90minuta f'ITALIALAND.



F'mumenti nisma lil Crozza u nistħajlu qed jirreferi għal Malta. Ninduna kemm iż-żewġ xenarji politici huma f'sitwazzjoni 'komika' simili, b'Ministri li tista xxebbaħhom ma' persunaġġi tal-films animati ta' Walt Disney. Joħroġli d-dmugħ meta nisimgħu jistaqsi dwar Ministru li ma jifhimx x'iġifieri jnaqqas il-paga tiegħu ta' €31.000 fix-xahar... u  niftakar kif anki f'Malta, numru mdaqqas ta' Ministri ma ħasbuhiex darbtejn li jieħdu żieda ta' €500 fil-ġimgħa!

Bħalissa ftit ikollok cans taqra u allura ser ngħażel li nieqaf hawn. Ngħalaq bil-kumment ta' l-istess Crozza li filwaqt li kien qed jitħadded dwar Berlusconi, kważi kważi ħsibtu qed jikkwota lil Prim jew xi Ministru prominenti Malti. Filwaqt li għadd minn 1 sa 5, wassal messaġġ inkonfondibbli lil dawk li jridu jisimgħu.


Insellimlek u nawguralek Milied hieni.

Tuesday, 13 December 2011

Aħbarijiet inutli

Għadni kif smajt l-aħbarijiet ta' nofsinhar fuq One Radio; skeda ta' aħbarijiet sħiħa, maħsuba sabiex twassal infomazzjoni lis-semmiegħ. Imma nibqa ma nifhimx din l-ossessjoni li ngħalqu l-kollezzjoni b'aħbar li sincerament ma nifhimx ir-relevanza tagħha!


Illum, l-aħbar ta' traġedja fic-Cina fejn vann mimli tfal waqa' f'gandott sabiex jevita milli jaħbat ma' karozza, bit-tfal jisfaw mejta! Issa ngħid jien, apparti li tkexkex meta semgħa l-istorja, x'ħa is-semmiegħ ta' One minnha? Fuq liema kriterji tintgħażel storja bħal din biex tiġi nkluża fir-rapport?

Ma nafx imma forsi aħbarijiet bħall-ħatra ta' President ġdid fit-Tunesija jew ir-riżenja tal-Kanada mill-protokoll ta' Kyoto ma jistgħux jinfurmaw aktar lis-semmiegħ?

Wednesday, 7 December 2011

Moħħna mistrieħ...

Illum il-Partit Laburista għoġbu jgħatina x-xorti li naraw l-ewwel billboard 'intelliġenti' fix-xena tal-marketing lokali. Fl-aħħar xi ħadd għażel is-satira jew, kif tgħallimt fil-lezzjoni tal-letteratura Ingliża, "mocking".


Iva, naħseb li huwa pass kbir għax-xena tar-reklamar f'Malta iżda wkoll incentiva sabiex is-satira ssir lingwaġġ accettat.

Forsi issa huwa ż-żmien ideali sabiex anki sħabna tal-Karnival jistaqsu għalfejn is-satira qatt ma ngħatat cans tkun applikata. Imma wara li cedew li ż-żfin joħroġ mill-kapitali u l-abbandun tal-proġett tal-bini tal-barracks, konvint li moħħhom mistrieħ li Gonzi jgħati każhom.

Inħarsu 'l quddiem. Grazzi Mulej!

Wednesday, 30 November 2011

Il-Maltin isawwtu lill-Maltin

Illum facebook inħakem minn għadd sostanzjali ta' partitarji fidili lejn iż-żewġ partiti l-"kbar" (jistħoqqilhom dak l-aġġettiv?) li b'demmhom ibaqbaq, ippostjaw videos u ritratti ta' meta, lura fis-snin, uħud minn missirijietna (naħseb minn kien moħħu f'postu kien id-dar ma' uliedu) kien għoġobhom jgħamlu sessjonijiet free for all fit-toroq tal-għażiż pajjiżna. Titli bħall "Dak li ħaddieħor irid inessi" jixraqilhom rispett li kieku qegħdin fuq faccata ta' xi rumanz letterarju. Sadattant iva, nitbissem.


Għadni kif qrajt u smajt li l-Prim għadu kif inawgura kampanja li tfakkar il-25 anniversarju minn mindu x-xjaten ħomor, allegatament jew mhux, kienu vjolenti mal-arkanġli nnocenti l-blu.

