Mhux ta' b'xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta' San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli "aw Pawl!", b'dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu... u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta' ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.
Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b'passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f'ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri 'l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:
"Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn"Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f'oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b'omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b'ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b'ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.
Tgħalima f'waqtha. Grazzi Clive - u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!
No comments:
Post a Comment
Ikkummenta hawn