Saturday 23 April 2011

Mill-Ġetsemani għall-ġo dari


Din id-darba mhux ser nikteb jien imma ser naqsam silta mill-Evanġelju ta' San Ġwann li dejjem emozzjonatni sa mill-ewwel darba li qrajtha! Nemmen li f'dawn il-ġranet, lili li spiss ninħela f'mistoqsijiet inutli minflok f'azzjoni, kitba bħal din tħallini maħsud imma mimli enerġija sabiex ngħamel aktar.

Niżżel pdf file minn hawn.

Tuesday 5 April 2011

Ħinijiet tal-Ħdud

Għal darb'oħra ma xtrajtx il-gażżetti tal-Ħadd u għal darb'oħra bħal ta' kull nhar ta' Tnejn, ġietni l-kurżità nara x'intqal u x'ħareġ waqt il-ġranet tal-mistrieħ.

Irnexxieli niddobba s-Sunday Times illum u wara ġurnata xogħol ta' ħdax il-siegħa, intfajt inqalleb. Ħbatt ma xi affarijiet li tawni gost, oħrajn iżda, ma flaħtx narahom u qallibt niġri l-paġna, filwaqt li oħrajn ġabuli sensazzjonijiet ta' stmerrija totali.

Bħalma ngħamel fil-maġġoranza tad-drabi, bdejt nixref il-gazzetta minn wara. Forsi 'l fatt li hi gazzetta nkredibbilment ippakkjata f'kull sens, iqabbadni biżà li mhux ser nasal sal-paġni sportivi!

Bdejt immeddjatament inħabbat rasi mal-mejda hekk kif intbaħt bil-proġett Young Enterprise li ġie rrekklamat b'ritratt kbir! Qed nara sew? Dawk Vinyls li hemm iffurmati f'vażuni? Dak Vinyl tad-Decca li għandha din it-tfajla (dik għandha ħila titbissem?) f'idejha lest biex jinbaram ukoll? Iva, u l-ieħor tal-Parlaphone! Imma għalfejn il-fotografu, Chris Sant Fournier ma nfaqax jkisser bħalma Kristu kisser fuq l-għatba tat-tempju? L-arti u l-istorja mużikali ffurmati f'vażuni! Biex tgħaxxaq din l-idea qed tiġbor l-applawsi u forsi xi sold jew tnejn! Mulej aħfrilhom għax ma jafux x'inhuma jgħamlu!

Tlift l-interess naqra l-istorja dwar l-allegati abbużi intant!

Imsomma wasalt paġna 57 u mistoqsija waħda qamet immedjatament… fejnu l-logo tal-anniversarju li għażlu Debenhams xi ġimgħa ilu? Nispera li mhux jiddejqu jippubblikawh wara li rredikolaw l-eżercizzju ta' disinn ta' logo għal semplici kompetizzjoni ta' "likes" fuq Facebook!

Ħaqq! Insejt immur Pupu fil-Baħar!!!

Sabiħ dan ir-riklam ta' Zest - ħarsa li zest illum saret tfakkarni fil-Kinnie - u kwazi kwazi qed naħseb li m'inix konvint dwar dak id-dettall tal-għarusa minn wara!

U wara l-infinità ta' paġni, kważi inutli, ta' riklami u avviżi klassifikati, fejn ilmaħt lil sieħbi antik Elton, ġiet f'idejja din l-ewwel ħarġa ta' "Liv in gozo" - gwida għall-propjetà f'Għawdex, li iżda tirriklama wkoll appartamenti fl-iMsida! Nibqa ngħid illi aktar ma jmur, aktar qed neżawrixxu s-sbuħija li taqra gazzetta!

Ħadt nifs x'ħin wasalt fil-paġni tal-kultura u ntratteniment. Aħbarijiet sbieħ bħal kuncert Akustika f'St.James, dak ta' Santana u fuq kollox il-miġja ta' wieħed mill-ġenji mużikali kontemporanji, Owen Pallett li ser idoqq ġewwa l-Ħamrun grazzi għal Kinemastik u StageDive.

Nammetti li erġajt qallibt niġri l-paġna x'ħin rajt x'ser jgħamlu l-Airport Impressions dax-xahar!

Issa m'għandix saħħa nintefa naqra l-artiklu ta' Mike ma' Norman Cook imma nżommu qrib u naqrah - jew jekk insibu fuq is-sit, nitfgħu jinqara bl-ispeech tal-Macbook.

Albert Storace u Kenneth Zammit Tabona jinsabu hawn ukoll - żewġ protagonisti tal-kritika li kelli x-xorti niltaqa' magħhom u ninnota l-modi tagħhom, distinti imma mżewwqin bl-ironija, l-għerf u l-imħabba lejn dak li hu magħmul tajjeb. Imma ġejt misruq mir-riklam tal-Palazz tal-Girgenti li ser ikun miftuħ għall-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa li ġej - hmmm appetituż!

Ir-ritratt ta' Realtà fakkarni fil-passjoni li għaddejjin minnha sħabi Alex Vella Gera u Mark f'ġieh il-libertà tal-espressjoni! Ħasra hux kif hawn Malta għad hawn tant injoranza tirrenja anki fit-tmexxija ta' strutturi edukattivi!

Paġni 16 u 17 huma wisq attraenti għalija bir-riklam tal-ktieb kapulavur ta' sieħbi Ġorġ Cini dwar Strada Stretta li nissuġġerixxi lil kulħadd jakkwista - u xi ngħidu għall-illustrazjoni ta' Maurice Tanti Burlò - bicca xogħol li ġġiblek tbissima fuq l-argumenti li qamu bħal xita kontra s-Sur Giletti.

Iktar dwar Realtà u fuq in-naħa l-oħra naqra li s-siġar il-ġodda li qed jitħawwlu ġewwa Putirjal, inġagħbu mill-Italja! X'taqbad tgħid għid?

Minflok nikkonsla bl-istqarrija ta' Monsijur Charles Vella li stqarr li qal li d-divorzju mhux ser ikisser familji Kristjani! Eżattament dak li nemmen jiena.

U ser nieqaf hawn. Kif għidna, gazzetta mburġata sa ruħ ommha u naħseb anki nannitha. Ngħlaq billi nistqarr kemm hu ironiku dak l-album ta' Joseph Calleja (fuq paġna 9) ppubblikat mid-Decca meta niftakar f'dawk l-imberkin tal-Young Enterprise! Tgħid l-album ta' Calleja diġà sar vażun?

Il-lejl it-tajjeb.