Eżemplari l-Prim! Bir-raġun din il-ħeġġa fuq facebook, din ir-ragħwa mal-ħalq. Jippostja xi ħaġa Cikku u f'kemm ili ngħidlek ikollu xi 50 'like', 20 'share' u xi 200 'oh no, not again'.

Tiskanta kif il-Maltin għadhom jiccelebraw mumenti meta l-injoranza, sforz il-partiġġjaniżmu, spikkat fl-aqwa tagħha. Tiskanta kif persuni, li nqishom mal-kategorija ntelliġenti, kważi kważi jgħatuk impressjoni li jixtiequ "tpattija" sforz il-memorja.

Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi ħadd ippostja l-videoblog ta' Saviour Balzan, li kważi kważi kien ser ineħħili x-xewqa li nikteb din il-bloggata għax tassew ġabar ħafna punti krucjali b'mod essenzjalment intelliġenti u galbat. Grazzi Sur Balzan.


Wara l-ewwel xahrejn tiegħi l-Università, dik l-istituzzjoni li tant niftaħru biha meta niġu għal statistici u press releases, nidħak iktar meta niftakar li dawn iż-żewġ partiti 'żgħar', u l-mibgħeda li jkomplu jinsġu fil-partitarji tagħhom, huma l-ewwel ostaklu għall-istess intelliġenza tal-poplu Malti.

Fl-aħħar nistaqsi u ninnota... Ma ngħamlux mod li min jixxerja dawn il-videos jiġi mogħti stilla fuq il-pitazz tal-Partit rispettiv hux? Jew forsi diġà ddobba xi stilla? Forsi xogħolu jiddependi mill-kumpanija politika li tant jissapportja u allura ma jridx li din titlef il-poter akkost ta' kollox? Minjaf? Kos! Tgħid min jippostja dawn il-videos jifhem li anki hu qed isawwat... l-intelliġenza ta' ħaddieħor?

Friday, 11 November 2011

Video dwar Malta

Xi ħadd talabni nitfa dan il-video fuq il-blog. Blogger mhux jirnexxielu jsibu u jinkludih bħala embedded video biss tistgħu tikklikkjaw fuq il-link.

Jidher li qed jikseb popolarità dal-blog! Grazzi ħbieb.

Tuesday, 8 November 2011

Jiddependi - minn fejn tħares

Lou Bondì - probabbli wieħed mill-aqwa ġurnalisti televiżivi Maltin ngħiduha kif inhi - specjalment jekk tqis is-success li kellha kull trasmissjoni li dderieġa. Insegwi u nammira l-metodi assertivi u mill-ifjen kif jipprova jixref jisposta minn fuq ilsien il-mistieden, kważi priża, tiegħu, imma nispicca rritat u rrabjat quddiem il-mod kif kull argument jispicca b'xi mod jinterpretah minn perspettiva li tixħet dawl sabiħ fuq il-Partit Nazzjonalista u persunaġġi relatati - specjalment f'daż-żmien prekarju.

Eżempju car illejla: id-diskussjoni titratta l-vot ta' fiducja li l-Prim Ministru talab lil Parlament. Bondì jibqa jiddeskrivi l-vot tal-PL bħala vot sabiex jaqa' l-Gvern minflok vot kontra din il-mozzjoni tal-Prim! Il-perspettiva li tixħet dell fuq l-oppożizzjoni terġa tirrenja. U nistaqsi għalfejn ġaladarba jidhirli li Bondì huwa ġurnalist indipendenti.

Wara ftit - Bondì jqajjem argument off the cough sabiex il-mistieden Anġlu Farrugia, jfiehem għalfejn il-PL m'għandux fiducja fil-Prim. X'ikun l-argument off the cough? - lanqas temmen, il-Libja! L-uniku xenarju politiku fejn iż-żewġ partiti qablu u fejn il-PL ħadmu id f'id mal-Gvern. L-uniku xenarju fejn Anġlu Farrugia ma setgħax jikkritika lil Prim. Lanqas fis-Super 5 ma taħqrek hekk ix-xorti għażiż Sur Farrugia!

Interessanti l-pressjoni sabiex ikun jaf il-pjanijiet li għandu l-PL jekk dan ifettillu jkun fil-Gvern imma fl-istess ħin juri filmat fejn il-Prim illejla fil-Parlament iccelebra l-fatt li l-protesta tal-Ġimgħa li għaddiet, ma kinetx ta' pensjonanti li mhux ilaħħqu mal-ħajja, ta' familji bil-ġuħ jew ta' studenti li m'għandhomx access għall-edukazzjoni, imma ta' nies li sabu li r-riformi fit-trasport pubbliku ma ffunzjonawx! Tibqa' bla kliem - imma wara kollox huwa l-airtime tiegħu, ngħiduha kif inhi! U allura ħa nħallih bi kwietu issa.

