Sunday, 31 December 2017

Kalendarji

Illejla l-kalendarju 2017 jintrema.

F'din il-kultura għaġġelija ħafna drabu narmu miegħu ħafna memorji ta' esperjenzi li seħħew tul dawn it-365 jum u naħsbu li għada b'xi maġija, kollox se jkun aħjar, ilellex u melodjuż mingħajr ma nissugraw intajjru xi difer.

Il-poplu għandu stennija kbira għal għada; għall-2018. Imma għada forsi jistenbaħ u jinduna li kollox bħal qabel. Mard qalil ifarrak lil nies li tħobb; pulizija u ħallelin jiġġerrew mas-saqajn; klieb u qtates ifittxu saqaf; rutini morda mposti fuq irjus il-ħaddiem; sigaretti bħal sponoż, jixorbu l-ħajjiet ma' kull nifs; ġebel nieżel minn mas-swar; spazji ta' parkeġġ spiċċut u permessi tal-MEPA mwaħħlin ma' kull kantuniera taħt dell it-torrijiet.

Quddiemi, is-santa tal-mewt ta' ħabibti Sabrina. Nimmaġinaha tipprepara biex illejla tmur tiċċelebra l-ewwel jum tal-2018 imma għal realtajiet li ma nifhimx, il-ħajja ta' Sabrina ntemmet qabel ma armejt dan il-kalendarju 2017. U magħha, nies oħra inħarġilhom permess jiċċaqalqu minn hawn.

L-2017 ngħożżha bħala żmien fejn ħlomt u ġġilidt għal dak li tassew xtaqt u emmint fih. Ngħożżha fuq kollox għall-ħbiberiji li waqt il-maltemp sibthom hemm isalvawni u vjaġġi ma' persuni speċjali. Kemm stennija għall-ewwel jum ta' Jannar. Forsi l-iktar jum umli fosthom wara kollox. Imma tassew. Kemm stennija? Kemm ħoss! Kemm xewqat u ħolm!

F'dan il-ħin, qabel immur nieħu grokk, noħlom li nista' ngħix jum wara jum, f'paċi, f'serħan il-qalb. Noħlom li l-poplu jibda sena ġdida kuljum, kull sekonda. Li kulħadd jemmen li kull jum jasal biex tibda mill-ġdid u mhux biex iġġorr ktajjen antiki. B'dan is-sottofond mużikali ta' Anouar Brahem, noħlom li nista' ninfexx f'poeżija li ma tintemm qatt f'tgħanniqa mal-maħbuba u narmi l-kalendarji kuljum.

Awguri lilkom qarrejja!



















Sunday, 29 October 2017

Ċaw teżor! - Tislima lil Sabrina Carabott

L-isbaħ ġuvni tal-univers, jew aħjar, San Lawrenz, dalgħodu qaleb is-siegħa u stenbaħ bik ħdejh Sab! Forsi bħali ma stennikx daqshekk malajr, imma l-ġlieda li ġġilidt, ta' mara kuraġġuża li dejjem kont, kienet iebsa u kiefra.

Ħallejtek ilbieraħt lura bi ftit kliem. Kellek kull intenzjoni li titbissimli għalkemm lanqas dik ma baqgħet xi ħaġa faċli. Sejjaħtli hekk kif dħalt ħdejk u fil-ftit ħin li qattajt ħdejk ħassejtek kalma, f'ċertu paċi - minn dik li kull gwerrier ikollu anki jekk iħoss li t-taqbida ser tirbaħlu.

Meta fl-1998 dħalna nistudjaw fiċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn Emvin Cremona, fil-Belt Valletta kont insib gost fil-mod xejn raffinat kif kont tirrelata. Risposta lesta għal kull inkejja, tbissima u daħka għal kull mument sabiħ u kelmtejn ċari u tondi għal kull kedda. Wara sena kont iddeċidejt li tieqaf għax ma ssaportejtx ir-rutina ddixxiplinata żżejjed tad-disinn. Ridt tesplora u ridt tkun man-nies. Ridt tiġri, tifraħ u tferraħ. Kont mimlija entużjażmu.

L-istess fil-lezzjonijiet tal-arti li konna mmorru filgħaxijiet flimkien fil-Belt. Id-dixxiplina żejda kienet tkiddek. Għax in-natura tiegħek kienet dejjem dwar spontanjetà, kulur, espressjoni u emozzjoni. Niftakrek taqsam miegħi ħsibijiet u kitbiet. Uħud dwar l-arti, oħrajn dwar l-isports, il-familja, il-politika u r-reliġjon. Niftakrek tipprova tikkonvinċini li b'xi mod il-Birgu hija belt isbaħ mill-Belt Valletta jew li ta' San Lawrenz festa isbaħ minn tan-Nawfragu! U ħallina Sab!

Gerrbu s-snin. Il-kaxxa tat-telefon ta' Triq Merkanti ma' bqajtx nużaha u llum lanqas biss għadha hemm. Minjaf x'kienet taħseb Annie ta' Sultana tal-gazzetti, alla jaħfrilha - jekk qatt innutat li wara li nixtri telecard kont niġi nċempillek ftit u ndumu xi siegħa nieħdu ras xulxin!

