Monday 31 December 2018

Is-sena 2018

Is-sena tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall. Tas-37. Is-sena tal-festa mnejjka u l-mewt taz-ziju. Is-sena ta' Higuain, tal-vjaġġi f'Għawdex. Is-sena tal-Kobba. Is-sena tal-mewġ fil-Port il-Kbir. Is-sena ta' Giorgio Poi u Andrea Laszlo de Simoni.
Is-sena fejn ħassjetni l-inqas mifhum. Is-sena fejn ħassejtni l-iktar fraġli u l-aktar b'saħħti. Is-sena meta ħbieb gidbu fuqi u ġew emmnuti. Is-sena tal-24 kampjonat. Is-sena tal-mewt ta' Godwin Scerri u l-vojt li ma stennejtx li se nħoss wara. Is-sena tal-qalb kbira ta' Charles Agius u l-pożittività li kattar fija. Is-sena tal-messaġġi sbieħ u profondi li biddluli ħajti bħal dak ta' ex-kollega li fakritni li min iħobbok ma jidfinx il-poeżiji tiegħek f'kexxun. Is-sena tal-gideb u l-infern. Is-sena ta' Mario, Giselle, Alfred, Chalie u Romina. Is-sena ta' Charles Bennett u s-sbuħija ta' qalbu. Is-sena ta' Clint u l-allegrija li jġib miegħu. Is-sena ta' Katie u l-imħabba ġenwina li offrietli. Is-sena tat-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Italja. Is-sena ta' Belti bħala Kapitali Ewropea għall-Kultura fuq sfond tal-imwiet inkredibbilment numerużi li ħasdu lill-familji Beltin. Is-sena tal-ħolma tal-Beltin; il-Festa l-Kbira. Is-sena ta' Altofest f'Malta. Is-sena tal-karba tal-Beltin f'"Il-Ħasla". Is-sena ta' Victor u ta' Ġorġ il-kennies. Is-sena ta' Cynthia, GAME, tad-Danimarka, tal-Latvia, tal-Estonja u tal-Isvezja. Is-sena ta' Bernard u l-istand up tiegħu. Is-sena ta' nies kbar bħal Davide. Is-sena fejn tlift u ċedejt kemm-il darba biex forsi xi darba nirbaħ. Is-sena li fiha tlift parzjalment lil ommi. Is-sena li fiha pruvajt nibki imma d-dmugħ weħel; imma sal-bieraħ. Is-sena li fiha ċedejt u fgajt lis-suppervja biex ngħażel il-paċi. Is-sena li fiha ddedikajt ħinijiet twal għal ħaddieħor iżda wkoll ħin għalija. Is-sena li fiha skoprejt aktar lili nnifsi, il-limiti tiegħi, l-ħolm li jmexxini u għext xewqat mill-aktar umani tiegħi. Is-sena tas-Sirjani. Is-sena fejn esperjenzajt imħabba li qatt ma tmut. Is-sena li qalbi bkiet, ħafna, u daħket iktar. Is-sena ta' Wistin, Joyce, Agnes, Ċetta, Antonio, Filippa, Evelyn, Magdalene u l-bqija. Is-sena tal-ħolm u tal-ideat. Is-sena ta' lejl maġiku u l-ġenna. Is-sena ta' Salvini. Is-sena ta' xagħri mgerfxa. Is-sena tal-ħbieb speċjali. Is-sena ta' nies inutli. Is-sena ta' bejn is-swar. Il-lejl tax-xewqa li int tibqa'.

Tuesday 25 December 2018

Wegħda għal Milied tajjeb

Mario, Giselle, Anġlu, Romina... nista' ngħid li l-Milied ħa tifsira friska permezz ta' dawn in-nies u l-esperjenza li qed ngħixu flimkien fl-aħħar xhur. Nies ta' qalb kbira u li ma jistennewx illum biex jifhmu x'inhu l-Milied. Nies li bis-sempliċità tagħhom u fit-tbatija li qed jgħixu, jafu xorta jxammru l-kmiem u jġibu tbissima fuq fomm min verament għandu bżonn.

Ħajti nbidlet immens fl-aħħar xhur. Nista' ngħid li mhux dejjem fhimt xi jkun għaddej minni biss dejjem kont ottimist li l-bidla ġġib Milied ġdid. Il-ħajja qisha stazzjon tal-ferrovija. Inti tirkeb vapur tal-art bit-tama ta' vjaġġ sbejjaħ u destinazzjoni li ssaħħan lil qalbek imma kultant issib ruħek, bil-biljett f'idek titgerbeb fuq art kiesħa, mormi minn fuq staffa kemmxejn għolja.

Wegħda għal Milied tajjeb; dak li għadda, dan u anki li ġej - kliem fieragħ mimli illużjoni li titgerrem u titfarfar quddiem il-lingwaġġ dirett tal-ħajja. Il-kliem ma jiswa xejn quddiem ħajja li hija iebsa u diretta; ħajja li taf tkissrek u tixkupak jekk ma tkunx lest tqum, timxi magħha u kif jgħid Morgan, tħalliha tieħdok x'imkejjen oħra. Il-kliem ma' jiswa' xejn quddiem il-mewt ta' Rose li sellimtilha ftit ġranet ilu u li l-għada sirt naf li ġiet il-mewt inkiss inkiss u ħaditha x'imkien ieħor. Aktar kmieni, Mario Vella irrifletta fuq argument simili ukoll u qbadt nhewden:
"Id-dwal lelliexa, l-ikel bnin, l-irdoss ta darek, l-affezzjoni ta genituri, qraba u hbieb, ir-rigali maghzula b'reqqa u attenzjoni ghad dettal, il-biljett ghal pudina tal-milied, id-diskorsi solidari ta joseph, adrian u mary louise, il-muzika, il-programm shih kalcistiku li hemm imhejji fir-renju unit ghal boxing day, trading places, gremlins, imbuljuta........ghiduli inthom kif jista jkun ma tahsibx dwar il-mewt imminenti tieghek f'dawn il-jiem."
In-nies għamlulu ħafna likes kieku. Imma minjaf x'qed jifhmu jew ma jifhmux? Tgħid kapaċi jifhmu d-dmugħ ta' min hu mnikket jara lill-għeżież tiegħu jitbegħdu minnu - bla ma jista' jintervjeni? Tgħid jifhmu lil dak in-nurse li llum daħal xogħol bħas-soltu għassa ma' pazjenta mifluġa u sibtu jibki lil oħtu u bintha li ħallew din il-ħajja tant kmieni? Tgħid jifmhu lil min bit-trawmi tiegħu stess xorta waħda qed iħalli kollox biex iservi mħabbtu lejn persuna mportanti? Tgħid jifhmu lil min imbikkem jissielet ma' mewt li tqarreb issejjaħlu? Tgħid jifhmu xi tfisser li ċċedi kollox biex tara lil xi ħadd kuntent? Tgħid jifhmu? Jew forsi jiftħu ħalqom, jaqbdu pinna u jagħmlu like?

Kemm hi sabiħa t-tgħanniqa li tajtni fil-parkeġġ qalbi! Imżewqa b'silenzju li jifhimni, jew li jipprova. Silenzju li huwa Milied għal imħabba li kuljum lesta tmur x'imkien ieħor.