Filwaqt li b'emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f'moħħi ta' dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta' konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta' ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.
Niftakar f'Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa' minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t'għajnejh.
Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b'mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:
Sawlu mibdul quddiem għarfien ta' verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti - bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża' titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f'nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b'nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f'nofs il-Mediterran.
Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta' sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta' karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f'Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f'ħajti, f'daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta' mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.
Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta' Malta!