Qed ngħixu politika fejn minflok nammettu żbalji ħoxnin li qed isiru fl-amministrazzjoni bħalissa, nippuntaw subajna u kważi nwaħħlu f'min jixtieq u jaspira li jmexxi fis-snin li ġejjin! Il-Prim, minflok jirrealiżża li għandu l-poter, u allura c-cans li jtejjeb il-pajjiż, jibqa jistaqsi għaliex il-kap tal-oppożizzjoni mhux jgħati proposti u ideat!

Minflok nirrealiżżaw il-ħxuna (le mhux tar-ritratt streccjat ta' Franco Debono waqt Bondi+) ta' deciżjonijiet irresponsabbli li setgħu saru, nibqgħu niccelebraw lill-Prim li waqt xi diskussjoni tenna li "filwaqt li f'Malta qed nargumentaw fuq it-Trasport Pubbliku, fil-Grecja qed jiddiskutu l-kriżijiet tal-Ewropa".

Kif jgħid seħibna Jarabe de Palo fil-kanzunetta singolari tiegħu "Depende", huwa krucjali l-punt minn fejn tħares lejn id-dinja sabiex tinterpreta dawn is-sitwazzjonijiet. Jiddependi iva; jekk tħarisx minn nuccali b'lentijiet blu jew lentijiet ħomor. Jiddependi iva; jekk intix intelliġenti biżżejjed li ma tilbisx nuccali u tara l-kuluri vera tar-realtà.


Għaddiet serata oħra fejn il-Parlament grottesk Malti (li għalieh Renzo Piano ikkomprometta r-reputazzjoni tiegħu mal-Maltin) reġgħa vvota 34/35. Vot li jħalli lil Partit fil-Gvern jiccelebra l-gażaża li għandu f'ħalqu filwaqt li għandu l-ħarqa mimlija residwi jintnu. Vot li jħalli lill-oppożizzjoni tibki għall-istess gażaża li taf li ma għandiex cans għaliha! Vot li probabbli ser jiżdied fl-istorja u jintesa għax il-poplu tant hu aljenat li xorta waħda għadu jlibbes in-nuccalijiet lill-uliedu sa mit-twelid; hekk kif għadha trawwmu l-media ġeneralment immatura maltija.

Diżgustanti!

Saturday, 5 November 2011

Prattici politici alternattivi

Bħal fuq mejda fejn fuq naħa ssib ħlewwiet liema bħalhom u fuq oħra ssib ikel imżewwaq b'kaloriji numerużi, ix-xenarju politiku Malti. Għaldaqstant, tiġi xewqa naturali li tfittex platti ġodda.


Michael Briguglio waqt dawn is-sbatax -il minuta fl-istudjo ta' Lou Bondì, ħallieli togħma tajba. Nammetti li l-karriera mużikali mżewwqa ta' Briguglio teffettwani filli nħares lejh bħala bniedem li ma jgħix fuq pedistalli għaldaqstant mhux sorpriż bid-deskrizzjonijiet u l-kritika tiegħu lejn iż-żewġ partiti l-kbar.


Sfortunatament hemm principji tal-AD li xorta waħda ma naqbilx magħhom, specjalment l-ecitament li jesprimu lejn l-Unjoni Ewropea, biss, nistqarr li hija issue minuri meta nqabbilha mal-opportunità li dan il-pajjiż jista sa fl-aħħar ikollu rappreżentant minn partit ieħor fil-Parlament.

Uħud isostnu li dak ikun xenarju perikoluż. Iżda kemm hu aktar perikoluż ix-xenarju ta' vot ta' fiducja dwar Ministru, li jiġi konkluż b'vot retoriku ta' Speaker li m'għandux għażla ħlief li jissapportja l-idea tal-gvern? Nippreferi vot maħsub ta' kandidat "liberu" miż-żewġ partiti l-kbar milli vot indeskrivibilment patetiku fl-għola struttura politika ta' dan il-pajjiż "suppost" avvanzat!

