Monday 9 April 2018

"Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek."

"Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek. Kont ilek teqred għaliha din!"

Hekk qabbiżni mid-dar ilbieraħt lura missieri Ċensu meta għall-ħabta tal-16:45 sellimtlu biex immur lejn Pjazza San Ġorġ sabiex flimkien ma' sħabi, nikkordinaw l-aħħar tentufiet dwar il-Festa l-Kbira. Kienet tislima li ferrħitni għax apprezzajt li fis-silenzju tiegħu missieri kien wieħed mill-ftit li urewni li jafu x'fissret għalija l-ħidma b'risq dan l-avveniment u dik il-ġurnata. Kienet ukoll tislima li ħasditni għax erġajt ftakart li minħabba sitwazzjonijiet personali ma kienx ser ikun jista' jgawdi, ta' Belti li hu, dak li tul is-snin rawwem f'ibnu.

IL-FESTA L-KBIRA - Ritratt mill-isbaħ ta' sieħbi Joseph Galea
Sa minn San Stiefnu, Missieri kien iżarma l-ornamenti tal-Milied u jibda jipprepara sabiex jarma lil San Pawl fid-dar. Sa mis-26 ta' Diċembru, il-marċi ta' La Valette kienu jkunu akkumpanjament kontinwu speċjalment nhar ta' Sibt u Ħadd meta ma kienx ikun xogħol. Kuljum praċett, il-casettes sofor jew ħomor li ġemma sa mill-1984 kienu jkunu hemm, lesti għal taħt idejh. Il-vuċi ta' Charles Coleiro kienet issaħħarni bħal qisha tistiednek idduq kull silta mużikali daqs li kieku kienet tazza nbid, sal-aħħar qatra. Il-Marċi ta' La Valette kienu jakkumpanjawna b'mod impekkabli sal-10 ta' Frar. L-għada, il-Funebri tal-istess banda kienu jagħmlu l-istess sal-Ġimgħa l-Kbira. Sadattant Elvis, Cash, il-Beatles, Celentano, il-Creedance Clearwater Revival, il-Fleetwood Mac u s-selezzjonijiet ta' Mario Laus kienu jibqgħu jittamaw li jqarreb is-sajf!

Is-sajf kien jasal u hekk kif joqrob Awwissu, missieri dejjem kien iżerżaq il-casettes, din id-darba blu tal-Banda King's Own jew l-LP bil-wiċċ stampat kbir tal-Maġġur Anthony Aquilina. Niftakru jispjegali li għalkemm aħna Pawlini, dawn il-marċi tal-Festa ta' San Duminku huma biċċiet mill-isbaħ u erħilu jirrakkontali dak kollu li kien jaf dwarhom. U kif setà ma jżerżaqlix l-Agrigento, Forza Ċensina jew Balfrendozan!

Iva nista' ngħid li fija Missieri, ta' Belti kburi mill-Arċipieku li hu, qatt ma rawwem firda iżda prinċipji. Prinċipji Pawlini ta' rispett komplut. Rispett u apprezzament lejn dak li huwa tagħna u jagħtina identità iżda anki lejn min mhux tal-istess parroċċa, festa jew każin. Missieri, anki qalb xi tikka nkejja, dejjem spjegali kif kulħadd jiżbalja u li fuq kollox aħna Beltin u familja.

Is-snin gerrbu. Illum jien membru kburi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u sa mill-2013, impjegat u aktar tard uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-ewwel snin ta' din l-esperjenza kont naħbat ma nies li kienu jhewdnu bħali: "issa kieku xi darba noħorġu l-erba' qaddisin flimkien, mhux sabiħa tkun Pawl?". Jgħidielek wieħed, tnejn, tlieta; kont iddeċidejt li nimbotta din l-idea. Għall-bidu kollox kien għat-telgħa u l-idea ma sabitx art fejn tinbet iżda hekk kif tfaċċat id-Direttriċi Catherine Tabone, kollox inbidel. Is-Sinjorina Tabone mill-ewwel offrietli li tkun spalla sabiex l-idea sseħħ u kelli ndikazzjoni li hekk kif tispiċċa l-ħidma relatata mal-ftuħ tas-sena 2018, nitfgħu rasna hemm sabiex nibnu qafas. U hekk ġara. Niftakar li waqt laqgħa marbuta mal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet Beltin ġewwa Fortress Builders kien is-Sur Edward Bonello li ħeġġiġna nagħtu prijorità lil din ix-xewqa tal-Beltin u hemmhekk anki c-chairman Jason Micallef kien wiegħed li t-talba mhux ser taqa' fuq widnejn torox.

Parti mit-tim. 4 Ġirbin u 3 Beltin.
Kelli l-inkarigu li nkun vuċi għal din il-ħolma tal-Beltin u kont koordinatur tal-proġett. Biss kont fortunat li sibt miegħi Maniġer tal-produzzjoni u ħabib mill-aqwa Christopher Cassar - ġirbi kburi li jħobb lin-nies u li jaf jaqbad il-ħolm u jwettaqhom fil-prattika. Flimkien, fassalna pjan ta' ħidma b'sensiela ta' ideat li umbagħad flimkien mal-kollega u ħabib Albert Dimech, ressaqna quddiem rappreżentanti tal-Għaqdiet Beltin li jorganiżżaw il-Festi kif ukoll dawk tal-Baned. Kif qal Luqa meta San Pawl wasal Malta, l-istess aħna dwar l-Għaqdiet. Sibna kollaborazzjoni liema bħalha. Kellna numru ta' laqgħat li fihom ir-rispett li ntwera għamilni aktar kburi b'dan il-poplu u b'dan il-proġett ħolma.