L-aħħar darba li tkellimna sew f'dik il-kamra l-isptar, tarrafna ħafna memorji lil xulxin u l-ammirazzjoni reċiproka li kellna għal xulxin. Ħbiberija sempliċi u ġenwina. Kuntent li sibna ħin nitkellmu u ngħidu dak li dejjem ħsibna.

Fi żmien l-10 t'Awissu gawdejna ftit mumenti mill-festa ta' Lawrenz. Int kont għal qalbek ovvjament. Ħadt gost inlaqqek ma' nies li llum huma mportanti għalija. Anki huma ħadu gost li saru jafuk. Illum kburi li fl-aħħar xhur kellna ċans nerġgħu nitkellmu ftit. Ħadt gost nerġa naġġorna ruħi fl-avventuri tiegħek madwar id-Dinja u kull ħolma u ħsieb li kellek. Ħadt gost ukoll nemmen li jien stajt kont ta' sapport f'mument iebes ta' din l-avventura li jisimha ħajja; u li int għaraft tgħix b'entużjażmu sħiħ.

Int tlaqt. Kien għad hawn bżonn tal-brijju tiegħek imma konvint li bħalissa l-ispirtu tiegħek jinsab serħan. Kif għidtlek, kulħadd għandu kliem ta' tifħir dwarek u dan l-aqwa ċertifikat li ġbart minn din il-ħajja. Ċertifikat li minnu gawdejna xi naqra wkoll aħna li missejna mal-karattru spontanju u ġenwin tiegħek.

Ħa nieqaf hawn. Il-memorja tiegħek ankrata hawn. L-imħabba lejn Malta u lejn il-Birgu fuq kollox. L-imħabba lejn il-ħajja u dak kollu li jġib avventura, ferħ u paċi. Tassew teżor tal-ġirbin! Grazzi u prosit

Sunday, 2 July 2017

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira - bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b'marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f'xifer ta' sur, kuljum. Sa mn'alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f'ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B'mod awtomatiku tikber xewqa ta' wens, ta' mogħdrija - imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta' enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta' ħbieb li jidentifikaw ruħhom f'San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f'dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta' ħafna iktar nies b'ġesti kreattivi, b'tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta' persunaġġ li wara żmien ta' bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta' dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta' Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f'qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f'Pawlu jibqa' tama kontinwa f'kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta' Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra... Grazzi #familja!



Monday, 29 May 2017

Ħsieb 23

Għażiża,

Illum rajt il-mewt viċin. Ħafna.

Kos! Kemm hi nitfa l-ħajja! Realtà li tintemm f'tebqa t'għajn bla mistenni. Kemm hi leħħa l-mewt. Tiġi, u lanqas ittik ċans isselmilha jew tieħu stessu magħha. Tieħdok bla wisq kumplimenti u apoloġiji. Ma bżajtx minnha imma kerha kif taħsad. Illum, Pawlu reġa' ħareġ idu, mill-Munxar forsi, u żamm distanzi biex jien għadni hawn.
Diffiċli ninsa dak il-mument, dik is-sekwenza. Diffiċli ninsa n-negliġenza tat-traskurat, il-gidba ta' min taparsi wera nteress u ħarab, is-sapport ta' min ġenwinament waqaf u ġie jgħin anki meta kien mitlub minnu mod ieħor, l-imħabba kbira ta' min ġenwinament kien u baqa' hemm!

U issa aħna, int u jien. X'fortuna li erġajt kelli ċ-ċans inqatta' ftit siegħat miegħek, inżomm idejk, immiss xufftejk, u naqsam demgħa miegħek dwar tmiem il-karriera ta' Totti. Inħossni kuntent li qalb l-injoranza ta' folol fanatiċi għall-politika fiergħa, kelli x-xorti nduq it-togħma bnina ta' sbuħitek għal darb' oħra.

Għax kun af għażiża, kun af, irrid intenni li fik nara skop, fik insib serħan; kuljum. Kuljum, jew kull jum? Ingħid kull jum għax kull jum huwa jum ġdid u kull jum irrid inħoss din ix-xorti ta' ħajja li tiġġedded, ta' xorti li nisma' leħnek. Permezz tiegħek jien ngħoxa nsib kuluri ġodda għall-ġranet li jmiss.

Għax ir-realtà tal-mewt hi mera llustrata, fuq ir-realtà tal-ħajja li hekk kif żbrixx nixirfu quddiemha, dlonk nilmħu lill-ħajja b'tant sbuħija, b'riħa ta' imbatt mal-blat u żiffa li taqta' kull għatx. Għalhekk noħlom li nibqa' nfittex u nagħti dak li prezz m'għandux. Wara kollox, dak li seħħ illum jinsab irrakkuntat hawn kważi kważi:


Il-lejl it-tajjeb għażiża.

