Sunday 2 July 2017

#familja

Il-ħajja hi li hi. L-aħjar deskrizzjoni li ltqajt magħha sal-ġurnata tal-llum, hija dik tal-assurdità kif deskritta minn Camus fil-kitbiet tiegħu.

L-assurd illum insibu jiżfen madwari. Kultant meta jistedinni għal birra, insellimlu, nieqfu ngħidu kelma u nnaqru xi ftira - bħal dik tal-bieraħ għand iċ-Ċaċċu. Nitkellmu dwar familti; ommi u missieri li tant offrewli mħabba, bil-modi partikolari tagħhom. L-assurd jafhom sew kemm lilhom u kemm lill-modi tagħhom. Illum li ommi hija mifnija b'marda, appuntu assurda, id-dinamiċi tal-ħajja u tal-familja tħarbtu mill-bażi. Ħolm u idealiżmi jiddendlu minn rashom f'xifer ta' sur, kuljum. Sa mn'alla nsib lili nnifsi sħiħ quddiem tant vojt u inkapaċità.

Twieldu mistoqsijiet u faqqsu risposti li l-assurd biss kapaċi jfhemni kultant. Lezzjoni kiefra li bħal ħafna oħrajn f'ħajti ħadtha iktar kmieni minn meta normalment wieħed jippretendi. B'mod awtomatiku tikber xewqa ta' wens, ta' mogħdrija - imqar minni nnifsi. Xewqa wkoll ta' enerġija u motivazzjoni sabiex din il-konverżazzjoni mal-ħajja nkun kapaċi nlestiha. Konverżazzjoni jew logħoba, bla regoli, bla rebbieħ, iżda bi proċess li jsawwar u jsajjar.

Fl-aħħar ġranet sibt dan kollu fi grupp ta' ħbieb li jidentifikaw ruħhom f'San Pawl. Il-Pawlini tal-Belt Valletta. Meta nixħet ritratt fuq Facebook, sirt inħobb nuża l-hashtag #familja għax appuntu sibt wens, enerġija u motivazzjoni f'dawn in-nies; fil-ħolm umli iżda sinjur tagħhom li jferrħu komunità ta' ħafna iktar nies b'ġesti kreattivi, b'tiżjin, kulur, mużika, dwal u ħsejjes. Nies li għalkemm ma jġorrux bagalji mimlija ċertifikati, kapaċi jagħtuk kollox; jagħtuk qalbhom. Nies li anki jekk ma jkunux fil-qalbha tal-familja, għax il-ħajja tkun ressqithom xi ftit lil hinn, issibhom hemm; forċina.

Huwa appuntu spazju familjari fejn il-kult u l-kultura Pawlina, ituna identità bbażata mhux fuq statwi, vari, u tiżjin iżda fuq ideoloġija ta' persunaġġ li wara żmien ta' bidla qawwija, fejn immedita l-identità tiegħu, mar xandar l-imħabba, il-lealtà u l-valuri kull fejn terraq. Għal kuntrarju ta' dak li ħafna jistgħu jaħsbu, huwa appuntu dan il-valur li jżomm il-komunità magħquda. Għalhekk Pawlu jiġi ndirizzat bħala missier. Għalhekk nuża l-hashtag #familja.

Quddiem l-assurd, insib motivazzjoni fix-xewqa ta' Pawlu li jgħix imħabba li tistabar u tħenn, ma tgħirx, ma tintefaħx, ma titkabbarx, ma tinkorlax, ma żżomx f'qalbha għad-deni u li bħal belha, tifraħ bil-verità, tagħder, taħfer, temmen, tittama u tissaporti. Dan l-idealiżmu f'Pawlu jibqa' tama kontinwa f'kull diskursata mal-assurd. Dan l-idealiżmu ta' Pawlu, jimlini paċi u jgħini nnixxef id-dmugħ. Sadattant nordnaw birra oħra... Grazzi #familja!



No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn