Sunday 31 December 2017

Kalendarji

Illejla l-kalendarju 2017 jintrema.

F'din il-kultura għaġġelija ħafna drabu narmu miegħu ħafna memorji ta' esperjenzi li seħħew tul dawn it-365 jum u naħsbu li għada b'xi maġija, kollox se jkun aħjar, ilellex u melodjuż mingħajr ma nissugraw intajjru xi difer.

Il-poplu għandu stennija kbira għal għada; għall-2018. Imma għada forsi jistenbaħ u jinduna li kollox bħal qabel. Mard qalil ifarrak lil nies li tħobb; pulizija u ħallelin jiġġerrew mas-saqajn; klieb u qtates ifittxu saqaf; rutini morda mposti fuq irjus il-ħaddiem; sigaretti bħal sponoż, jixorbu l-ħajjiet ma' kull nifs; ġebel nieżel minn mas-swar; spazji ta' parkeġġ spiċċut u permessi tal-MEPA mwaħħlin ma' kull kantuniera taħt dell it-torrijiet.

Quddiemi, is-santa tal-mewt ta' ħabibti Sabrina. Nimmaġinaha tipprepara biex illejla tmur tiċċelebra l-ewwel jum tal-2018 imma għal realtajiet li ma nifhimx, il-ħajja ta' Sabrina ntemmet qabel ma armejt dan il-kalendarju 2017. U magħha, nies oħra inħarġilhom permess jiċċaqalqu minn hawn.

L-2017 ngħożżha bħala żmien fejn ħlomt u ġġilidt għal dak li tassew xtaqt u emmint fih. Ngħożżha fuq kollox għall-ħbiberiji li waqt il-maltemp sibthom hemm isalvawni u vjaġġi ma' persuni speċjali. Kemm stennija għall-ewwel jum ta' Jannar. Forsi l-iktar jum umli fosthom wara kollox. Imma tassew. Kemm stennija? Kemm ħoss! Kemm xewqat u ħolm!

F'dan il-ħin, qabel immur nieħu grokk, noħlom li nista' ngħix jum wara jum, f'paċi, f'serħan il-qalb. Noħlom li l-poplu jibda sena ġdida kuljum, kull sekonda. Li kulħadd jemmen li kull jum jasal biex tibda mill-ġdid u mhux biex iġġorr ktajjen antiki. B'dan is-sottofond mużikali ta' Anouar Brahem, noħlom li nista' ninfexx f'poeżija li ma tintemm qatt f'tgħanniqa mal-maħbuba u narmi l-kalendarji kuljum.

Awguri lilkom qarrejja!



















Sunday 29 October 2017

Ċaw teżor! - Tislima lil Sabrina Carabott

L-isbaħ ġuvni tal-univers, jew aħjar, San Lawrenz, dalgħodu qaleb is-siegħa u stenbaħ bik ħdejh Sab! Forsi bħali ma stennikx daqshekk malajr, imma l-ġlieda li ġġilidt, ta' mara kuraġġuża li dejjem kont, kienet iebsa u kiefra.

Ħallejtek ilbieraħt lura bi ftit kliem. Kellek kull intenzjoni li titbissimli għalkemm lanqas dik ma baqgħet xi ħaġa faċli. Sejjaħtli hekk kif dħalt ħdejk u fil-ftit ħin li qattajt ħdejk ħassejtek kalma, f'ċertu paċi - minn dik li kull gwerrier ikollu anki jekk iħoss li t-taqbida ser tirbaħlu.

Meta fl-1998 dħalna nistudjaw fiċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn Emvin Cremona, fil-Belt Valletta kont insib gost fil-mod xejn raffinat kif kont tirrelata. Risposta lesta għal kull inkejja, tbissima u daħka għal kull mument sabiħ u kelmtejn ċari u tondi għal kull kedda. Wara sena kont iddeċidejt li tieqaf għax ma ssaportejtx ir-rutina ddixxiplinata żżejjed tad-disinn. Ridt tesplora u ridt tkun man-nies. Ridt tiġri, tifraħ u tferraħ. Kont mimlija entużjażmu.

L-istess fil-lezzjonijiet tal-arti li konna mmorru filgħaxijiet flimkien fil-Belt. Id-dixxiplina żejda kienet tkiddek. Għax in-natura tiegħek kienet dejjem dwar spontanjetà, kulur, espressjoni u emozzjoni. Niftakrek taqsam miegħi ħsibijiet u kitbiet. Uħud dwar l-arti, oħrajn dwar l-isports, il-familja, il-politika u r-reliġjon. Niftakrek tipprova tikkonvinċini li b'xi mod il-Birgu hija belt isbaħ mill-Belt Valletta jew li ta' San Lawrenz festa isbaħ minn tan-Nawfragu! U ħallina Sab!