Nittama biss li specjalment quddiem il-vot ta' fiducja għall-gvern li ser jittieħed nhar it-Tlieta, l-AD jirrealiżżaw l-imminenza ta' elezzjoni. Nittama li għaddiet minn rashom l-idea li jattiraw fosthom parlamentari li għandhom opinjoni bħal Jeffrey Pullicino Orlando, Cyrus Engerer u Franco Debono. Nidħak meta naħseb kif dawn it-tlieta għadhom jimmilitaw f'partiti, li għandhom rashom fir-ramel tal-istatuti. Il-każ ta' Engerer huwa iktar inkoncepibbli meta tqis li dan niżel minn fuq Ostrich biex jirkeb oħra!


Persunaġġ ieħor li nara fix-xenarju politiku mhux partiġġan huwa żgur ix-xjentist, kandidat għal premju Nobel, Marco Cremona. Nispera fil-ħanin Alla li persunaġġ tant validu ġie kkonsultat u/jew ikkunsidrat minn Briguglio!

Issa naraw. Forsi l-magni kummercjali tal-AD huma żgħar jew saħansitra ineżistenti imma żgur li hemm meżżi u modi kif tasal iktar u tasal aħjar. Illum hemm faxxa ikbar ta' poplu li qamet mill-aljenazzjoni politika u hija din il-faxxa fejn l-AD għandha tibbaża l-ħidma tagħha.

Monday, 10 October 2011

Monumenti

Ilbieraħ ġie inawgurat monument f'isem il-kelba Star li sfortunatament mietet mewta kiefra sforz l-injoranza u l-qalb ineżistenti ta' sidha iktar kmieni dis-sena.

Ma naqbel xejn ma' l-ebda tip ta' vjolenza jew abbuż lejn l-ebda ħlejqa ħajja, biss f'din is-sitwazzjoni, għandi riżervi dwar monument li jfakkar din il-ġrajja kerha. Nifhem l-argument ta' sieħbi Etienne li jemmen li dan huwa simbolu tar-rispett li għandna jkollna kemm lejn ħutna umani u kemm lejn l-annimal. Nifhem ukoll lil Ivan li jħoss li dan l-episodju tant laqat nies mad-dinja kollha li għandu jiġi mfakkar biex ma jiġix repetut.


Biss jien nistaqsi jekk bħal f'ħafna okkażżjonijiet oħra, il-kuncett ta' monument f'Malta sar ikkummercjaliżżat għal kull okkażżjoni, saħansitra biex jitfakkar incident tat-traffiku! Inħoss li f'każijiet simili, il-monument jispicca jirredikola l-ġrajja u mhux jgħolliha. Jaljena lill-poplu u mhux ifakkru.

Nirrikonoxxi, kif qal sieħbi Renzo li l-kuntest fejn ġie inawgurat il-monument, fl-Animal Welfare Centre jgħamel differenza għax huwa kuntest relatat mat-tema.

Il-biżà tiegħi hi li l-monument jieħu post il-ħidma sabiex inrawwmu għarfien fost il-poplu (specjalment il-mexxejja tiegħu) dwar l-imħabba lejn l-annimali u l-ambjent kollu. Jieħu post l-għajnuna li tingħata lil min ma jaffordjax jgħati kura jew iraqqad lil xi annimal marid, fi ftit kliem jieħu post dak li għandu effett fuq skala mhux sensazzjonali imma sensittiva.

Il-biżà tiegħi hi li l-kaccatur jibqa jispara lejn l-għasafar imma tagħhom ma' ngħamlux monumenti.

Il-biżà tiegħi hi li ma ngħamlux monument għal tant siġar, flora u fawna li nqerdu, b'tant moħqrija, sabiex tinbena xi villa jew xi appartamenti bil-veduti, specjalement f'postijiet protetti, bħall-widien.

Il-biżà tiegħi hi li s-sistema edukattiva Maltija li teccella u tiftaħar għall-livell għoli f'suġġetti mill-iktar innovattivi bħall-IT, hija nieqsa minn tgħalim bażiku ta' rispett lejn l-ambjent inġenerali, anki meta jidħlu nteressi personali. Dan huwa aktar gravi meta tikkunsidra li certu eżempju ħażin jingħata minn persuni ta' kalibru u ta' pożizzjoni għolja li jgħamlu li jridu meta jiġu biex jinvestu f'xi proġett ta' kostruzzjoni. Xempju car ta' dan hija l-kanzunetta Lil Malta tal-awtur bravu Walter Micallef.


Allura jien ma naccettax li nkun aljenat minn awgurazzjoni ta' monument waqt li xi għaref li vvutajtlu qed jgħamel agħar, f'ismi u f'ismek! Nistaqsi l-valuri Maltin illum fejn jinsabu minflok u jekk il-monumenti li aħna miżgħudin bihom ifakkurniex jew jaljenawniex.

