Tuesday, 25 December 2018

Wegħda għal Milied tajjeb

Mario, Giselle, Anġlu, Romina... nista' ngħid li l-Milied ħa tifsira friska permezz ta' dawn in-nies u l-esperjenza li qed ngħixu flimkien fl-aħħar xhur. Nies ta' qalb kbira u li ma jistennewx illum biex jifhmu x'inhu l-Milied. Nies li bis-sempliċità tagħhom u fit-tbatija li qed jgħixu, jafu xorta jxammru l-kmiem u jġibu tbissima fuq fomm min verament għandu bżonn.

Ħajti nbidlet immens fl-aħħar xhur. Nista' ngħid li mhux dejjem fhimt xi jkun għaddej minni biss dejjem kont ottimist li l-bidla ġġib Milied ġdid. Il-ħajja qisha stazzjon tal-ferrovija. Inti tirkeb vapur tal-art bit-tama ta' vjaġġ sbejjaħ u destinazzjoni li ssaħħan lil qalbek imma kultant issib ruħek, bil-biljett f'idek titgerbeb fuq art kiesħa, mormi minn fuq staffa kemmxejn għolja.

Wegħda għal Milied tajjeb; dak li għadda, dan u anki li ġej - kliem fieragħ mimli illużjoni li titgerrem u titfarfar quddiem il-lingwaġġ dirett tal-ħajja. Il-kliem ma jiswa xejn quddiem ħajja li hija iebsa u diretta; ħajja li taf tkissrek u tixkupak jekk ma tkunx lest tqum, timxi magħha u kif jgħid Morgan, tħalliha tieħdok x'imkejjen oħra. Il-kliem ma' jiswa' xejn quddiem il-mewt ta' Rose li sellimtilha ftit ġranet ilu u li l-għada sirt naf li ġiet il-mewt inkiss inkiss u ħaditha x'imkien ieħor. Aktar kmieni, Mario Vella irrifletta fuq argument simili ukoll u qbadt nhewden:
"Id-dwal lelliexa, l-ikel bnin, l-irdoss ta darek, l-affezzjoni ta genituri, qraba u hbieb, ir-rigali maghzula b'reqqa u attenzjoni ghad dettal, il-biljett ghal pudina tal-milied, id-diskorsi solidari ta joseph, adrian u mary louise, il-muzika, il-programm shih kalcistiku li hemm imhejji fir-renju unit ghal boxing day, trading places, gremlins, imbuljuta........ghiduli inthom kif jista jkun ma tahsibx dwar il-mewt imminenti tieghek f'dawn il-jiem."
In-nies għamlulu ħafna likes kieku. Imma minjaf x'qed jifhmu jew ma jifhmux? Tgħid kapaċi jifhmu d-dmugħ ta' min hu mnikket jara lill-għeżież tiegħu jitbegħdu minnu - bla ma jista' jintervjeni? Tgħid jifhmu lil dak in-nurse li llum daħal xogħol bħas-soltu għassa ma' pazjenta mifluġa u sibtu jibki lil oħtu u bintha li ħallew din il-ħajja tant kmieni? Tgħid jifmhu lil min bit-trawmi tiegħu stess xorta waħda qed iħalli kollox biex iservi mħabbtu lejn persuna mportanti? Tgħid jifhmu lil min imbikkem jissielet ma' mewt li tqarreb issejjaħlu? Tgħid jifhmu xi tfisser li ċċedi kollox biex tara lil xi ħadd kuntent? Tgħid jifhmu? Jew forsi jiftħu ħalqom, jaqbdu pinna u jagħmlu like?

Kemm hi sabiħa t-tgħanniqa li tajtni fil-parkeġġ qalbi! Imżewqa b'silenzju li jifhimni, jew li jipprova. Silenzju li huwa Milied għal imħabba li kuljum lesta tmur x'imkien ieħor.

No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn