Wednesday 12 September 2018

Ġewwa jew barra?

Fis-26 ta' Awwissu li għadda r-residenti tal-Belt Valletta ingħaqdu flimkien sabiex jirrakkuntaw il-ħajja kontemporanja tagħhom lill-bqija tal-poplu. Il-konkorrenza kienet il-ġmiel tagħha għalkemm qajla sar reklamar. Saħansitra għadd ġmielu ta' posters inqalgħu matul il-lejl ta' qabel mit-toroq tal-Belt Valletta. L-udjenza ġiet minn madwar il-Belt Valletta kollha iżda wkoll minn bliet u rħula oħrajn fosthom Brussell! Il-Barrakka ta' Fuq kienet ippakkjata bin-nies kurjuża sabiex jaraw fiex kienet tikkonsisti l-Ħasla!

Kienet sa mill-bidu nett ix-xewqa tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jsir proġett li jinvolvi lill-komunità Beltija. Proġett kbir li jwassal lill-Beltin sabiex jitħaddtu dwar ir-riġenerazzjoni ekonomika, kulturali u soċjali tal-art tant għażiża għalihom. Ġewwa Barra, kellu jkun pjattaforma unika għall-Beltin.

Għalissa ser inħalli f'ġenb l-element artistiku tal-proġett. Ġewwa Barra, hekk kien tlaqqam il-proġett,  kien l-ewwel u qabel kollox vjaġġ speċjali għall-komunità. Dan għaliex filwaqt li ħafna proġetti jafu jirriżultaw fi vjaġġ simili, dan kien il-vjaġġ ta' dawk li għall-dawn l-aħħar snin seffqu wiċċhom direttament mat-tajjeb u l-ħażin li t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġab miegħu għal Belt Valletta bħalma jiġri f'kull belt oħra mbierka jew misħuta b'dan ix-xettru.

Għal dan il-proġett kien hemm bżonn xi ħadd li kapaċi jifhem il-passjoni u ruħ tal-komunità Beltija. Xi ħadd li kapaċi jrażżan dak li jaħseb hu, u minflok, jagħti widen u jinterpreta b'talent, dak kollu li xtaqu jirrakkuntaw ir-residenti Beltin. Hekk ġara permezz ta' Victor Jacono. Tul il-workshops li sawru l-ewwel parti tal-proġett tfaċċaw numru ta' Beltin. Uħud ġew u telqu 'l barra. Oħrajn ġew, baqgħu u llum qed jiddiskutu kif ser jibqgħu ġewwa. Victor żera', kkultiva u ħasad ħafna frott li mhux kulħadd għaraf japrezza.


Kelli x-xorti ngħix dan il-proġett mit-twelid sat-tmiem u kelli xorti akbar ngħixu minn perspettivi differenti. Il-ħajja tal-komunità hija l-kultura; il-mod kif ngħixu flimkien u kif dawn il-modi jagħtuna identità distinta minn oħrajn. Il-kultura mhix arti u viċe versa. U għalkemm it-tnejn spiss jitwaħħdu, id-distinzjoni hija inekwivokabbli. Huwa hawn fejn l-arti teatrali f'"Il-Ħasla" ma kienet xejn ħlief vetrina tal-kultura. Hawn fejn l-arti teatrali saret eżerċizzju ta' trawwim ta' kunfidenza sabiex ir-residenti Beltin: tfal, żgħażagħ u xjuħ, jesprimu d-drawwiet u l-fehmiet sinċiera tagħhom - bla ma dawn ikunu mittiefsa.

Huwa għalhekk fejn l-iskript ta' "il-Ħasla" huwa ġojjell kulturali u li fil-kuntest storiku u kontemporanju ta' pajjiżna u Beltna jagħmel sens kbir. "Il-Ħasla" hija rakkont ta' Beltin li qed ikunu sfurzati jabbandunaw beltom għal spazji iktar sinjuri u komdi. Rakkont ta' Beltin anzjani li ta' kuljum jippruvaw iwasslu valuri lil uliedhom. Rakkont ta' tfal Beltin li għadhom jgħixu flimkien f'komunità tat-triq. Rakkont ta' żgħażagħ li joħolmu dar, xogħol u familja fl-istess Belt. Rakkont ta' Beltin li qed jibżgħu li ser jintilef il-pjaċir tal-Festa, taċ-ċelebrazzjonijiet tal-futbol u tal-imħażen u ż-żfin tal-karnival. "Il-Ħasla" hija wkoll rakkont ta' Beltin li jħossu li l-progress huwa aħjar minn nostalġija tal-passat. Residenti li jħossu li trid iċċedi xi ħaġa biex ma tkunx minsi.