Thursday, 9 February 2017

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta' ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ - skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa' jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta' erba' fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali...
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta' Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu "alla".

U b'dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F'mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F'mument jiċċelebraw kampanji ta' twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F'mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F'mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta' familtu. F'ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta' ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b'din l-idea li f'tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond... dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss... immaġina... daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta' Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl - bħalma xxebbagħni pizza ta' Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f'nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta' Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta' Checco lura f'Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!

Saturday, 12 November 2016

Tkissir ta' identità

Dalgħodu qsamt din l-ittra ta' sieħbi l-fotografu ġenjali Daniel Cilia f'ħakka t'għajn għax dherli li hekk kien xieraq. Illejla, xtaqt nesprimi ħsieb qasir - għax fuq il-midja soċjali, issib min joqmos farka.

X'faqar ta' valuri soċjali qed inħaddnu f'dan il-pajjiż! Farka ta' ġebla b'amministrazzjoni li temmen li ġaladarba twaddab tikka flus fuq xi festival jew anniversarju kulturali, tqis ruħha bla dnub u tintefa twaddab l-ewwel ġebla fuq kull preġju verġni li dan l-ispeċi ta' ġens irnexxielu jrawwem bi tbatija tul eluf ta' snin!

Inħossni tassew diżappuntat, speċjalment jien li bħal numru ta' kollegi bis-sens, għandi l-pjaċir naħdem sabiex forsi nrawwmu ftit kburija fil-kultura ta' dan il-poplu. Iva jkolli naqbel ma' sieħbi James Vella Clark meta jgħid li "...in this country everyone is busy discussing Trump and America and here at 'home' we have a Planning Authority led by spineless cunts deprived of any basic sense of decency, aesthetics and respect. We act nostalgic when someone puts up old photos and postcards from the past but we are permitting the very same mistakes that destroyed what's in those postcards."

Xbajt f'pajjiż fejn kulħadd idur mal-lewża, jilgħabha tal-qaddis imma mbagħad fil-verità ħadd ma għandu l-bajd jaqbad il-barri minn qrunu. Xbajt b'poplu li la jaf u lanqas irid jirrispetta l-identità tiegħu; jekk qatt kellu. Xbajt b'poplu jimmasturba għal xi festival kulturali, jippoppa sidru fil-folla biex mingħalih ikun kulturalment sensittiv, jixrob tazza nbid wara oħra f'xi bar kuwl li fetaħ il-Belt, jeċita ruħu għall-artist barrani li jmiss, ibeżlaq f'termini diffiċli biex taparsi jifhem fil-kultura, umbagħad wara l-bank tax-xogħol matul il-ġimgħa ikun qed jippermetti kull tip ta' sfeġju.

Xbajt u sinċerament ma narax soluzzjonijiet qalb din l-apatija. It-titlu ta' din l-ittra lill-Editur minn Daniel Cilia huwa tassew f'waqtu - u nażżarda ngħid, iktar wiesgħa u traġiku minn kemm jidher f'dan il-każ partikolari f'Għawdex.

Sunday, 19 June 2016

Min hu missierkom?

"Min hu missierkom il-Beltin?", hekk jinkuna f'kuntest kalċistiku, in-nebbiexa ta' kontrina. Dalgħodu ma flaħtx ma ninnutax lil ħafna minn sħabi l-Beltin jirrimarkaw lil missierhom b'xi ritratt riċenti jew antik ta' missierhom u xi ħsieb, ftit kliem, li jfakkru lill-persuna għażiża u dak li għamel jew, għall-grazzja t'Alla, għadu jagħmel magħhom.

Dettall minn 'The prodigal son" ta' Rembrandt
Kurjuża l-figura tal-missier… Renato Zero kien irrefera għalih bil-frażi kiefra "gli spermatozoi, l'unica forza tutto ciò che hai…" u Morgan fis-silta Animali Familiari jirrimarka kif in-nemel maskili huma ulti biss għar-riproduzzjoni u jingħataw ix-xorti li jmutu bil-ġwienaħ. Fid-dinja tan-naħal, ir-raġel utli biss għall-istess raġuni sakemm jitkeċċa mill-bejta u jitħalla jmut imġewwah u umiljat mingħajr ix-xewka li tipproteġih. 

Forsi kiefra n-natura, stramba l-idea li tkun missier imma xewqa permanenti ta' ħafna nkluż is-sottoskritt. Xewqa li jkunu hemm, irawwmu kultura, jew aħjar, jiżirgħu kultura u jarawha tikber, qalb imħabba mingħajr tarf u mingħajr forma.

Missier huwa protettur, iżda fuq kollox imprenditur. Imprenditur ta' ambjent fejn il-familja ssib li ħaqqha; imħabba, ħafna spazju, trawwim ta' ideat u bilanċ bejn kuntrasti u soluzzjonijiet. Missier huwa mera tal-omm. Żifna waħda. Missier, f'kull natura tiegħu, huwa tgħanniqa twila.
 

