Monday 25 March 2013

Bloggers (mhux) alternattivi

Fost riċerka u xogħol akkademiċi u xi biċċa xogħol b'risq il-ħobżna ta' kuljum, mawra qasira fuq facebook ma tħallinix bi kwieti. Innutajt kif Carmel Cacopardo fl-aħħar jiem ikkritika b'mod kostruttiv il-ħatra ta' Franco Debono sabiex jieħu ħsieb il-konvenzjoni Kostituzzjonali. Saħansitra ftit minuti ilu ngħaqad miegħu James Debono tal-MaltaToday li filwaqt li għaraf il-merti ta' Franco Debono, saħaq, l-istess bħal Cacopardo, u l-Partit Nazzjonalista, li Debono huwa persunaġġ 'divisiv'. Tali raġunamenti jħalluni lampa stampa u b'geddumi mdendel fuq il-mejda!


Ma naffordjax nikteb fit-tul illum għax diġà erbgħa u għoxrin siegħa ma jservunix, aħseb u ara! Se ngħamel biss osservazzjoni ċkejkna madwar il-blog ta' Cacopardo u dak ta' James Debono. Bħal li kieku taqbad karozza u taqlibha rasha l-isfel u targumenta li l-karozza ma tistax timxi, l-istess l-argument tagħhom, f'għajnejja.

Ta' min niftakru li Franco Debono safa ntitolat "irrelevanti" mill-kap tal-PN u ġie miċħud kull ċans li jerġa jkun kandidat f'isem il-partit li fih kien jimmilita. Issa mill-argument ta' dawn ħadt l-impressjoni li minħabba li fil-PN hemm min ser jibqa' ostinat kontra kull ħaġa li toħroġ minn fomm Franco, kien ikun aħjar kieku l-Gvern għażel lil xi ħadd ieħor għal dan l-inkarigu.

Jekk, fi kliem James Debono stess, Franco huwa persuna ferm eliġibbli għal dan l-inkarigu għalfejn, huwa stess u Cacopardo jgħażlu li jċedu l-armi għall-ostinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista? Jaqaw jippreferu li f'pajjiż demokratiku u Ewropew, ngħatu każ dawn it-tattiċi ta' biżà u ma ninnominawx lill-aktar persuna xierqa għal kariga? Minflok, għalfejn ma jeħduhiex qatta bla ħabel kontra l-injoranza patetika li qed tirrenja f'Partit, jew aħjar, xi klikka minnu li ntenzjonalment tgħażel li tibqa' ostili quddiem l-enerġija u l-motivazzjoni ta' Franco!

Ma ngħamlux mod li jekk il-PN ma jibdiex jivvota favur l-emendi tajbin issuġġeriti minn Franco, ikun it-tort ta' Franco stess jew tal-Gvern li nnominah, hux hekk?


Saturday 23 March 2013

Baqgħu reqdin

Sa mit-tieni nofs tas-sena 2011, inti li qed taqra dan l-artiklu probabbilment kont wieħed minn dawk li kkritikajt qatta bla ħabel lill-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono meta dan, b'responsabbiltà kbira ħareġ jikkritika fil-pubbliku dak li skont hu kien sejjer żmerċ taħt it-tinda l-blu. Illum, kif taf, Debono m'għadux membru fil-Parlament. Illum il-Partit li fih kien jimmilita Debono m'għadux fil-Gvern wara telfa elettorali ta' dimensjonijiet li jaf biss Rocco Siffredi.


Il-Ġimgħa, 22 ta' Marzu 2013; it-8:30 u Malta Today ippubblikat storja fejn l-eks Deputat Jean-Pierre Farrugia, b'mod tant assertiv, ħareġ jagħmel stqarrijiet simili għal dawk ta' Debono. Dan wara li anki d-Deputat Robert Arrigo għamel l-istess ftit ġranet wara l-elezzjoni. Farrugia jisħaq li ma jistax jassoċja ruħu mal-modus operandi tas-sistema preżenti tal-Partit.

– Ġieli smajt l-alarm iwerżaq filgħodu, bqajt titgħażżen, u x'ħin ġejt f'tiegħek irrealiżżajt li tlift dak l-avveniment li tant xtaqt tattendi għalih? Lili ġratli u għadha tiġrili spiss. F'tali mumenti tħossok personifikazzjoni glorifikata tal-inutilità. Kif jgħid il-Malti "min jorqod ma jaqbadx ħut". L-istess nistħajjel lil dawn il-kandidati li bħalissa qed joħorġu jferfru rixhom kontra l-Partit. –

Imma, ngħid jien, intom taħsbuna boloh? Fejn kontu xahar ilu? Iċapċpu taħt it-tinda jew fuq xi palk ma kull "...għal ġol-ħaaaajt!"? B'irresponsabilità kbira, mhux talli ma urejtux sapport lill-kollega tagħkom Debono meta dan, waħdu u fil-ħin opportun għall-poplu, ħareġ jistqarr il-verità, iżda saħansitra pparteċipajtu f'omertà sabiex dan l-istess grupp politiku li llum qed tikkritikaw, jibqa' fil-Gvern. Quddiem dan kollu l-poplu Malti wera li ma kienx rieqed; għażel triq ġdida u llum il-Partit tagħkom qed ifittex riġenerazzjoni mportanti. U hawn fejn bħal qisu waqa' it-trab minn għajnejnkom!