"Il-Ħasla" kienet tassew rakkont sinċier. Iżewwaq dan kollu kien il-mod sempliċi iżda ġenjali li bih inkiteb ir-rakkont. Filwaqt li uża stejjer u ġografiji vera biex madwarhom jibni xenarju, Jacono welled il-metafora tal-ħasla li permezz tagħha t-tfal kienu jikkomunikaw messaġġi minn bejt għal ieħor, b'xebħ mal-mod kif jikkomunikaw il-bastimenti li kien iħobb isegwi n-Nannu Ninu fil-Port il-Kbir. Din il-metafora kienet il-bażi għall-narrativa kontemporanja. Apparti minn din, wieħed seta' japprezza l-użu adekwat u ntelliġenti tal-metafora, ir-riċerka fir-rakkont, il-battuti ħelwin kif ukoll il-libertà li sa ċertu punt kull karattru kellu sabiex ikun huwa nnifsu.
"Il-Ħasla" provdiet spazju fejn ir-residenti Beltin skoprew talenti moħbija. Kienet opportunità fejn huma taw ħasla lil min jaħseb li jaf ħafna u aktar minnhom. Lis-sinjurun li jinvesti bla ma jikkunsidrahom. Taw ħasla lil min riedhom ikunu protagonisti ta' din is-sena, iżda bħall-granċ, gidimhom, u ma sabx ħin għalihom. Taw ħasla lilhom infushom li kultant ma jafux jirrispettaw lil beltom u nesew kif jingħaqdu biex jiġġieldu għal dak li jridu u jwettqu dak li joħolmu.




"Il-Ħasla" fuq kollox tat ċans sabiex għall-aħħar darba isemma leħnu l-għażiż u mibki Godwin Scerri sabiex juri kif verament ikun Belti: bniedem mimli passjoni, mħabba lejn dak li jgħamlu hu u mħabba bla tarf għall-familja, niesu u l-komunità u l-kultura ġenwina tiegħu. Godwin kien appuntu bniedem li karab iżda ma nstemax, iżda baqa' jittama li f'għajnejn it-tfal li rawwem, tibqa' tgħix il-kultura ta' kull Belti... dik li ngħixu flimkien bħal aħwa u niċċelebraw ma' kull ċans li jkollna s-sabiħ ta' din il-ħajja qasira li għandna. L-identità unika tagħna.

Kif qalli xi ħadd akkademiku fl-aħħar tas-serata, jidher li dan il-vjaġġ tal-Beltin spiċċa jitqies bħala wieħed mill-aqwa proġetti li f'din is-sena tassew mess mar-ruħ ta' dawk li verament huma kapital ta' din il-belt; missirijiet, maħbubin u ulied il-kultura. Int ġewwa jew barra?

Monday 10 September 2018

Il-bejgħ tal-gideb

Kultant il-bniedem jasal iħalli lilu nnifsu jiġi kkundizzjonat minn biżgħat, minn inċertezza u minn nuqqas ta' informazzjoni. Agħar minn hekk, jikkondizzjona ruħu minn stejjer irrakkuntati minn ħaddieħor; stejjer fittizji, gideb, tiżjin żejjed, dettalji miżjuda bi skop wieħed, dak li t-terza persuna tilħaq l-iskop tagħha.

Hija weġgħa kbira ta' qalb nilmah nies li jemmnu kollox u jgħixu ħajjithom ibbażata fuq fantasiji perversi ta' nies oħrajn li ma jkunu qed jgħamlu l-ebda ġid ħlief lill-ego tagħhom.

Hija sensazzjoni ta' dwejjaq profond nara li jeżistu nies li kapaċi jivvintaw xenarji fittizji u jbiegħuhom bħala verità. Agħar ir-realtà li dan il-prodott isib min jixtrieh, jikkunsmah u jagħmlu tiegħu. Iktar agħar il-fatt li ħafna drabi, fil-mira tal-kreattività ikun l-istess xerrej! Ehhhh!

Imma iva, xi ħadd qalli li d-Dinja mhix kollha tjubija u allura rrid nikber u naċċetta li hawn min isib serħan fil-bejgħ ta' gideb, il-biżà mill-verità u d-distanza mill-konverżazzjoni.

Emmen fik u tikkunsmax dak kollu. Tkellem u fuq kollox, isma'.