Tuesday, 27 September 2011

Il-Valletta u l-abbatini

F'dawn l-aħħar jiem staqsejt lili nnifsi x'seta' jerġgħa jgħatini l-ħeġġa li nikteb. Kien żmien antipatku fejn tħossok niexef minn kull opinjoni. Biss illum xi persuni qrib tiegħi reġgħu laqtuli l-kordi tant sensittivi għalija li jmissu lil Belti u lil niesha.

Kollox beda mill-famuż rekord kalcistiku li mill-1983 sa ġimgħa ilu, Hibernians FC kienu jħaddnu. Rekord li fl-għola livell tal-futbol Malti, rajnihom ma jitilfux 37 loghba konsekuttiva. Ġara, iżda li l-Ħadd, 18 ta' Settembru, Valletta FC irnexxielhom jilħqu l-istess rekord u allura l-konfront tal-bieraħ li nzerta kontra l-istess Hibernians, kien ifisser li Valletta FC setgħu laħqu rekord ieħor.

Kulħadd jaf x'ġara kemm fil-logħba u anki barra. Kulħadd jaf li l-capitano għamel foul ikrah, tkeccew 3 plejers beltin u Hibs rebħu din il-partita. Il-kelma ġriet ukoll li kien hemm xi partitarji Beltin li attakkaw partitarji Pawlisti. Bħalma jiġri dejjem, ilbieraħ kulħadd sar jifhem fil-futbol Malti.

Kif diġa semmejt, kien hemm min bgħat jgħidli li wara il-loghba kien hemm xi partitarji li aggredew lil Pawlisti bla ma ntervjenew il-Pulizija u f'mument ieħor, xi partitarji nfexxu jgħajjruh hekk kif rawh jiccelebra r-rebħa fi triqtu lura. Xi ħadd ieħor filwaqt li ammetta li tal-Belt jafu jghamlu l-ahjar support, tenna li tal-Belt m'huma sports xejn għax fil-final tat-trophy, ġara li ġara.

Niskanta kif nies ta' certu ntelliġenza, nies li għandhom ir-rispett komplut tiegħi jafu jkunu kapaci jgħaddu kummenti li jiġġeneraliżżaw u jitfgħu dell ikrah fuqi u beltin bħali li għalkemm ħadd u xejn ma jmissilna l-imħabba lejn Beltna u dak kollu li hu Belti, nafu nirraġunaw b'moħħ u qalb sportivi, b'moħħ u qalb intelliġenti, b'kuxjenza matura.

Nistaqsi jekk hux f'kull grupp ta' partitarji mad-dinja kollha ssibx min jitlef rasu, issib min jinfexx joffendik bil-familja u ssib min m'għandux idea ta' spirtu sportiv. Possibbli ma jimmaġinaw lil ebda partitarju Belti għaddej għall-affari tiegħu li jaqla tajjira minn partitarji opposti? Possibbli? Jew tassew minnu li l-partitarji mhux Beltin huma kollha full-time abbatini jew arkanġli?

Uħud jgħiduli "iktar int teħodhom bi kbar Pawl!". X'inhu l-punt li tant iweġġgħani?

Il-punt li jweġġa huwa li dan it-tip ta' kummenti ħorox joħorġu biss meta fin-nofs ikun hemm il-Beltin. Wisq nibża li fil-ġewwieni, il-kummenti m'humiex indirizzati lejn il-klabb imma lejn il-Beltin bħala komunità. Komunità, li għal kuntrarju ta' dak li sostna ufficcjal li kellimt ftit tal-ġimgħat ilu flimkien mas-Sindku tal-Belt, Alexiei Dingli, għadha tkaxkar stigma. Stigma li nibtet snin ilu meta l-Belt, riżultat tar-riġenerazzjoni ta' wara il-gwerer, rat fiha kull tip ta' nies, bħal f'kull belt imġarrba oħra. Stigma li llum għadha tiġi rreklamata minn ħafna, hekk kif jisimgħu li Belti wettaq xi att kriminali.

Inzerta wkoll li sforz l-appartenenza li għandha din il-komunità lejn il-klabb tal-futbol li jirrappreżentaha, l-attendenza fl-istadium spiss tkun imdaqqsa u aktar minn dik avversarja b'possibiltà akbar li jattendu wkoll persuni li l-interess tagħhom mhux ġenwinament l-isport.