Issa meta "kulħadd huwa bravu", tajjeb infarfru miżien u naraw min tassew aġixxa fl-interess tal-poplu u min, minn naħa l-oħra, ħaseb biss li ma jħaqqaqhiex mal-Partit. Ħafna nterpretaw il-mod dirett u assertiv ta' Debono bħala reazzjoni goffa għal nuqqas ta' gwadann personali li rċieva. Quddiem l-istqarrijiet friski ta' Arrigo u Farrugia, dawn l-interpretazzjonijiet ġew ridimensjonati jekk mhux imgiddba. Illum ħareġ ċar min kienu dawk li sikktu, irrispettivament mill-bżonn tal-poplu li jkun jaf il-verità.


Fl-aħħar snin, ftit kienu dawk fost il-poplu li għarfu t-tempiżmu u d-dożaġġ fl-interventi ta' Debono, iżda llum ħafna qed jirrealiżżaw kemm kien aħjar 'titpastaż' għal ġid tal-poplu milli tiskot għall-ġid ta' Partit, jew, kif penġewh, it-tîm tal-futbol. Hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, bdew ifaqqsu ħafna Tumasijiet li rrealiżżaw il-validità ta' Debono meta raw b'għajnejhom x'qal il-poplu u x'qed jgħidu varji deputati u ex-deputati.

Lil dawn id-Deputati ma nistax nifhimhom. Baqgħu reqdin u filwaqt li l-Partit tagħhom laqqam lil Franco "irrelevanti" għall-Partit, huma nstemgħu jonħru. Baqgħu reqdin; injoraw lil min stqarr minn qabel, dak li issa, anki huma qed jammettu li kien fatt. U allura illum kif ser jiġu ġġudikati dawn il-predikaturi li stenbħu tard? - "irrelevanti" għall-Pajjiż?

Sunday 3 March 2013

Rekord ta' Aljenazzjoni

Hawn min ser jivvota lil Partit Nazzjonalista għax fis-snin li għaddew il-Partit rebbħu borża ta' studju, irranġalu għal spazju ta' parkeġġ quddiem id-dar, għax xi ħabib ta' Ministru rranġalu biex isib xogħol jew għax jaħdem ma' struttura tradizzjonalment fidila lejn il-Partit. Iva hawn hu mifni bl-aljenazzjoni tant li lanqas jirrealiżża li x-xogħol jew l-istudju huwa dritt fundamentali u mhux pjaċir li xi ħadd jgħoġbu jirregalalek. Rekord!

Iva, hawn min jivvota lil Partit u mhux ieħor, għax sieħbu kandidat magħhom jew għax ma jiftakarx meta kien l-aħħar darba li ħa buzz daqs l-aħħar meeting li attenda. Hawn Laburisti u Nazzjonalisti li lanqas biss jafu għalfejn ser jivvutaw kif ser jivvutaw.

Xi ħadd talabni "nammetti" li jien Laburist għax nikkritika lill-Partit Nazzjonalista. Oħrajn, kemmxejn mifxula, jitolbu lil nies liberi, sabiex jiddeċiedu ma min "iżommu" għax innotaw li dawn jikkritikaw liż-żewġ imperi. Jeżistu Maltin tassew aljenati!

Bħal meta tiekol tlett platti mburġati minn xi lokal fl-Imġarr u tibda tistħajjel li minn xi toqba jew oħra ta' ġismek, xi ħaġa ser toħroġ f'ħin jew ieħor; l-istess Malta. Mifluġha b'aljenazzjoni li tħallik tittama fil-jum meta l-pajjiż, b'mod naturali, jkollu jpoġġi fuq loki biex inaddaf imsarnu. Dan dejjem jekk ma jilħaqx jirreġetta kollox fuq ħwejjġu, fi triqtu lejn il-loki.