Gerrbu s-snin. Il-kaxxa tat-telefon ta' Triq Merkanti ma' bqajtx nużaha u llum lanqas biss għadha hemm. Minjaf x'kienet taħseb Annie ta' Sultana tal-gazzetti, alla jaħfrilha - jekk qatt innutat li wara li nixtri telecard kont niġi nċempillek ftit u ndumu xi siegħa nieħdu ras xulxin!

L-aħħar darba li tkellimna sew f'dik il-kamra l-isptar, tarrafna ħafna memorji lil xulxin u l-ammirazzjoni reċiproka li kellna għal xulxin. Ħbiberija sempliċi u ġenwina. Kuntent li sibna ħin nitkellmu u ngħidu dak li dejjem ħsibna.

Fi żmien l-10 t'Awissu gawdejna ftit mumenti mill-festa ta' Lawrenz. Int kont għal qalbek ovvjament. Ħadt gost inlaqqek ma' nies li llum huma mportanti għalija. Anki huma ħadu gost li saru jafuk. Illum kburi li fl-aħħar xhur kellna ċans nerġgħu nitkellmu ftit. Ħadt gost nerġa naġġorna ruħi fl-avventuri tiegħek madwar id-Dinja u kull ħolma u ħsieb li kellek. Ħadt gost ukoll nemmen li jien stajt kont ta' sapport f'mument iebes ta' din l-avventura li jisimha ħajja; u li int għaraft tgħix b'entużjażmu sħiħ.

Int tlaqt. Kien għad hawn bżonn tal-brijju tiegħek imma konvint li bħalissa l-ispirtu tiegħek jinsab serħan. Kif għidtlek, kulħadd għandu kliem ta' tifħir dwarek u dan l-aqwa ċertifikat li ġbart minn din il-ħajja. Ċertifikat li minnu gawdejna xi naqra wkoll aħna li missejna mal-karattru spontanju u ġenwin tiegħek.

Ħa nieqaf hawn. Il-memorja tiegħek ankrata hawn. L-imħabba lejn Malta u lejn il-Birgu fuq kollox. L-imħabba lejn il-ħajja u dak kollu li jġib avventura, ferħ u paċi. Tassew teżor tal-ġirbin! Grazzi u prosit

Sunday 2 July 2017

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira - bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b'marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f'xifer ta' sur, kuljum. Sa mn'alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f'ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B'mod awtomatiku tikber xewqa ta' wens, ta' mogħdrija - imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta' enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta' ħbieb li jidentifikaw ruħhom f'San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f'dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta' ħafna iktar nies b'ġesti kreattivi, b'tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta' persunaġġ li wara żmien ta' bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta' dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta' Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f'qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f'Pawlu jibqa' tama kontinwa f'kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta' Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra... Grazzi #familja!



Monday 29 May 2017

Ħsieb 23

Għażiża,

Illum rajt il-mewt viċin. Ħafna.

Kos! Kemm hi nitfa l-ħajja! Realtà li tintemm f'tebqa t'għajn bla mistenni. Kemm hi leħħa l-mewt. Tiġi, u lanqas ittik ċans isselmilha jew tieħu stessu magħha. Tieħdok bla wisq kumplimenti u apoloġiji. Ma bżajtx minnha imma kerha kif taħsad. Illum, Pawlu reġa' ħareġ idu, mill-Munxar forsi, u żamm distanzi biex jien għadni hawn.
Diffiċli ninsa dak il-mument, dik is-sekwenza. Diffiċli ninsa n-negliġenza tat-traskurat, il-gidba ta' min taparsi wera nteress u ħarab, is-sapport ta' min ġenwinament waqaf u ġie jgħin anki meta kien mitlub minnu mod ieħor, l-imħabba kbira ta' min ġenwinament kien u baqa' hemm!

U issa aħna, int u jien. X'fortuna li erġajt kelli ċ-ċans inqatta' ftit siegħat miegħek, inżomm idejk, immiss xufftejk, u naqsam demgħa miegħek dwar tmiem il-karriera ta' Totti. Inħossni kuntent li qalb l-injoranza ta' folol fanatiċi għall-politika fiergħa, kelli x-xorti nduq it-togħma bnina ta' sbuħitek għal darb' oħra.