Il-klabb belti spiss ikun fil-quccati, jitħabat għat-titli u jilgħab logħbiet finali, waħda wara oħra. Partiti jaħarqu, li fihom tikber it-tensjoni u fejn facli xi hadd jitlef rasu u jidher fil-gażżetti. Facli tgħid li l-partitarji ta' Bubaqra huma pacifici ngħidu aħna!

Bħalma dejjem għamilt, bl-ebda mod ma nifraħ lil partitarju jew plejer tal-Valletta FC u/jew Belti li jaggredixxi jew iġib ruħu b'mod mhux sportiv. Ma naqbilx lanqas ma min jifraħ quddiem atteġġjamenti hekk.

Il-kummenti retorici ta' nies li jaslu għal konklużjonijiet mhux infurmati, jirritawni mmens. Iktar u iktar meta certu nies inqishom mal-intelliġenti, nies li jmorru jgħamlu xogħol volontarju ma' tfal li ġejjin minn ambjenti difficli, ħabsin jew familji mkissrin.
  • Minjaf kemm tfal Maltin jgħaddu minn problemi għax iġorru l-istigma li ħaddieħor sostna fuq il-komunità tagħhom?
  • Smajna bi stejjer ta' żgħażagħ li sabuha difficli jsibu xogħol għax "mill-Belt" jew "minn Bormla"... anki dawk b'kondotta nadifa. Għalfejn?
  • Smajna b'għalliema li ma jmorrux jgħallmu fi skejjel f'lokalitajiet simili... Għalfejn? Int għandek sehem?

Forsi ma tifhimnix. Forsi inti medhi tixgħel ix-xemgħat jew tittallab għall-karità,  mal-abbatini sħabek.

Issa li dalwaqt naraw il-brand ufficcjali għal Belt Valletta hekk kif maħduma mill-Kunsill Lokali, (ara hawn) nerġa nħeġġeġ lil sieħbi, is-Sindku Alexiei Dingli sabiex tassew jieħu bis-serjetà l-element tal-istigma li ġġorr fuqha din Beltna tant għażiża. Ikun inutli nsebbħu l-qoxra ta' barra mingħajr ma nfejjqu l-uġiegħ intern. Nittama li din il-kitba ma taqax f'widnejn torox.

Wednesday, 7 September 2011

Siġar u mużi


Żmien it-tfittxija, żmien l-iskoperta... bħal meta ssuq għal ħin twil fuq autostrada ma' ħaddieħor u tasal f'destinazzjoni mistura, ħlief għall-mappa... u tinżel, waħdek.

L-għażliet huma gżuż u l-biżgħat jissieltu sabiex ma jidhrux bil-wisq inqas! U nibdew pass pass interrqu, kważi mingħajr direzzjoni, mill-ġdid mingħajr destinazzjoni.

Ir-riħa ta' xita friska tagħtik merħba u tfakkrek li mhix dinja kompletament ġdida. Bħal tistħajjilha tgħannqek u tgeżwrek f'dirgħajha.

U jinstema pjanu bħal donnu mbikkem, li jtaptaplek fuq dahrek u jurik triq, kemmxejn imċajpra, iżda familjari, ta' siġar anzjani u mużi nfiniti.

Tgħarbel il-vjaġġ sa ma tiġbor ir-ramel fin li sawwrek, u bħas-soltu mnifsejk jintefħu u l-għatis jitfaċċa, bil-ħasda, kattiv, arroganti... għal mument inessik il-vjaġġ eċitanti; sa ma r-ramel jistrieħ fil-forom imserrpa ta' lifgħa maħruqa u jurik triq ġdida.

Saturday, 13 August 2011

Il-logħba tad-Dinja - kummenti dwar Jovanotti


Illum erġajt żlaqt fil-maġija tal-mużika fl-aħħar żewġ albums ta' Lorenzo Cherubini, magħruf bħala Jovanotti. Għalkemm mhux essenzjalment l-istil li nfittex li nisma normalment, il-passjoni u l-kultura li jitrasmetti f'dawn l-aħħar xogħolijiet tibqa' temozzjonani. Illum ħsibt li nikkummenta fuq erba' kanzunetti mill-aħħar album Ora.


Nammira lil Cherubini bħala raġel li minn DJ essenzjalment patetiku ta' għeluq is-snin 80 b'successi mużikali inutli bħal Gimme Five! jew La mia Moto, illum qiegħed jirrakkonta l-esperjenza tal-ħajja; illum qed jiftaħ l-ixkora li fiha ġabar l-esperjenzi, jgħodos fiha u jiġbor perli minn qiegħ essenzjalment mistur.