Friday, 1 January 2016

Ħarsa fqira lejn l-2015

Kienet diffiċli nimmaġina sena li tiżboq l-2014, biss l-2015 irnexxielha. Forsi mhux kull siġra li ħawwilt għamlet il-fjuri imma llum inħares b'ħarba lura u niċċelebra l-2015 minn qiegħ qalbi.

Żgur u mhux forsi din is-sena kienet immarkata minn tlett episodji mportanti fl-istorja ta' ħajti. L-ewwel, f'ordni kronoloġiku kienet l-elezzjoni ġenerali tal-Għaqda tal-Pawlini ġewwa l-Belt Valletta. Wara xi suġġerimenti ta' xi ħbieb Beltin, fettilli nitfa n-nomina u bi stagħġib, sibt ruħi hemm mal-ewwel tmienja! X'unur! Il-ħolma ta' kull Pawlin Belti li jikkontribwixxi b'mod dirett għall-akbar festa tan-Nazzjon. Kienet sena mpenjattiva fl-Għaqda li minnha tgħallimt u għadni qed nitgħallem immens. Kienet sena li fiha fraħna u bkejna flimkien. Fraħna fil-festa u f'suċċessi ta' avvenimenti varji u bkejna waqt tislimiet finali lil parruċċani varji fosthom uħud li ħallew marka li qatt mhu ser titħassar fil-qlub tal-komunità. Nixtieq ngħamel lista tal-Pawlini li sebbħuli din is-sena imma hemm wisq!


It-tieni episodju mportanti kienet l-ewwel esibizzjoni tal-arti fuq livell personali. 'Her Majesty' kienet esperjenza stupenda li kelli x-xorti naqsam ma sieħbi Simon Sultana Harkins. Esperjenza li minnha kbirna flimkien bl-intoppi 'sorpriża' u l-ħidma sfieqa li wettaqna. Għal din l-esperjenza kienu ħafna li kkontribwew u ftit li xekklu. Insellmilkom kollha kemm intom. Grazzi kbira lil Antoine Farrugia li kien hemm b'rispett kbir fil-mument l-aktar kruċjali tal-proċess. 'Her Majesty' kien proċess li ingħalaq b'mod meraviljuż li l-arti biss tista' twettaq!

It-tielet esperjenza ndimentikabbli kienet bla dubju l-mawra ġewwa l-belt tant maħbuba ta' Napli fil-bidu ta' April. Bil-kumpanija ta' ħbieb mill-aqwa, ġeddidna ħafna memorji u erġajna tħabbibna mal-wisq tjubija li toffri din il-belt fil-ġenn kollu tagħha. Jien bdejt nixrob il-birra, forsi jinżlu l-pizez li bdew jiġu kkunsmati u spiċċat ġibt lura 5 kilos li għadhom hemm sal-ġurnata ta' llum. Din id-darba x-xena nsterqet miċ-ċkejken Luca bil-famuża "my finger". Ahhh Napoli... ma quando ti rivivo!?


Is-sena bdiet b'raqda tajba wara tmiem tal-2014 mhux kif mixtieq. Kienet il-ħabiba kbira Anna li ġabritni minn xagħri fl-ewwel ġranet u permezz tal-arti u kliemha, għenitni nqum, inħares lejn is-sena b'motivazzjoni fija nnifsi. Hekk kif qed insemmi artista, nista' nkompli bis-safra stupenda ġewwa Sqallija ma' sieħbi, l-artist James Vella Clark. Kienet safra marbuta mal-kunċert tal-għażiża Carmen Consoli ġewwa Acireale, biss spiċċat waħda mill-isbaħ safriet ta' dejjem b'avventura/praspura żgħira wara oħra, ikel eċċellenti u pajsaġġi mill-isbaħ. Ma naqsux ukoll xi karattri mill-post li komplew sebbħu l-esperjenza.Viva l-lesbo tours!


Il-ħolma ta' żjara ġewwa Firenze seħħet f'Lulju. Bi skuża tal-kunċert ta' Lorenzo Jovanotti fl-istadjum Franchi, qattajt ġranet sbieħ f'belt meravilja. Il-kumpanija ta' oħti għamlet l-esperjenza partikolari għax l-aħwa huma aktar mill-ħbieb hux! Praspuri u sorpriżi ma naqsux biss ta' rjus iebsa li aħna, għaddiet tagħna u ħadna naqra gost mhux ħażin. Il-kunċert ta' Jovanotti kienet esperjenza li se ndum ma ninsa. L-istess id-dmugħ quddiem is-self portrait ta' Raffaello. X'taqbad tgħid fuq Firenze, Siena u Pisa! "Arrivederci" l-aħjar!

Il-vjaġġi ġewwa Plzen u Wroclaw, kienu relatati ma' xogħol biss kienu esperjenzi fejn erġajt iltqajt ma' kollegi minn Kapitali Kulturali tal-Ewropa oħrajn u nies ġodda. Litteralment familja li minnha qed nitgħallem ħafna u nħossni xxurtjat. Dawn iż-żjarat għenuni nibdel ix-xettiċiżmu li kelli dwar l-Ewropa ċentrali u dik tal-lvant. Mhux talli hekk, talli ħassejtni komdu mmens f'dawn l-ambjenti u kulturi. L-aħħar vjaġġ ħadni Venezja u l-famuż Biennale. Ħolma oħra li saret realtà. J'Alla din issarraf f'ħafna ġid għal Malta.



