Sunday 16 November 2014

L-infinit

Huwa f'ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista' ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma' rwieħna f'għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta' kliem u l-kumbinazzjonijiet ta' bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta' triq siekta. X'ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t'ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b'ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih... ħlief int. Int taqbeż f'dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.