Nibda bil-kanzunetta Quando sarò vecchio li b'mod mexxej u stil folk, tirrakkonta l-ħajja minn għajnejn ex-suldat, li fi xjuħitu, jiftaħar bih innifsu 'il-mhux mirbuħ', kultant bi ftit suppervja u jirrakkonta dak li għadda mingħalih. Jinduna b'min ma jridux ħdejh u b'min jirrispettah! Jiftakar li l-iktar ħaġa sabiħa fil-ħajja hija meta xi ħadd tah xi ħaġa li sal-aħħar baqgħet tiddi fih. Jinduna wkoll, b'mod drammatiku, b'kull qatra li timmarka l-ħin għaddej - sakemm tgħaddi stilla li ssejjaħlu magħha.

Amami - Kanzunetta dwar l-imħabba espressa bis-sess... li meta taqra certu partijiet tal-lirika, tħoss li din tgħaddi żbrixx mal-livelli censurabbli. Miktuba b'mod mużikalment kummercjali tant li kważi kważi tistħajjel lil Bay Radio, Smash, Xfm u Alfie Fabri jdoqquha; biss wara kull sekonda, tħoss li l-mużika b'dar-ritmu hija mera tar-ritmu fiżiku; l-istess dik ir-ripetizzjoni għal ħames darbiet fil-kliem "Amami, amami, amami, amami, amami" u "ora e ancora"


Il-laqta ta' poeżija fil-kliem li jitkellmu dwar sakra, l-univers, barra u ġewwa, għaraq u rwejjaħ, tgħamel id-differenza kollha mill-medjokrità ta' kanzunetti kummercjali oħra li jitħaddtu l-istess tema.

Kebrillah - Naħseb anki Pawlu l-Pampalun isibha difficli joħloq ftuħ spettakoluż daqs il-ftuħ ta' din il-kanzunetta. Kif xi ħadd ikkummenta fuq YouTube, kanzunetta nkredibbli meta tindaqq live. Nista biss nimmaġina l-enerġija li ġġib magħha fost il-folol!

Ngħalaq b'kumment dwar La porta e' aperta. Rakkont intelliġentissimu imma semplicissimu dwar il-ħajja f'metafora ta' bieb miftuħ. Esperjenza li fiha ngħamlu żbalji u ngħixu jum wara jum sakemm nilħqu l-milja tagħna. Ma hemmx xi żżid ma' din il-poeżija:
Il mio naso non vede i colori. I miei occhi non sentono i suoni.
La mia mano non sente i sapori. La mia bocca non sente gli odori.
Ma la voce che soffia nel vento - io, la sento.
La risposta che soffia nel vento - io, la sento.
La sento.
e la pioggia che cade - la sento.
i sentieri e le strade - la sento.
è qualcuno che ride
La porta - è aperta.

Ho studiato le rondini in volo per comprendere il loro alfabeto.
Segatura per terra nei bar ha formato il mio fiuto.
Se passate da casa dei miei dite loro che è tutto perfetto
ho commesso le solite colpe da carenza o da eccesso d’affetto.

La tristezza è un ricatto è il delitto perfetto
cha fa vittime più della peste e non desta sospetto.
Per la fine del mondo è prevista una festa che inizia da ora
Puoi venire vestita così oh mia bella signora

Nażżarda niddeskrivih bħala l-poeta Taljan tas-seklu l-ġdid. Għalkemm fuq vena kompletament differenti minn dik tal-idoli Taljani tiegħi bħal Morgan, Consoli u Battiato, ma nicħadx li nammira l-kapacità li juża lingwaġġi varji, fosthom dak kummercjali sabiex iwassal il-messagg, mingħajr ma' jitradixxi l-mużika li tant hi għal qalbu.

Ngħir għall-vjaġġ immens li diġà vjaġġa dan is-"sinjur". Vjaġġ deskritt metaforikament f'Il Gioco del Mondo; li probabli hija l-iktar kanzunetta minn tiegħu li daqqejt dan l-aħħar sentejn u li hi meħudha mill-album ta' qabel dan bl-isem ta' Safari. Kanzunetta partikolari li nħalli lilek tisma, tiskopri, tifhem u tinterpreta.


Tuesday, 2 August 2011

Automatic reply

In reply to Lou Bondi's article This is the home where paedophiles lived, i couldn't help but write a reply in the same language he used:

"Such acts are definately to be condemned. Let's make it clear.

I just hope you can find time to also drop a light on the great work and achievements done by the Missionary Society of St Paul in Malta and abroad.