L-aljenazzjoni rawwmitna f'verità mfassla apposta għalina. Verità mfassla sabiex tfassal lilna f'pellegrini fidili u konformi tal-istabbiliment. F'appostli għomja, jew kif jgħid Marju Vella, imtarrxa, ta' verità kosmetika li tipprogrammana skond pjan 'għoli'. F'nies li nippretendu li persuna trid bilfors tkun Laburista jew Nazzjonalista daqs kemm hi maskili jew femminili. Fejn jekk int Nazzjonalist temmen dak kollu li joħroġ minn fomm il-predikaturi blu u viċi versa, mingħajr ma tirrikorri għal fakultà intellettwali tiegħek. Fi kliem patri Mark Montebello:
"Ordni stabbilit ta’ madwarna; ordni li ħafna drabi jippreżenta ruħu bħala ‘normali’ jew ‘aċċettabbli’. Meta wieħed jgħarrex ftit aktar fil-fond, però, jintebaħ li hu ordni li jimponi ċerti regoli ta’ ħsieb u aġir. Dawn ir-regoli mhux dejjem jirrispettaw għal kollox il-persuni jew aħjar l-individwalità partikulari tagħhom."
U hawn fejn jidħol ħelu ħelu kumment li darba rċevejt mingħand uffiċċjal tal-Gvern li kien qalli (mhux nikkwota eżattament minħabba li mhux insib il-korrispondenza): "Ma tistax tippretendi li ssib xogħol mal-Gvern jekk tikkritika lill-Gvern pubblikament!". Grazzi għal dak il-kumment iddeċidejt li b'libertà responsabbli, nitkellem favur dak li nqis tajjeb u nikkritika dak li nixtieq nara jitjieb. Li nixxennaq u nokrob għall-mewt kiefra tal-mentalità dualista li ħakkmet lill-pajjiżi. Li nkompli nirsisti favur strutturi li, minflok jitwerwru, jilħqu l-orgażmu meta jsibu kritika. Il-kritika; l-uniku mezz ta' żvilupp kemm -il darba jkun hemm widnejn tajbin sabiex jisimgħu, jixtarru u jinterpretaw.

Fadal biss ftit ġranet għal verdett politiku tal-2013 u grazzi għal ħanin Alla, inħaddan kburi l-fakultà li nuża moħħi. Le, ma nħossx li l-Partit Nazzjonalista ħallieli argumenti fuq xiex nikkunisdra li nivvutalu speċjalment meta jibqa' jikkategorizzani bħala blu  jew aħmar. Biss id-dilemma bejn l-idea li jkollna t-tielet partit u l-idea li nappoġġja Partit Laburista li qiegħed jistinka serjament sabiex jinbidel, għadha preżenti.


Għal kuntrarju tal-Prim Ministru, qrajt il-programm elettorali tal-PL u anki taż-żewġ Partiti l-oħra. Nistqarr li għandi ammirazzjoni kbira għad-dettall maħsub li hemm fil-programm tal-PL speċjalment fuq l-aspetti dwar l-Arti u l-Kultura. Hemm bżonn kbir għal din il-bidla fl-oqsma msemmija. Huma oqsma li appuntu għandhom jkunu fundamentali għal trawwim artistiku li jgħinna nwelldu mistoqsijiet li jgħinuna nikbru kulturalment.

Fuq dan l-ispunt, nistqarr id-diżappunt tiegħi dwar l-artisti Maltin, speċjalment dawk stabbiliti, li ftit jew xejn jissugraw iċappsu wiċċhom mal-politika. Dan meta l-politika hija l-bażi tal-ħajja tal-bniedem. Ma niflaħx nisma u nara pseudo artisti Maltin li jibqgħu jinjoraw il-ħajja politika ta' pajjiżhom, pseudo artisti li jevitaw li jikkummentaw fuq livell politiku li ma jmurx 'jiċċapsu' jew jitilfu xi preferenza għal xi fondi finanzjarji imma jgħoxew jippuppaw sidirhom f'xi ftuħ ta' esibizzjoni jew f'xi kitba frivola. Huma tassew ftit dawk li ħarġu għonqhom f'kuntest politiku u lil dawn, insellmilhom b'ammirazzjoni. Fuq vena simili, ta' min insemmi anki l-kumment li ħalla Mario Vella fuq Facebook ftit tal-jiem ilu u nsostni l-punt tiegħu minn hawn:
Il-kodardja politika tax-xena artistika lokali: Attakk personali sfrenat ta DCG fuq KZT....u bhas-soltu kulhadd sieket. Ghax jekk tparla jittimbrawk. Ghax jekk tparla taqa' ghal livell baxx tal-antagonist tieghek. Id-dekor personali taghkom ma jiswiex centenzmu. Mank kollega pittur sabiex jirribatiha? Mank esponent tal-muziak klassika (li ghalija KZT indubbjament jirsisti hafna) ma jiftah halqu pubblikament fuq vilifikazzjonijiet simili?
Hemm bżonn li l-artist Malti iqum isemma opinjoni, bajda jew sewda, taqta' kemm taqta'... inutli l-passività f'ambjent fejn is-soċjetà għandha bżonn ħsibijiet li jeċitawha u jqanqluha fil-profond. Mhux li kien nintebħu, illum qabel għada bil-bżonn li nwaqqgħu l-ħitan li jżommuna milli nkunu aħna. Ejjew nibnu kultura ġdida ta' parteċipazzjoni soċjali u mhux individwaliżmu li jifred. Ejjew nindunaw li aħna li ngħixu fl-arti u bl-arti rridu nkunu fuq quddiem li nitkellmu dwar dak li hu. Hu kif inħossu li hu. Ma jistħoqilniex nilbsu l-kpiepel tal-arti jekk ngħażlu l-irdoss tal-aljenazzjoni aħna wkoll. Hemm bżonn rekord ġdid.