Friday 31 January 2014

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b'tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x'inhu l-preġju ta' dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b'ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta' films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta' dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B'liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta' din il-Belt tant għażiża? B'liema livell ta' injoranza (f'sens ta', aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f'daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta' kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f'ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s'għandna. U llum, f'dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X'ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta' faċċata - tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa' sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa' ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta' sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta' żminijiet antiki ntrema' fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl... qabel u wara t-tkissir 
Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta' Frans fit-taraġ ta' Triq Santa Luċija. B'urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?


Monday 13 January 2014

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta' wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala 'il-Ġojja'.

Mhux ta' b'xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta' San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli "aw Pawl!", b'dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu... u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta' ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b'passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f'ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri 'l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:
"Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn"
Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f'oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b'omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b'ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b'ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f'waqtha. Grazzi Clive - u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!


Wednesday 1 January 2014

Merħba Jannar

Merħba Jannar. Ix-xahar tant maħbub. Ix-xahar li fih tfaċċajt f'din id-dinja u li kull sena jfakkarni li qed nikber. Ix-xahar li kull darba jżewwaqli eċitament kbir bi stennija lejn il-Festa tant għażiża tan-Nawfraġju tal-Appostlu San Pawl f'Malta. Jannar, ix-xahar li fih, għall-aħħar snin, titfaċċa s-sogħba u t-tifkira ta' żewġ irġiel li għalkemm ftit kont naf, ħallewli impatt ħlejju u n-nuqqas tagħhom għaddieni minn żminijiet xejn sbieħ.


Hekk kif ilbieraħ għal ħabta ta' 23:50 intfajt taħt il-friex sabiex nipprova niċċelebra raqda komda flimkien ma' din l-infezzjoni li ġiet tgħix miegħi f'għeluq is-sena, ħsibijieti ttajru lejn dawk l-anzjani Beltin li jgħixu waħedhom. Dak li bil-krozza u b'wiċċ ta' uġiegħ imur jgħamel ix-xirja kuljum u dik li ilbieraħ stess ilmaħtha tiġbed carrier tul it-turġien ta' Triq San Pawl, sabiex tmur lejn il-kwiet u s-solitudni tad-dar.

Dlonk daqqew it-tokki mponenti tal-qanpiena tal-Monument tal-Gwerra u ftit mumenti wara d-daqq, mhux aktar sottili tal-ħornijiet tal-vapuri li kiser is-silenzju fil-Port il-Kbir. Meta l-Belt kienet meqjusa 'mejta', dawn il-mumenti fil-familja kienu speċjali għax kont tilmah iċ-ċelebrazzjonijiet mill-bogħod, fuq xi każin fil-Kottonera jew it-tokki tal-qniepen tul il-kwantità ta' knejjes li jidhru minn hawn. Illum l-għajjat tan-nies kemmxejn xurbana fuq xi sur, il-ħornijiet goffi tal-cruiseliners u l-ħoss tal-murtali kummerċjali, ifakkruni, bħal Jannar, li ż-żmien għadda u n-nostalġija jaf tkun kattiva - imsomma dik ma tafx mod ieħor.

Minjaf ma min fetħu x-xampanja dawk l-anzjani! Minjaf xtaqux jixtru kartuna ħalib dalgħodu imma ma ftakrux li llum kulħadd jibqa' rieqed wara serata mal-ħbieb? U tgħid l-uġiegħ naqsilhom? Tgħid dik l-anzjana għollietha rasha biex tara wiċċ xi qarib li mar iżurha? Jew inħakmet minn aktar solitudni meta fit-toroq ta' madwarha semgħet nies jiċċelebraw dan il-lejl differenti u lilha nesewha bħal dejjem?

L-ewwel jum ta' Jannar. Jum ieħor li jgħaddi u jintesa mal-bqija - jekk mhux aktar - għax lanqas kalendarju għad m'għandi! Merħba Jannar. Din id-darba nlesti t-tlieta u tletin xemgħa u hekk kif neħles minn dan l-uġiegħ, ser inħares 'l quddiem sabiex nerġgħu nkomplu fejn ħallejna bil-ħidma u bl-ideat kreattivi li jiġġeneraw il-ħajja.