Friday, 31 January 2014

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b'tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x'inhu l-preġju ta' dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b'ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta' films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta' dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B'liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta' din il-Belt tant għażiża? B'liema livell ta' injoranza (f'sens ta', aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f'daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta' kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f'ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s'għandna. U llum, f'dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X'ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta' faċċata - tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa' sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa' ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta' sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta' żminijiet antiki ntrema' fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl... qabel u wara t-tkissir 
Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta' Frans fit-taraġ ta' Triq Santa Luċija. B'urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?


No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn