Saturday 29 September 2012

Manipulazzjoni fix-xandir

Dal-pajjiż ilu jgawdi minn Awtorità tax-Xandir sa mill-1961. B'mandat li tkun ta' tarka fuq l-informazzjoni li tixxandar fil-midja lokali, hija tissalvagwardja l-verità fil-kontenut u fl-obbligi kummercjali u amministrattivi.

Nixtieq illum inqajjem punt dwar kemm l-awtorità hi ddedikata u mħarrġa sabiex anki tissalvagwardja eventwali manipulazzjoni ta' messaġġi. Għalfejn qed ngħid dan?

Qegħdin f'kampanja elettorali mhux uffiċċjaliżżata u bħalma nħobb ngħamel dejjem, nipprova nsegwi l-aħbarijiet taż-żewġ partiti politiċi. Huwa minnu li meta tara l-aħbarijiet mgħaġuna minn oppożizzjoni, tħoss li l-aħħar tad-dinja huwa diġa' magħna kif huwa minnu wkoll li meta tisma l-aħbarijiet skont il-Partit fil-Gvern, tħoss li t-tieni miġja ta' Kristu taf tkun kemmxejn inutli fl-istat idilliku li ngħixu fih. Storja antika, li nifhem ukoll. Dan qisek qed tara l-Milan Channel u l-Inter Channel qabel d-derby tal-Madonnina!

Li jdejjaqni huwa meta b'mod sfaċcat u makakk - anzi, jkolli ngħid, b'ammont ta' ħażen - il-gruppi editorjali tal-Partiti, jitolbu lill-persuni tekniċi u kreattivi tagħhom sabiex jeditjaw filmati bi skop li dawn jiġu jinfthemu b'mod differenti. M'huwiex dan manipulazzjoni tax-xandir? Ma huwiex dan fid-dover tal-Awtorità li tikkoreġih? Ġurnalisti, edituri, fotografi u grafiċi professjonali qatt ma tgħallmu r-regola li fil-ġurnaliżmu, l-ewwel dover hu li tgħid il-verità?

Il-problema tkompli tiggrava meta tinduna li anki nies ta' ċertu kalibru u ntelliġenza, qed jaqgħu għal din il-manipulazzjoni - aħseb u ara l-poplu fit-triq! Bħalissa qam id-dibattitu dwar il-famuża paga minima. U hawn ġara bużillis kbir li tani mbuttatura sabiex nikteb din in-nota! Filwaqt li Joseph Muscat qal proposta minn tiegħu, li sinċerament ma nistax nikkummenta fuqha għax minix ekonomista, il-midja tal-Partit Nazzjonalista, għażlet li teditja l-filmati b'tali mod li 1) tibdel il-ġist tal-kontenut 2) tixħet dawl qarrieqi fuq il-proposta 3) tgħati mpressjoni li min attenda għad-dibattitu ukoll kien qed jibilgħu f'għajnu b'dak li kien qed jintqal. Bqajt imbellah nara l-verżjoni tagħhom! Biss, kull bniedem responsabbli u ta' ftit idea dwar editing, jaf biżżejjed kif sar il-cutting tal-immaġini, u tal-audio, l-għażla tal-mużika u t-ton tal-vuċi! Hemm għalfejn nispjega dak ukoll?

Hawn hu x'qal Joseph Muscat. Ara l-vidjo.
Hawn hu kif xandarha l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.
Kif żewwaqha aktar l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.

Manipulazzjoni oħra hija l-użu tal-kelma "deċiżjoni/wegħda (ta' Muscat li jiffriża l-pagi)", minflok "proposta". Ninża l-kappell lill-istrateġisti tal-PN imma nitqażżeż ninnota l-ammont ta' makakkerija qarrieqa li tintuża f'kuntest tant importanti għal poplu.

Dħalt facebook u sibt li anki Michael Briguglio (Chairperson and spokesperson for Economic Policy and Culture of Alternattiva Demokratika) qed jiġi nfluwenzat billi jgħid "It baffles me how a new middle class can be built whilst denying workers an increase in the minimum wage."  

Minjaf fejn hi l-Awtorità tax-xandir? Ftit editing jaf jibdel l-ġist ta' diskursata imma naħseb lanqas riefnu qawwi ma jibdel il-klikkek partiġġjani ħomor u blu li jeżistu nfilsati kullimkien! Filwaqt li f'Madrid il-poplu niżel jieħu sodisfazzjon fuq id-drittijiet tiegħu, hawn Malta l-poplu mar iċapċap lil min qed iwaħħalulu ħelu ħelu, kuljum u jbellgħalu nformazzjoni manipulata! Ħasra li anki l-PN qed ikompli jaqa' għar-redikolu meta jippromwovi din l-attitudni fil u mill-midja tiegħu. Jien quddiem dan kollu ma nista' ngħamel xejn ħlief nikkummenta, ngħati raġun lil Franco Debono u nsaħħaħ  l-għażliet tiegħi lejn elezzjoni oħra!