Fejn jidħol xogħol kienet sena oħra mpenjattiva ħafna iżda li offriet sodisfazzjon kbir fil-kumpanija ta' kollegi nkredibbilment speċjali. M'aħniex bogħod li nsiru familja! :) J'Alla din is-sena tkun ta' risq għalina speċjalment lil min kellu sena iebsa fuq livell personali.

2015 kellna wkoll tiġijiet memorabbli... Denise u Paul, Annaliza u Martin, Holger u Cristina, Steve u Nikki... fost oħrajn! Esperjenzi mill-isbaħ. Sena li ġabet persuni ġodda madwarna iżda li ħadet oħrajn ukoll. Tislima liz-ziju Żaren minn qalbi!
Il-laqgħa mal-kuġini f'Awwissu u l-partita futbol bejn ħbieb Pawlini wkoll kienet speċjali. Nispera jerġgħu jsiru.


Ħafna ħsibijiet... taħlita ta' xewqat, ħolm sfaxxat, oħrajn imwettqin imma fuq kollox l-għarfien ta' żmien ħlejju li għadda u ħalla marka li biha nista' nimxi 'l quddiem; aktar milli neħel fejn jien.

Saturday, 5 December 2015

Ġlekk u qmis

Il-ġlekk u l-qmis għalxejn:
ninżahom, niftahom gozz fuq soddti.
Kemm nixtieqha hawn fid-dlam.
Kemm nixtieqha hawn fil-mużika.
Kemm nixtieqha hawn f'silenzju.
Biex nisma nifisha jfewwaħ.
Biex naqta' ġuħ ta' mġewwaħ
u nsaqsi mitt mistoqsija
għal risposta waħda.
Bħalma mija huma l-kwiekeb,
iżda waħda l-eżistenza.
Kemm nixtieqha.

Isma l-mużika hawn

Sunday, 29 November 2015

Fl-Isqaq

"Imbagħad f’dan l-isqaq f’Ħal Qormi ommi ltaqgħet ma’ ġuvni (refuġjat ieħor mir-Raħal Ġdid) u żżewġitu u komplew bir-rifuġju tagħhom f’Ħaż-Żebbuġ."

Hekk kiteb Immanuel Mifsud f'artiku minn tiegħu li deher illum. Kitba ta' Mifsud dejjem tinżel għasel, u waħda qasira tinżel aktar faċilment ngħid għalija. Bħal biskuttin ma' belgħa tè minflok ikla bi tlett platti.

Laqatni wisq dak il-paragrafu ikolli ngħid. Lil hinn mill-kuntest li kien qed jikteb dwaru Immanuel, ġieni spontanju sentiment kuntradittorju hekk kif qrajtu. Insibha diffiċli mmens nifhem jew aħjar, napprezza kif din ir-'refuġjata' tista' tilmenta mill-ħajja tal-isqaq. Mhux li kien tiġi gwerra u tibgħatna fi sqaq li jġibilna dak ir-refuġju emozzjonali; refuġju mis-solitudni li kultant taf toqtol aktar mill-bombi; refuġju għall-ħajja!

Imma l-ħajja dik hi, ikollok l-abjad u tkun trid l-iswed. U viċi versa. Ispirat minn kliem Kristu dejjem emmint li l-bniedem mhux bil-'likes' biss jgħix. Inħoss li ngħix f'ħajja fejn għalkemm miżgħud bil-ġid, ħbieb u x'naf jien, hemm il-bombi neżlin. Kultant tisma' s-sirena ddoqq. Kultant jiġi minn iħabbatlek u jistiednek tmur f'raħal ieħor… imma fejn? X'raħal? Jekk il-qalb hija waħda.

F'dik il-gwerra tista' biss toħroġ mix-xelter, tiftaħ idejk, tħares 'l fuq u tħalli l-bumbardament jibda. Ġieli jkissrek u ġieli jsaħħek. Bħall-abjad u l-iswed din! Bħar-ritratt ta' Immanuel.

Thursday, 26 November 2015

It-teatru

Il-mużika msaħħra ġo qalb ir-raħal għebet. Siket l-applaws. Minjaf forsi Teodor laħaq ħarbex kelmtejn kummentarju u Buhagiar fil-gallarija kien għadu qed jonsob aġġettivi f’lokhom. Minjaf?

L-inbid beda jsejjaħ lill-folla… kważi kważi nstema’ leħnu qalb żaqżieq is-siġġijiet. Żaqżieq iva, simili wisq għall-ħoss tal-bieb ikaxkar sat-tisbita li sakkritu. Waqgħet hemda bħal dik li kultant jinnamra magħha Pawlu. Hemda li sserraħ jew li toffri spazju għal aktar ħsieb; mistoqsijiet. Hemda li tfawwar bħalma tfawwar qalbu bix-xewqa li tingħata. Bħalma tuffieħa mhux ikkunsmata tfawwar b’dud rgħib u moffa.

