Saturday 31 March 2012

Ċar u Skur

Il-flashbacks idejquni.
"Qatt xtaqt terġa tibda ġurnata mill-bidu?
Għid il-verità?"

Iva, kien hemm ġranet li xtaqt nerġa ngħix, mhux biex nibdilhom iżda sabiex, appuntu, nerġa ngħix kelma b'kelma, pass b'pass, ħarsa b'ħarsa, bikja wara bikja.

Kjaroskur, id-dramm tal-grupp teatrali Dù li kelli l-pjaċir nattendi għalih illejla, huwa miżgħud bis-sempliċità ta' ħajja, kultant imżejna bl-apatija, ta' erba' karattri, sfaċċatament opposti jew kumplimentari – saħansitra fil-kulur u stil tal-ħwejjeġ.

Id-dramm tal-mirja. Il-mirja fejn in-nisa rqaq jaraw lilhom infushom ħoxnin, fejn ir-raġel jilmah f'martu lill-falliment emozzjonali ta' snin ilu, fejn il-mara tara refuġju f'art barranija u fil-logħba tas-sess liebes qrun. Mirja li juru opposti f'ġudizzji, f'karattri, f'tattiċi ta' ċrieki soċjali.

Il-flashbacks jgħejjuni.

Linji diġitali u vertikali ta' qtar ix-xita jiltaqgħu ma linji naturali u oriżontali tal-ħasira filwaqt li jitħalltu ma' mumenti umani ta' kuljum, li jafu jevolvu f'traġedji. Saqajn twal, ġenbejn kbar, xagħar folt mgħaqqad u l-udjenza spiss tidħak minn wara l-ħasira.

Nintefa quddiem il-mera. Minjaf? Forsi l-aħħar sena kaxkartha f'ħoġri ġewwa t-teatru ta' San Ġakbu u lmaħt l-opposti: iċ-ċar u s-skur fi traġedji tant familjari taħt sfond mużikali iterter mill-Islanda.

Tfaċċaw xi flashbacks.



Nota: Minn qalbi ngħid prosit lil Simone tal-ħsieb wara dan id-dramm dettaljat dwar sempliċità kwotidjana. Grazzi lill-erbgħa atturi tal-karattri li fasslu, grazzi lil Pierre Portelli tas-sett kurjuż u grazzi lil Dù għall-prodott li preżentaw.

Kjaroskur jerġa jinżamm illejla s-Sibt 31 ta' Marzu u għada l-Ħadd, l-1 t'April fit-8pm ġewwa l-Kavalier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta.

Monday 26 March 2012

Ħolma ta' Tifel

Għadni kif irritornajt mill-lezzjoni tas-Soċjoloġija ġewwa l'Università ta' Malta u llum missejna mal-argumenti ta' Marx dwar Dialectical Materialism.

Ma rridx intawwal, għax illum il-ħin limitat. Qam l-argument dwar il probabiltà kbira li studenti li jaslu sa livell Universitarju ta' studju, ġejjin minn familji ta' klassi medja jew klassi għolja.

Bdejt noqmos. Inħoss li din hija biss impressjoni li nitrawmu fiha u ngħixu biha - aktar milli realtà.

"Sfortunatament hija realtà" qalli l-għalliem.

Dettall minn "i was naive" minn Laura Satoko

Nemmen li kull persuna, hu x'inhu l-kuntest familjari, finanzjarju u soċjali tagħha, għandha jkollha l-opportunitajiet kollha miftuħa. L-ebda stigma ta' klassi, l-ebda mentalità trapassata minn ġenerazzjonijiet, l-ebda struttura reliġjuża jew politika u wisq anqas l-ebda kuntest finanzjarju.

Kull bniedem għandu dritt sħiħ li joħlom, li jaspira u anki jekk is-soċjetà, speċjalment dik tal-Punent taf tkun ostili għall-ħolm individwali f'ġieh id-demokraziji, dan id-dritt jibqa intatt.

L-ebda "baruni", l-ebda kapitalista mill-klassi għolja ma jista jċaħħad lil tifel ta' 8 snin fi skola tal-gvern – b'żarbun miekul mit-trabijiet, li jiskarta xi lezzjoni biex jilgħab il-ballun fix-xita ma' sħabu u li jilgħab b'ballun magħmul mill-karti – milli joħlom, kull ħin u kull mument.