Thursday 9 February 2017

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta' ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ - skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa' jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta' erba' fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali...
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta' Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu "alla".

U b'dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F'mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F'mument jiċċelebraw kampanji ta' twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F'mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F'mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta' familtu. F'ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta' ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b'din l-idea li f'tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond... dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss... immaġina... daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta' Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl - bħalma xxebbagħni pizza ta' Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f'nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta' Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta' Checco lura f'Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!