Raqad it-teatru. Iżda mhux is-seħer li twaħħad miegħu tul iż-żminijiet. Is-seħer tal-poeżija, tal-mużika, kant u dwal. Tal-kostumi, żeffiena, kantawturi u atturi. Ta’ kull ruħ li żaritu.

Mal-ħoss tal-bieb jissakkar, is-seħer stenbaħ u bla ħadd induna, niżel, ikkulurit, bħal f’kull lejl, ikebbes lit-teatru. U aħna hemm konna mgeżwrin f’karta bajda, bis-serqa ngawdu l-maġija. Is-seħer kebbisna, libbisna sal-għabex. U issa li qed inlibbsu lilek, is-seħer nilmħuħ jiżfen ma’ ruħek hekk kif taqa’ l-hemda.

Hemda.

Saturday, 21 November 2015

Qatt

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba, poeżija?
Forsi għadek ma rċevejtiex. Qatt sibt ruħek quddiem dak li r-ruħ ma tafx tispjega u li ġie tradott għall-qalb u miktub mill-moħħ f'mument sagru, bi kliem sempliċi, probabilment medjokri?

Qatt qbadt waħda minn dawk l-ittri, forsi waħda minn dawk li llum sfaru u ħallejtha tkellem lil ruħek? Qatt missejt mal-eternità f'dak il-ġest? Qatt twaħħadt magħha, imqar għal sekonda jew tnejn? Qatt għoddejt ismek u qabbiltu mat-taħbit tal-qalb li xtaqet tkun tiegħek; għal dejjem miegħek? Qatt ħarist lejn il-wisa' u t-tul ta' dik il-karta musfara u qbiżt fil-fond ta' bejniethom bħal f'baħar blu u frisk li jitħabbeb ma' ġismek lixx u skur? Qatt iġġilidt ma' dik il-linka sabiex ma tħallihiex tisraqlek nifsek? Qatt aċċettajt it-telfa?

Qatt ħadd kitiblek ittra ta' mħabba?

Qatt għoddejt id-dbabar tad-dmugħ li nixfu fuqha?

Tuesday, 27 October 2015

Pur bħas-silġ

X'inhu dak li wara lejl twil u mħarbat, imżejjen b'biki u inkwiet, jiġi b'ħolma ta' vjaġġi li jaqtgħu n-nifs, perikolużi, f'tubi dojoq sakemm inqum maħsud u hemm insibu jżiegħel bija b'xewqa ta' tjubija mdendla f'għoli ta' siġra?

 Il-ħoss etern ta' ħsieb pur bħas-silġ idakkar madwari b'din l-ossessjoni li tinbet minn żerriegħa antika, mormija. Żerriegħa li tinbet bir-riskju ħlejju li tikber siġra; kenn mill-vojt ta' madwari.



Friday, 23 October 2015

20 sena ta' Mellon Collie and the Infinite Sadness

24 t'Ottubru 1995 - 24 t'Ottubru 2015

Niftakar lil Istivan ġej fil-klassi b'dak l-imbierek safety shoes u bil-famuż album doppju tagħhom; l-iSmashing Pumpkins. Jien li kont ninnamra mal-mużika tal-Ace of Base, kont xettiku, u li kieku mhux għall-ħbiberija ġenwina li kienet tirrenja fil-klassi, kont neħel hemm...

Mellon Collie & the Infinate Sadness... titlu stramb, qoxra "cool". Bħal meta tixħet barmil ilma tul taraġ, din il-ġabra okkupat kull kantuniera ta' żgħożiti; innijiet tat-tfulija li nfiltraw f'kull toqba, kull kantuniera. Kienet mużika li għallmitni naħseb u żratli x-xewqa li nesprimi kull emozzjoni tiegħi f'poeżija, bikja, twerżiqa, melodija.

Illum inħares lura u nirrealiżża li f'dawk il-ġranet qatt ma fhimt eżattament x'kien il-kontenut li kont qed nisma imma dak il-ħoss, dik il-melodija u l-maġija li tinħass tul kull sekonda, serquli qalbi! Naħseb anki lil missieri għax niftakru jsaqsini "x'qed tisma?" b'ton ta' xi ħadd interessat".

Ġabra, jew aħjar, innovazzjoni mużikali li misset lil ħafna. Il-ġenju ta' Corgan, D'Arcy, Iha u Chamberlin, anki jekk illum m'għadux jidwi, ikkontribwixxa għal moviment ta' żgħażagħ li fasslu ħsibijiethom tul versi ta' poeżiji. Mużika u nterpretazzjoni li għalkemm tipikament skjetta fil-ġenwinità tagħhom, huma elaborati għall-punt ta' eleganza klassika u spiritwalità mill-aktar fonda.