I'm sure that colleagues of yours like Pablo Micallef, Mark Doneo, John Bundy. Fr.Karm Debattista and Joe Dimech will be more than willing to testify the great benefits we all got from St Pauls Missionary College. Great men, themselves priests, made many of us turn into bright professionals, loving husbands and resposible fathers, without asking for any applause.

Dropping shadows on the places and houses where such miserable acts took place without guiding the audience through both the good and the bad, isn't the ideal balance for true journalism - i guess.

Once again, just to make myself clear - let us condemn such horrible acts - made even worse in such environments - but let us not label the whole category either!

You know how it goes Lu - there are bad and good journalists! Labelling all of them as science fiction authors, doesn't make justice to the brilliant ones!"

Monday, 23 May 2011

Ktibt fuq Times of Malta


Kien hemm min qalli prosit. Xi ħadd ieħor bgħatli sms "mela qed tikteb fuq it-times?" U rcevejt ukoll "ma għoġbitnix l-ittra". Minjaf iseħħx dak li qed nimmaġina?

Aqraha hawn >

Monday, 16 May 2011

Comments for a facebook discussion

I don't think religion in its pure state, promotes fear of punishment and hope of reward after death! Luckily i have had opportunities to share life-changing experiences with the missionaries of St.Paul (MSSP Malta) and the Missionaries of Charity (Sisters of Mother Theresa) and believe me, that wasn't what they projected onto me. Obviously i made use of my intelligence to filter some traditional beliefs as well and really hold on to the nectar of the message!


When i combined my learnings in christian religion of Catholicism and the teachings at the practical philosophy school (based on eastern cultures), i was impressed how both go hand in hand in projecting us a message of pure awareness, pure love and pure being.
 
Unluckily though - the unpure state of religion is what speaks from majestic balconies and decorated thrones! that was never the style of the religious founders - whoever it was - nor the style of the iconic figures of these religions! so let's also filter what we are fed, by accessing our intelligence.
In the case of the Catholic Church, to which i do have my strong reservations, especially the local representation of it, i do believe that it's me and you who make it and not the figureheads, just like it's me and you who make society and not the political leaders!

Thursday, 12 May 2011

Il-liġi u l-imħabba

Ispirat minn dibattitu fuq facebook, specjalment fuq il-vizjoni ta' Miriam Abdilla li b'mod mill-aktar interessanti u kostruttiv esprimit il-valuri Kattolici tagħha fuq facebook. Tassew napprezza meta persuna titkellem b'mod tant kostruttiv fuq il-viżjoni tagħha. Nammira wkoll il-mod car kif esprimit il-fiducja kollha tagħha fi Kristu.


Jiena nqis ruħi Kattoliku wkoll għalkemm nammetti li spiss nippreferi nissejjaħ Kristjan milli Kattoliku. Dan għaliex il-Knisja hi magħmula mill-bniedem u tul iż-żmien, f'kuntesti varji, il-bniedem li fforma l-"club" tal-Knisja, żbalja (bħalma anki jien niżbalja) u ħalla marka fuq il-kultura tagħna l-membri tal-club tal-2011.

Ma nemminx li Kristu fforma Knisja b'sett regolamenti, ma nemminx li Kristu fforma Knisja li tiġġieled biex tkun l-iktar "club popolari" fid-dinja, ma nemminx li Kristu fforma Knisja burokratika u formaliżżata. Nemmen biss li Kristu ried ifakkarna kif inħobbu.

Inħobb inżomm quddiem gżajnejja dawn il-Kliem:
  • L-EVANĠELJU - Mattew - 22, 34-40

    Meta l-Fariżej semgħu kif Ġesù kien saddilhom ħalqhom lis-Sadduċej, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-Ligi?”
    U hu wieġbu: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Liġi kollha u l-profeti, fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma mibnija.”
kif ukoll:
  • Mattew - 10:34-11,1
    “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha,u lil mara minn omm żewġha, u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

Naħseb Kristu kien u għadu konxju biżżejjed li l-bniedem, permezz tad-dnub, jintilef u ser jibqa' jintilef fid-dualiżmi, jehda jgħid li hu aħjar mill-ieħor u jasal joqtol biex isostni l-punt. Għalhekk Kristu qatt ma ġġudika, u dejjem fired dak li hu ta' Cesri minn dak li hu ta' Alla.

Naħseb ikun sabih kieku nitgħallmu, ibda minni, inpoġġu l-imħabba qabel il-liġi.

Ktibt il-punti tiegħi dwar id-divorzju hawn.