Friday 28 September 2012

It-tielet Partit

Kif ngħamel ta' spiss, dħalt naqra l-blog tal-'king' Franco Debono, li bħalma stqarrejt kemm -il darba, għandi ammirazzjoni kbira lejh. Qrajt il-kitba tiegħu tas-26 ta' Settembru, dwar l-idea tat-tielet partit politiku u minħabba li ili snin neqred b'din l-idea, ma stajtx ma nirriflettix ftit fuq dak li kiteb.


Nikkwota parti minn email li ktibt fit-2 ta' Settembru,
Ili snin ngerger li s-sistema dualista tal-parlament u l-politika ngenerali Maltija hija bażwija. Ittamajt fl-AD izda ghalxejn. Iva nemmen li t-3 partit huwa bzonnjuż immens. Hemm bżonn titwaqqaf il mentalità fejn il-partiti jfittxu ftit 'yes sirs' u jrawwmuhom bħala kandidati fidili li jgħidu iva għal kollox!
Għandi opinjonijiet varji rigward l-idea. Nemmen f'kandidati ndipendenti eletti fil-Parlament u f'aktar għaqdiet rappreżentattivi. Noħlom ukoll li partit ġdid ikun iddistakkat kompletament mill partiti preżenti kemm bħala mmaġini, kif ukoll bħala isem. Wisq nibża' li b'titlu li jinkorpora fih il-kliem "Partit" u "Nazzjonalista", dan jaf jiġi nterpretat bħala klikka ġdida b'fundamenti simili għal tal-Partit Nazzjonalista u allura jgerrex lil kull min maż-żmien, tgerrex mill-bejta l-blu u lil min, frott l-injoranza, dejjem ra l-blu bħala kulur l-għadu.

Nemmen f'għaqda jew assoċċazzjoni li ssemma' leħinha fuq dak kollu li jkun qed jiġri u mhux biss dwar dak li jinteressa lilha biss. Hawn fejn inħoss li tfalli l-Alternattiva Demokratika. Nemmen f'għaqda u mhux f'Partit li jitolbok tħallas membership u li jħeġġek tinżel tpaqpaq meta jiskorja! Il-politika mhix partita futbol! Nemmen f'Madrid fejn il-poplu jirreaġixxi kontra min imexxih ħażin u mhux jibqa' passiv. U hawn nħeġġek tara dan l-intervent ta' Maurizio Crozza li jitkellem madwar l-istess punt.

Nittama li int li qed taqra, tgħaraf ma tibżax tinħall mill-irbit ta' kultura li rawwmitna ngħażlu bejn aħmar u blu; inġelldu l-aħmar u l-blu; nikkategoriżżaw f'aħmar u blu; nirraġunaw f'aħmar u blu! Xi wħud jgħiduli "imma dan kollu ħolm Pawl! Trid tkun prattiku!" Jien ngħid... kieku ħadd qatt ma' ħolom, kieku għadna niġġerrew Għar Dalam!

Nittama li l-lirika tal-grupp Sempliċiment tat-Triq isseħħ tassew: "Ħabib, ir-revoluzzjoni qegħda fil-qrib" (mill-kanzunetta 'Qumu minn hemm')

Thursday 20 September 2012

Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt

M'hemmx xi tgħid. Kull darba li nisma u nara diskursata ta' Lawrence Gonzi ninżalu l-kappell għal faċilità mpressjonanti li għandu sabiex jikkomunika. Mingħajr l-ebda ħjiel ta' paniku jew tferfir, jlissen kelma wara kelma, frażi wara oħra u juża teknika ta' persważjoni vokali li ġġib il-għira anki lil David Ogilvy. F'mumenti hekk inkompli nifhem għalfejn Gonzi kien u għadu l-aqwa frontman għal band tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra anki f'tour batut, huwa jirnexxielu jiġbor ġieħ u jneħħi l-geddum lill-partitarji.

ritratt: www.facebook.com/partitnazzjonalista

Nistħajjel lil Gonzi, bħall-aqwa oratur, konxju li l-folla quddiemu, (l-istess bħal dik quddiem Joseph), hija komposta għall-maġġoranza tagħha minn nagħaġ fidili mhedija jinjoraw lid-dinja u lebsin ta' studenti universitarji, anzjani msadda b'memorji antiki u adulti bil-mażżra ta' familthom ma' għonqhom. Il-bqija: taħlitha ta' nies intelliġenti li kielu u xebgħu minn fuq l-amministrazzjoni u jitwerwru jaħsbu fuq għada differenti. Bi kliem bħal "tinsewx li aħna qegħdin fil-politika biex inservu." u "intom afdajtu lill-pajjiż f'idejn il-PN biex imexxi. Se ntuhulkom aħjar milli tajtuhulna", jaf li anki l-eħrex qalb jaf taqbżilha demgħa!

