Sunday 27 January 2013

Konverżjoni f'Jum in-Nawfraġju

Kemm rifsu nies fuq dawn il-Gżejjer? Kemm mexxejja terrqu fostna? Kemm? Politiċi, reliġjużi, artisti. Semmihom. F'xi mument ilkoll ġew iduqu ż-żîna ta' din l-Art.

Filwaqt li b'emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f'moħħi ta' dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta' konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta' ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.

Niftakar f'Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa' minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t'għajnejh.

Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b'mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:

Sawlu mibdul quddiem għarfien ta' verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti - bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża' titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f'nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b'nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f'nofs il-Mediterran.

Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta' sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta' karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f'Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f'ħajti,  f'daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta' mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.

Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta' Malta!

Thursday 10 January 2013

L-ewwel anniversarju "Mela jien il-pappagall tiegħek?"

Sal-bidu tas-sena 2012, l-ewwel appuntament li kont nistenna bi ħġari ma' l-avvent ta' sena ġdida kienet tkun il-ġurnata tat-28 ta' Jannar, jum twelidi, biss, bħall-llum sena, dan kollu nbidel. Ili ftit jiem issa nistenna dan il-jum tal-10 ta' Jannar sabiex "niċċelebra" l-ewwel anniversarju tal-edizzjoni memorabbli tal-programm Bondi+ flimkien mal-mistieden, id-Deputat Franco Debono.


Kienet serata li ħafna segwew b'interess, mhux biss għax id-Deputat 'ribelli' kellu ċans ieħor sabiex iwassal ħsibijietu iżda wkoll għax b'mod tassew mhux mistenni l-programm ġie estiż b'numru ta' minuti.

Iżda illum, wara sena, x'fadal minn dik is-serata? Personalment l-iktar fatt importanti, ma hux l-element ta' rebħa argumentattiva li ħafna kienu attribwixxew lid-Deputat fil-konfront tal-preżentatur. Lanqas il-mod kif l-iskeda ta' TVM akkomodat dan il-programm. F'moħħi jibqgħu mpressi żewġ frażijiet, illum ċelebri, li ħarġu bl-aktar mod spontanju imma profond minn fomm Franco Debono. Huma frażijiet li llum nirrikonoxxi kemm jidentifikaw il-personalità tiegħu.

Illum li kelli x-xorti niltaqa' u nitħadded ma' Franco Debono, nilmah fih personalità li ma taċċettax li tkun pappagall ta' xi ideoloġija staġnata, Personalità li b'ħafna ħeġġa u emozzjoni, tinsa lilha nfisha u titbaqbaq favur id-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem f'kull aspett tal-ħajja. Illum napprezza li dak li rajt u smajt fil-kaxxa ta' John Logie Baird fl-10 ta' Jannar 2012 kiber f'realtà, tassew relevanti, bħal għeruq li jfittxu li jrawwmu l-identità; l-identità tal-poplu Malti fi ħsieb liberu.

Minħabba li l-verżjoni sħiħa tal-programm imsemmi, ma tinstabx fuq l-internet, hawn hu r-rapport ta' ONE News dwar l-imsemmi programm.



Ikolli ngħid, mument li b'mod permanenti, ċaqlaq il-pedamenti tal-midja, il-politika u l-ħsieb tal-poplu Malti.