Hekk kif bdejna nħabbru li ġiet identifikata data, kien hemm bħal sens ta' inkredulità. Tassew mhux faċli timmaġina ħolma sabiħa li tkun ilek toħlom fir-realtà. Fi ftit ġimgħat il-Beltin xegħlu; kulħadd jitkellem dwar il-Festa li ġiet imlaqqma "il-Kbira". Ħdimna flimkien ma' kollegi bħal Marcia Grima, Giuliana Barbaro-Sant u Victor Jacono anki fuq livell anki informali sabiex nibnu fuq l-esperjenza tal-ftuħ tas-sena u nkomplu nħeġġu lill-Beltin jersqu lejn il-Fondazzjoni.

Kienet esperjenza tassew unika. U ta' dan huma xiedha d-dmugħ ta' ħafna Beltin li ġenwinament bkew meta raw l-erba' vari titulari li tant jiddefinixxu l-identità tagħna mexjin ħaġa waħda tul l-arterja prinċipali tad-dar tagħna. Xhieda ta' dan ukoll kienu d-dmugħ tal-għażiż Joe Mizzi 'Kurun' li f'Awwissu li għadda, xahar qabel ħalliena, tgħidx kemm dam ifakkarni li mportanti l-għaqda bejn il-Beltin, hu x'inhu l-pinċipju reliġjuż jew il-kulur politiku. Kien ħolmu huwa wkoll is-7 ta' April 2018.

Titwila lil Pawlu qabel xejn!
Xil-17:00 jiena kont fil-Kolleġġjata ta' San Pawl. Għaddejt sellimt lil Pawlu u tlabtu barka u sapport sabiex il-lejla tkun memorabbli u li tħalli l-ġid. Bħal dejjem, semgħani. Għalkemm għall-ewwel darba wara 37 sena ma rajtux ħiereġ mill-Knisja u għalkemm ma stajtx ingawdi l-Festa l-Kbira mal-bqija tal-Beltin, inħossni tassew ixxurtjat li stinkajt sabiex twettaq mument kruċjali tal-istorja ta' Belti u fuq kollox, niesha.

Ninsab grat lejn kull min ġie qal grazzi. Grat lejn il-ħaddiema l-aktar siekta li kien hemm tul l-attività kollha. Fuq quddiem il-kappillani, arċipriet u pirjol tal-komunitajiet Beltin. Grat lejn it-tim li kellna - lista twila ta' persuni li ħadmu magħna bħala koordinaturi, hosts jew maniġers ta' sezzjonijiet varji. Grat lejn dawk tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, ta' Transport Malta u Malta Public Transport, tal-Ferries u l-barklori u dawk tal-Cleansing Units li fi ftit siegħat naddfu kemm qabel kif ukoll wara l-attivitajiet li kellna. Grat lejn il-Kurja. Grat lejn il-membri tal-Kunsill Lokali li ssapportjawni. Grat lejn il-pubbliku li attenda u mexa mal-istruzzjonijiet b'mod mill-aktar ċivili.




Ritratti ta' sieħbi Sebio Aquilina
Diġà għaddew jumejn. X'fadal minn dan kollu? Naħseb ħareġ biċ-ċar li l-kultura ma hix xi ħaġa li jfasslu jew jiddettaw xi maniġers, diretturi, diretturi artistiċi, artisti jew xi kritiċi tal-arti. Il-kultura hija sensiela ta' prattiċi ta' ħajja, mibnija minn poplu. Prattiċi ordinarji, komuni għall-membri ta' dak il-poplu u li fihom l-istess membri jsibu xi forma ta' valur.

Ritratt ta' sieħbi Carl Farrugia
Il-prattika tal-Festa f'kull belt u raħal f'Malta hija ntrinsika mal-kultura tal-poplu Malti. Prattika ħelwa li tiġbor fiha valuri reliġjużi, artistiċi u edukattivi mwassla minn ġenerazzjoni għall-oħra tul is-snin. Ma kinetx tkun sena kompluta kieku l-Festa ma kinetx fil-qalba tal-programm kulturali li ġie mfassal - u ta' dan illum inħossni kburi.

Il-kultura tal-Beltin hija kultura ta' ferħ, mużika, kulur, disinn u kreattività. Ħareġ ċar li l-Beltin konxji mid-dritt li joħolmu u jwettqu. Ħareġ ċar li kif għallimni missieri, il-Beltin jafu li huma iktar b'saħħithom flimkien milli għal rashom. Fuq kollox ħareġ ċar li fejn hemm il-ħolm u l-koordinazzjoni bejn kull saff tas-soċjetà li ngħixu fiha, dan l-istess ħolm, jasal jitwettaq. Minn dejjem kellu raġun missieri..."

Ejjew nibqgħu noħolmu u nkunu protagonisti flimkien, għeżież Beltin!