ritratt: www.simonbusuttil.eu

Xmun ma kienx ħiereġ għall-elezzjoni, imma issa ħiereġ. Ma tridx tkun għaref fil-matematika biex tifhem kif tilgħab iċ-ċess. Ilbieraħ Xmun spjega għaliex din l-għażla tiegħu u spjegalna kif fil-familja tiegħu dejjem qies lill-Laburisti bħala familjari aktar milli avversarji. Fl-istess kitba t'opinjoni fuq il-ġurnal Times of Malta huwa stqarr ukoll:
"I do not believe in divisiveness but in unity. I do not believe in stubbornness but in compromise. No one is always right or always wrong."
Għal darb'oħra, kliem imħallat mal-għasel. Tistħajlek qed tgħum għarwien fid-duwa tal-Maddalena. Fl-istess kitba, Xmun tenna wkoll:
"Change is good, but only when it is for the better. Not for the worse."
u f'diskors dwar l-Unjoni Ewropea:
"... we cannot exploit these opportunities if we are led by a party that has been, at best, sceptical about them."
U hawn jiġri l-bużillis. Nitfixkel. Niddubita lil għajnejja. Nerġa naqra. Imma le, sewwa qrajt. Filli karikatura ta' persunaġġ kważi kważi qaddis li jippriedka l-għaqda u l-kompromess, filli ġurdien xiħ li b'reqqa makakka u messaġġ subliminali, jwissi lill-qarrej sabiex jagħraf lill-'avversarju' li huwa eħżen billi jiddeskrivih hekk kif kien xi snin ilu u mhux kif inhu llum! Politika tas-superstizzjoni.

Imma iva, il-popolin fidil jibqa' jiġġudika l-wiċċ grazzjuż, il-vuċi sottili jew is-sentenza mirquma. Il-popolin jiġġudika l-kliem meqjus anki jekk mhux neċessarjament veru - bħali li kultant, bl-għaġġla, ngħażel nixtri l-pakkett għaġin skont is-sbuħija fid-disinn tal-pakkett u mhux fil-ġenwinità tal-prodott.

Qed toqrob il-'gwerra'. U fil-pajjiż qed ngħixu xenarju fejn iż-żewġ partiti qed jillustraw l-arsenal, b'hekk imsejjħa warm up meetings, fori u diskussjonijiet. Partiti li qed jiftħu l-bieb għal kulħadd, basta jiġbru vot ta' simpatija. Kważi kważi qed nistenna xi partit jikkandida lil xi kantant tal-Jurovixin jew xi preżentatur tat-telexopping. Lanqas naħsibha ma' rrid!


L-ironija hi li min għażel li jiġġieled kontra l-attitudni giddieba tal-partiti, għadu qed jingħata bis-sieq.

Min kien diżgużtanti lejn il-pajjiż u lejn ċertu persunaġġi, jinsab f'żiffa ħelwa jsoff xi koxxa ħaruf.

Huma ftit dawk li urew l-appoġġ lejn min joħlom li jkisser dak li hu mmuffat biex jerġa jibni mill-ġdid b'saħħa ġdida. Huma ftit dawk li fehmu u emmnu li Gvern ma huwiex ekwivalenti għal partit iżda, rappreżentanza tal-poplu. Ftit huma n-nagħaġ fidili, jew l-intelliġenti mdardra, li kapaċi jiċħdu lill-Partit tagħhom għal ġid tal-pajjiż. Il-kredu tal-maġġoranza lejn il-Partit, jibqa' wieħed: "Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt" f'ċapċipa kommossa u ftit dmugħ sħun.

Xmun rikeb il-vapur – Ngħid għalija, mira waħda. Hekk kif qiegħed ngħix f'Malta maqbuda f'xibka mxebilka, lanqas is-Sur Ogilvy ma jasal jikkonvinċini li xi partit lokali għandu ħila biżżejjed li jappoġġja l-verità u mhux jikkrea verżjoni partiġġjana tal-verità. Qed toqrob l-elezzjoni. Is-sinagogi bdew jixirfu l-aqwa fost l-aħjar oraturi u n-nagħaġ bdew ħerġin jirgħu bi ħġarhom anki f'deżert jifleġ.

Filwaqt li nistenna b'kurżità marida, l-istrateġiji ħorox ta' persważjoni merfugħa b'tant għożża għall-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni, nitlob tagħmel xita qliel li tnaddfilhom għajnejhom u jaraw il-verità tlellex li tgħammixhom. Nitlob li kliem Gonzi "Il-poplu Malti hu ntelliġenti biżżejjed biex jagħżel dak li hu sewwa u dak li m'huwiex" iseħħ tassew u xi darba jispiċċa darba għal dejjem il-kunċett ta' żewġ partiti politiċi li qerdu l-intelliġenza tal-poplu Malti.