Saturday, 31 March 2012

Ċar u Skur

Il-flashbacks idejquni.
"Qatt xtaqt terġa tibda ġurnata mill-bidu?
Għid il-verità?"

Iva, kien hemm ġranet li xtaqt nerġa ngħix, mhux biex nibdilhom iżda sabiex, appuntu, nerġa ngħix kelma b'kelma, pass b'pass, ħarsa b'ħarsa, bikja wara bikja.

Kjaroskur, id-dramm tal-grupp teatrali Dù li kelli l-pjaċir nattendi għalih illejla, huwa miżgħud bis-sempliċità ta' ħajja, kultant imżejna bl-apatija, ta' erba' karattri, sfaċċatament opposti jew kumplimentari – saħansitra fil-kulur u stil tal-ħwejjeġ.

Id-dramm tal-mirja. Il-mirja fejn in-nisa rqaq jaraw lilhom infushom ħoxnin, fejn ir-raġel jilmah f'martu lill-falliment emozzjonali ta' snin ilu, fejn il-mara tara refuġju f'art barranija u fil-logħba tas-sess liebes qrun. Mirja li juru opposti f'ġudizzji, f'karattri, f'tattiċi ta' ċrieki soċjali.

Il-flashbacks jgħejjuni.

Linji diġitali u vertikali ta' qtar ix-xita jiltaqgħu ma linji naturali u oriżontali tal-ħasira filwaqt li jitħalltu ma' mumenti umani ta' kuljum, li jafu jevolvu f'traġedji. Saqajn twal, ġenbejn kbar, xagħar folt mgħaqqad u l-udjenza spiss tidħak minn wara l-ħasira.

Nintefa quddiem il-mera. Minjaf? Forsi l-aħħar sena kaxkartha f'ħoġri ġewwa t-teatru ta' San Ġakbu u lmaħt l-opposti: iċ-ċar u s-skur fi traġedji tant familjari taħt sfond mużikali iterter mill-Islanda.

Tfaċċaw xi flashbacks.



Nota: Minn qalbi ngħid prosit lil Simone tal-ħsieb wara dan id-dramm dettaljat dwar sempliċità kwotidjana. Grazzi lill-erbgħa atturi tal-karattri li fasslu, grazzi lil Pierre Portelli tas-sett kurjuż u grazzi lil Dù għall-prodott li preżentaw.

Kjaroskur jerġa jinżamm illejla s-Sibt 31 ta' Marzu u għada l-Ħadd, l-1 t'April fit-8pm ġewwa l-Kavalier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta.

2 comments:

  1. Grazzi Pawl...minkejja li sehmi f'din il-produzzjoni huwa minimu, inhossni grat li inti qsamt maghna dawn il-hsibijiet tieghek. Nota zghira, u li nahseb anke Simone ser tikkonfermalek, mertu kbir f'din il-produzzjoni, ghall-perspettiva unika ta' rappresentazzjoni li holoq, imur lil Chris Gatt, id-direttur, li gharaf jikkorijografa mhux biss lill-4 atturi, izda l-crew kollu, u l-elementi kollha!!
    Grazzi Pawl
    Joseph

    ReplyDelete
  2. grazzi Joe! bla dubju; rispett lejn xoghol Chris ukoll.

    ReplyDelete

Ikkummenta hawn