Għal darb' oħra, erġajt ħallejt għall-aħħar biex inħallas il-kont ta' madwar €80 għas-servizz tal-Internet mal-Melita. Għaldaqstant, għal darb'oħra, qomt mingħajr is-servizz għax il-Melita b'eleganza liema bħalha u mingħajr pre-avviż hekk jitrattaw ma' klijenti li ilhom sa mill-bidu tal-elfejnijiet jużaw u jħallsu għas-servizzi tagħhom.
Pruvajt nidħol fis-sit elettroniku tagħhom - taf int - timmaġina li ser jgħatuk aċċess biex għallinqas tħallashom u tkun tista' titlob is-servizz lura. Imma le. L-ebda aċċess.
Imsomma, ċempiltilhom mill-mobile u bħal dejjem bdiet il-litanija ta' messaġġi rrekordjati li ma jgħinu xejn f'mumenti ta' frustrazzjoni. Messaġġi bil-Malti segwiti minn interpretazzjoni bl-Ingliż li jtertqulek qalbek iktar minn maġistrat kiefer li jdum idur mal-lewża biex jaqtahielek għall-forka!
- Messaġġ ta' Merħba (Malti u Ingliż)
- Stedina biex tgħażel bejn 1 u 2 skond il-lingwa li tippreferi.
- Hawn tiġi mgħarraf li t-telefonata jaf tkun irrekordjata
- Tintgħalab iddaħħal in-numru tal-kont tiegħek magħhom
- U hawn tingħata dettalji dwar l-istat tal-kont tiegħek
- Issa jmiss jinfurmawk li tinsab f'menu prinċipali fejn tingħata 5 għażliet…
- U minn hemm, wara grazzi, tgħaddi għal menu ta' 4 għażliet oħra
- Eventwalment hawn tiġi mgħarraf li ser tiġi trasferit ma' rappreżentant tal-'Customer Care'
Il-beżżul fija jispikka f'dawn il-mumenti. Spiċċali l-kreditu f'nofs telefonata u ara ma taħsibx li ċempluli lura! Le, erġajt ċempilt minn mobile ieħor fil-familja. Martirju ieħor, għalkem din id-darba għafast in-numri mingħajr ma kelli nisma kollox.
Għall-erwieħ! X'għall-erwieħ! Staqsejt nistax ngħati l-informazzjoni tal-kard tal-kreditu biex inħallas il-kont iżda qaluli li rrid immur f'uffiċċju minn tagħhom għax m'għadhomx jaċċettaw pagamenti mit-telefonati. Qaluli li nista' nħallas minn fuq my.melita.com ukoll… bħal donnhom insew għaliex qed inċempel!
Għal grazzja t'Alla skoprejt li mill-kamra l-baxxa nista' naqbad bis-serqa ma' network ta' uffiċċju fil-viċin, u allura min hawn u minn hemm irranġajt is-sitwazzjoni. Imma x'kedda!