Sunday, 31 December 2017

Kalendarji

Illejla l-kalendarju 2017 jintrema.

F'din il-kultura għaġġelija ħafna drabu narmu miegħu ħafna memorji ta' esperjenzi li seħħew tul dawn it-365 jum u naħsbu li għada b'xi maġija, kollox se jkun aħjar, ilellex u melodjuż mingħajr ma nissugraw intajjru xi difer.

Il-poplu għandu stennija kbira għal għada; għall-2018. Imma għada forsi jistenbaħ u jinduna li kollox bħal qabel. Mard qalil ifarrak lil nies li tħobb; pulizija u ħallelin jiġġerrew mas-saqajn; klieb u qtates ifittxu saqaf; rutini morda mposti fuq irjus il-ħaddiem; sigaretti bħal sponoż, jixorbu l-ħajjiet ma' kull nifs; ġebel nieżel minn mas-swar; spazji ta' parkeġġ spiċċut u permessi tal-MEPA mwaħħlin ma' kull kantuniera taħt dell it-torrijiet.

Quddiemi, is-santa tal-mewt ta' ħabibti Sabrina. Nimmaġinaha tipprepara biex illejla tmur tiċċelebra l-ewwel jum tal-2018 imma għal realtajiet li ma nifhimx, il-ħajja ta' Sabrina ntemmet qabel ma armejt dan il-kalendarju 2017. U magħha, nies oħra inħarġilhom permess jiċċaqalqu minn hawn.

L-2017 ngħożżha bħala żmien fejn ħlomt u ġġilidt għal dak li tassew xtaqt u emmint fih. Ngħożżha fuq kollox għall-ħbiberiji li waqt il-maltemp sibthom hemm isalvawni u vjaġġi ma' persuni speċjali. Kemm stennija għall-ewwel jum ta' Jannar. Forsi l-iktar jum umli fosthom wara kollox. Imma tassew. Kemm stennija? Kemm ħoss! Kemm xewqat u ħolm!

F'dan il-ħin, qabel immur nieħu grokk, noħlom li nista' ngħix jum wara jum, f'paċi, f'serħan il-qalb. Noħlom li l-poplu jibda sena ġdida kuljum, kull sekonda. Li kulħadd jemmen li kull jum jasal biex tibda mill-ġdid u mhux biex iġġorr ktajjen antiki. B'dan is-sottofond mużikali ta' Anouar Brahem, noħlom li nista' ninfexx f'poeżija li ma tintemm qatt f'tgħanniqa mal-maħbuba u narmi l-kalendarji kuljum.

Awguri lilkom qarrejja!