Għax kun af għażiża, kun af, irrid intenni li fik nara skop, fik insib serħan; kuljum. Kuljum, jew kull jum? Ingħid kull jum għax kull jum huwa jum ġdid u kull jum irrid inħoss din ix-xorti ta' ħajja li tiġġedded, ta' xorti li nisma' leħnek. Permezz tiegħek jien ngħoxa nsib kuluri ġodda għall-ġranet li jmiss.

Għax ir-realtà tal-mewt hi mera llustrata, fuq ir-realtà tal-ħajja li hekk kif żbrixx nixirfu quddiemha, dlonk nilmħu lill-ħajja b'tant sbuħija, b'riħa ta' imbatt mal-blat u żiffa li taqta' kull għatx. Għalhekk noħlom li nibqa' nfittex u nagħti dak li prezz m'għandux. Wara kollox, dak li seħħ illum jinsab irrakkuntat hawn kważi kważi:


Il-lejl it-tajjeb għażiża.

Thursday 9 February 2017

Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni San Pawl!
Xhur ta' ħidma sfieqa, u llum jumejn qabel nharu, xejn ħlief xita! Anki tal-Uffiċċju Meterjoloġiku ma ġabuhiex żewġ - skonthom ma kelliex tinżel xita wara ċertu ħin.
Xebbagħni San Pawl!
Il-kollega jibqa' jargumenta li dan Pawlu qatt ma rifes Malta wara kollox u li dan kollu huwa ferħ bażwi ta' erba' fanatiċi.
Xebbagħni San Pawl!
U minjaf? Forsi għandu raġun sieħbi jgħidli nimraħ lil hinn mid-dinja parrokkjali...
Xebbagħni San Pawl!

Dettall minn ritratt ta' Paul Xuereb

Baħrin tal-maltemp isibuna. Għax fix-xita xorta ssibna hemm, infakkru din il-ġrajja. Nifirħu li minn maltempata qalila wasal persunaġġ storiku li sejħilna Maltin. Maltin pinnuri, li l-ewwel nattakkaw lill-qattiel imma fi ftit minuti nsejħulu "alla".

U b'dik l-ewwel deskrizzjoni li qatt inkitbet dwar il-Maltin, jien ftit jifdalli dubji dwar fejn rifes il-miġnun Pawlu. Mhux hekk il-Maltin? F'mument jgħolluk iżda mal-ewwel ċans jagħmluk tapit jew jarmuk. F'mument jiċċelebraw kampanji ta' twemmin mod u ftit snin wara ssibhom ħara, isuqu l-karru oppost! F'mument jiċċelebraw il-kultura u fl-istess waqt issibhom ikissru dak li kulturalment iseddaqhom. F'mument jippriedkaw valuri u ftit wara ssibhom ibaxxu rashom għal min lest iqaħħab, ikasbar u jkisser kull element storiku-kulturali li sawwar l-identità ta' familtu. F'ġieħ il-flus jew l-injoranza!
Xebbagħni San Pawl!

Xebbagħni dan ir-raġel ta' ras iebsa u supperv. Dan il-predikatur miġnun li ddedika ħajtu jikteb ittri dwar valuri umani. Xebbagħni bil-pjaċir meta kull sena niftakar li wara kollox, l-imħabba qatt ma tmut. Xebbagħni b'din l-idea li f'tgħanniqa jew kelmtejn bejn tnejn hemm is-sens tal-ħajja. Valur profond... dak kollu li hu essenzjali u xejn aktar. Tgħanniqa biss... immaġina... daqshekk il-flus, il-lussu, il-kuntratti, il-paroli fil-vojt, it-tlellix tat-televixin, il-fwieħa ta' Johhny Depp u ż-żraben tal-Clarks. Daqshekk insurances bażwija, daqshekk terrur, daqshekk pastizzi u interconnectors. Tgħanniqa biss.

Xebbagħni San Pawl - bħalma xxebbagħni pizza ta' Gaetano meta nkun mejjet bil-ġuħ!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni d-dehra tal-baħar f'nofs ġurnata xogħol!
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xxebbagħni bil-ferħ il-kitba, bħal ta' Pawlu, li titkellem dwar l-imħabba; dik li kapaċi tarmik minn fuq żiemel, tagħmik u tikkonvertik għal ħajja ġdida.
Xebbagħni San Pawl! - bħalma xebbagħtni dik it-tgħanniqa ta' Checco lura f'Napli.

Mela kompli inżel xita jekk trid twebbes rasek, imma jien naf li l-ħuġġieġa mintix ser titfiha!

Il-festa t-tajba baħrin!