Fejn tibda? Fejn tispiċċa? By Starlight, Zero, Bullet with butterfly wings, Beautiful, Thirty-Three, 1979, Love, Muzzle, XYU , In the arms of sleep... ibda u ma tieqafx. Trid issemmihom kollha kemm huma. Ngħid għalija, kollha kantajthom b'ħeġġa, waħdi fil-kamra, xi drabi bilwieqfa fuq is-sodda nimmaġinani qed nakkumpanja lil D'Arcy :)

Hemm wisq x'tiċċelebra llum li dan il-kapulavur artistiku jgħalaq l-għoxrin sena mill-varar tiegħu. Ibda minn dik il-qoxra spettakolari, sad-disinn tas-cds u bil-wisq aktar, kull nifs li tikkonsma sabiex tisma' il-kollezzjoni.

Għaddew għoxrin. Lil Istivan rari sirt narah, biss dejjem ħsibt fih meta s-sensi tiegħi tpaxxew b'dan l-album. Rigal, bieb miftuħ, forsi mhux intenzjonat, li kien, għadu u probabilment ser jibqa' jakkumpanja din il-ħajja u l-bżonn ta' ħolma, ta' bikja, ferħa, ħsieb, tgħanniqa, għajta, tisfira, tifsira, mistoqsija, mixja, konversazzjoni, qawmien jew siesta.
"Too late to turn to turn back now, I'm running out of sound
And I'm changing, changing
And if we died right now, this fool you loved somehow
Is here with you
I won't deny the pain
I won't deny the change
And should I fall from grace here with you
Would you leave me too?"

Saturday, 3 October 2015

Għażiż Pawlu

Ilbieraħ kelli waħda minn dawk is-serati b'dilemmi. Żewġ stediniet, mill-aktar apprezzati, għal avvenimenti, tista' tgħid fl-istess ħin. Bħalma saret rutina fl-aħħar sentejn, għamilt il-pjanijiet waħdi, sabiex nipprova nduq l-emozzjoni tat-tnejn.

L-ewwel mawra ħaditni sal-belt kapitali l-antika, l-iMdina. Il-vjaġġ, għal kuntrarju ta' dak li rrakkuntaw in-nies fuq Facebook matul il-jum, kien ħafif u bla ntoppi. Inċidejt wieħed biss meta wieħed pretenda li nakkomodah u ngħatih id-dritta anki jekk kien qed jikser ir-regoli tat-traffiku u ntefa' jsegwini, ipaqpaq u jżewwaq xi kliem li ma stajtx nifhem. Fuoco Amico I tal-Verdena tfietu u għall-mument stħajjilt qed nara xena virtwali ta' dan jitmasħan fil-karozza ta' ma' ġenbi!

Ħallejt iċ-ċwievet tal-karozza lil San Pawl tas-Saqqajja u lebbitt lejn il-Palazz De Piro. Hemm sibt lill-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici bħal donnu qed jistennieni għax kif irfist l-għatba tal-gallerija, beda d-diskors għall-ftuħ tal-esibizzjoni t'arti viżiva tal-artist Belti, bravu u ġar tiegħi Paul Caruana.

Sar il-ftuħ u qbadt indur ix-xogħolijiet ta' Pawlu. X'naqbad ngħid?! Kull kwadru, storja; emozzjoni. Quddiem uħud xtaqt biss ninfaqa' nibki bi pjaċir u b'nostalġija għal rakkonti li sawwru lil Belti u niesha. Stejjer li sfortunatament tul iż-żmien traskurajna u tista' tgħid tlifna sakemm fl-aħħar snin stenbaħna u erġajna ntfajna nistaqsu suritna!

Minn lat artistiku, Pawlu Caruana huwa mastru fiż-żebgħa tal-ilma. Ħasra li hawn min jeħel quddiem din it-teknika u jikkategorizzaha bħala arti 'inqas' għolja minn oħrajn. Jien li għal kuntrarju ta' Pawlu naħdem bi pniezel diġitali, nħoss li kull għodda li tintuża għal espressjoni artistika tista' tiġġenera xogħol medjokri jew xogħol ta' kwalità. U hawn, fil-każ tas-serje Dear Younger Me ta' Pawlu Caruana sibt xogħol li jidħol fil-profond tal-ħajja tal-artist iżda wkoll fil-ħajja tal-komunità li fiha huwa trabba. Kif qal sewwa Ugo Mifsud Bonnici, xogħol Pawlu huwa kumment soċjali. Allura nidħak meta naħseb li kien hemm min irrifjuta li juri dan ix-xogħol bl-iskuża tal-lingwa klassika taż-żebgħa tal-ilma.




Bla dubju nħeġġeġ lil ħuti Beltin, Vallettani, sabiex isuqu sal-Belt l-oħra (hux hekk Simon?) u jgħatu titwila lejn il-ħajja u l-istejjer passati fid-Due Balli u 'l madwar, qalb nisa, anzjani, tfal, fantasija u anki iħirsa.

Kif mistenni ma setax jonqos li nsib lil sieħbi u ex kollega George Cini f'dan l-mument. Belti ieħor jekk Alla jrid! Filfatt Pawlu Caruana kien ikkollabora ma' George fil-kontenut viżiv tal-ktieb tant famuż 'Strada Stretta'; il-ktieb li jiena nqis bħala l-katalist uffiċċjali tal-qawmien ta' din it-triq. Id-diskursati ma' George dejjem jinżlu għasel; dejjem jgħallimni xi ħaġa ġdida bit-taħdit uniku tiegħu; a-la Beltija!

Tlett 'kriminali' Beltin: Paul Caruana, George Cini, Pawlu Mizzi
Sar il-ħin u kważi bħal pażtaż, sellimt lil Pawlu u George, ħadna stessu (hekk sewwa u xieraq) u ħrabt 'l hemm. Soqt sal-iktar raħal li jdejjaqni f'Malta - Tas-Sliema u pparkjajt ġewwa l-parkeġġ tal-iskola St Patrick's, qalb iħirsa ta' memorji sbieħ li dejjem jitfaċċaw b'ħafna toqol meta nqarreb 'l hemm.

Flimkien ma' sieħbi John u l-kollega Margerita, intfajt nsegwi l-kunċert tal-artist Neil Halstead. Lil Stalko ma' lħaqthomx; paċenzja! Għal darb'oħra l-promoturi HairyAmp ġabu ismijiet ta' kalibru kbir u ħadt gost nara li l-udjenza rrispondiet. Jidher li l-Maltin qed jirrealizzaw u jfittxu mużika tajba dejjem aktar. Il-mużika ta' Halstead hija raffinata; kważi kważi ironika quddiem il-karattru u d-dehra kemmxejn aktar ħorox tiegħu. Ħadt pjaċir ngħalaq għajnejja jew niċċassa lejn is-saqaf u nisma. L-inbid mill-Imdina beda jgħin iżda sa ċertu punt beda' jtellef ukoll - l-istess bħan-nies iqumu u jpoġġu 'l ħin kollu!

Wara xarba tajba ma' ħabib tiegħi f'bar ikrah u bla ruħ ġo tas-Sliema, għaddejt sal-parkeġġ u soqt lura lejn il-Kapitali qalb ħsibiijiet varji u xi ftit rabja wkoll. Stramb dal-moħħ u stramba dil-qalb; bħal donnu reġa' wasal tmiem il-ġimgħa. X'tgħamel, għażiż Pawlu!?

Wednesday, 23 September 2015

Il-ħajja u l-kafé

Daqs li kieku kien l-aktar ħabib li miegħu għandi kompliċità raffinata, dalgħodu l-Facebook infurmani li tfaċċat kanzunetta ġdida tat-tant għażiż Max Gazzè. Wiċċi jieħu l-ħajja! Ara mn'alla hemm il-'get notifications' jew 'know first' għax ma taħrablix waħda. Bħalissa s-1:30 ta' filgħodu u ma nistax nieqaf nisma dan ir-rakkont ta' raġel li spiċċa ħareġ ta' ċuċ grazzi għal mara li xtaq iħobb. Kultant ikolli bżonn naqta' ftit mill-femminiżmu ta' Consoli u għal daqshekk Gazzè jpatti; hekk sewwa u xieraq f'ġieh il-bilanċ!

Gazzè huwa ġenju fejn jidħol dak li nsejjaħlu 'sarkażmu mużikali'. It-traġedja ta' dan il-persunaġġ li spiċċa jiġġieled ma vuċijiet iżeffnu f'rasu u jikkontempla jtemm ħajtu (u hawn xejn ġdid) hija rrakkuntata f'kanzunetta pseudo-allegra li titolbok tqum minn bilqegħda u tintefa tiżfen sakemm tgħejja. Nota wara nota, tiżfen, sakemm fl-aħħar, hekk kif jaqa' is-silenzju, jew jispiċċa l-kafé, bħal qisek tirrealiżża kif l-artist tmejjel bik jew kif int tant aljenat li sfajt imċewweċ ukoll; appuntu bħall-persunaġġ! Maaaa kemm hu ġenjali Gazzè!

Minjaf kemm għad iridu jiżfnu mijiet għan-noti ta' din il-ġrajja mbikkma. Minjaf fosthom kemm nies li appuntu kienu kaġun ta' tant uġiegħ fuq ħaddieħor.

Fi ġranet bħal-llum, niftakar meta ltqajt ma' Max ġewwa Dar il-Mediterran u l-għada bħal fl-aqwa ħrafa ġewwa Triq ir-Repubblika quddiem l-ATM tal-Bank of Valletta. L-ispirazzjoni li jimlili ruħi biha dan l-artist hija xi ħaġa li diffiċli niddeskrivi. Klassi għalih li tassew ftit iħabbuha magħha!

U issa, bħal tifel quddiem tal-ġelat iħawwarlu tazza, nistenna bi ħġari t-tnedija tal-album il-ġdid tiegħu. Uffiċċjalment u bi pjaċir immens, niftħu s-siparju għal darb' oħra fuq staġun ieħor ta' mużika mill-'poeta minuri'!