Hekk qabbiżni mid-dar ilbieraħt lura missieri Ċensu meta għall-ħabta tal-16:45 sellimtlu biex immur lejn Pjazza San Ġorġ sabiex flimkien ma' sħabi, nikkordinaw l-aħħar tentufiet dwar il-Festa l-Kbira. Kienet tislima li ferrħitni għax apprezzajt li fis-silenzju tiegħu missieri kien wieħed mill-ftit li urewni li jafu x'fissret għalija l-ħidma b'risq dan l-avveniment u dik il-ġurnata. Kienet ukoll tislima li ħasditni għax erġajt ftakart li minħabba sitwazzjonijiet personali ma kienx ser ikun jista' jgawdi, ta' Belti li hu, dak li tul is-snin rawwem f'ibnu.
IL-FESTA L-KBIRA - Ritratt mill-isbaħ ta' sieħbi Joseph Galea |
Is-sajf kien jasal u hekk kif joqrob Awwissu, missieri dejjem kien iżerżaq il-casettes, din id-darba blu tal-Banda King's Own jew l-LP bil-wiċċ stampat kbir tal-Maġġur Anthony Aquilina. Niftakru jispjegali li għalkemm aħna Pawlini, dawn il-marċi tal-Festa ta' San Duminku huma biċċiet mill-isbaħ u erħilu jirrakkontali dak kollu li kien jaf dwarhom. U kif setà ma jżerżaqlix l-Agrigento, Forza Ċensina jew Balfrendozan!
Iva nista' ngħid li fija Missieri, ta' Belti kburi mill-Arċipieku li hu, qatt ma rawwem firda iżda prinċipji. Prinċipji Pawlini ta' rispett komplut. Rispett u apprezzament lejn dak li huwa tagħna u jagħtina identità iżda anki lejn min mhux tal-istess parroċċa, festa jew każin. Missieri, anki qalb xi tikka nkejja, dejjem spjegali kif kulħadd jiżbalja u li fuq kollox aħna Beltin u familja.
Is-snin gerrbu. Illum jien membru kburi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u sa mill-2013, impjegat u aktar tard uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-ewwel snin ta' din l-esperjenza kont naħbat ma nies li kienu jhewdnu bħali: "issa kieku xi darba noħorġu l-erba' qaddisin flimkien, mhux sabiħa tkun Pawl?". Jgħidielek wieħed, tnejn, tlieta; kont iddeċidejt li nimbotta din l-idea. Għall-bidu kollox kien għat-telgħa u l-idea ma sabitx art fejn tinbet iżda hekk kif tfaċċat id-Direttriċi Catherine Tabone, kollox inbidel. Is-Sinjorina Tabone mill-ewwel offrietli li tkun spalla sabiex l-idea sseħħ u kelli ndikazzjoni li hekk kif tispiċċa l-ħidma relatata mal-ftuħ tas-sena 2018, nitfgħu rasna hemm sabiex nibnu qafas. U hekk ġara. Niftakar li waqt laqgħa marbuta mal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet Beltin ġewwa Fortress Builders kien is-Sur Edward Bonello li ħeġġiġna nagħtu prijorità lil din ix-xewqa tal-Beltin u hemmhekk anki c-chairman Jason Micallef kien wiegħed li t-talba mhux ser taqa' fuq widnejn torox.
Parti mit-tim. 4 Ġirbin u 3 Beltin. |
Hekk kif bdejna nħabbru li ġiet identifikata data, kien hemm bħal sens ta' inkredulità. Tassew mhux faċli timmaġina ħolma sabiħa li tkun ilek toħlom fir-realtà. Fi ftit ġimgħat il-Beltin xegħlu; kulħadd jitkellem dwar il-Festa li ġiet imlaqqma "il-Kbira". Ħdimna flimkien ma' kollegi bħal Marcia Grima, Giuliana Barbaro-Sant u Victor Jacono anki fuq livell anki informali sabiex nibnu fuq l-esperjenza tal-ftuħ tas-sena u nkomplu nħeġġu lill-Beltin jersqu lejn il-Fondazzjoni.
Kienet esperjenza tassew unika. U ta' dan huma xiedha d-dmugħ ta' ħafna Beltin li ġenwinament bkew meta raw l-erba' vari titulari li tant jiddefinixxu l-identità tagħna mexjin ħaġa waħda tul l-arterja prinċipali tad-dar tagħna. Xhieda ta' dan ukoll kienu d-dmugħ tal-għażiż Joe Mizzi 'Kurun' li f'Awwissu li għadda, xahar qabel ħalliena, tgħidx kemm dam ifakkarni li mportanti l-għaqda bejn il-Beltin, hu x'inhu l-pinċipju reliġjuż jew il-kulur politiku. Kien ħolmu huwa wkoll is-7 ta' April 2018.
Titwila lil Pawlu qabel xejn! |
Ninsab grat lejn kull min ġie qal grazzi. Grat lejn il-ħaddiema l-aktar siekta li kien hemm tul l-attività kollha. Fuq quddiem il-kappillani, arċipriet u pirjol tal-komunitajiet Beltin. Grat lejn it-tim li kellna - lista twila ta' persuni li ħadmu magħna bħala koordinaturi, hosts jew maniġers ta' sezzjonijiet varji. Grat lejn dawk tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, ta' Transport Malta u Malta Public Transport, tal-Ferries u l-barklori u dawk tal-Cleansing Units li fi ftit siegħat naddfu kemm qabel kif ukoll wara l-attivitajiet li kellna. Grat lejn il-Kurja. Grat lejn il-membri tal-Kunsill Lokali li ssapportjawni. Grat lejn il-pubbliku li attenda u mexa mal-istruzzjonijiet b'mod mill-aktar ċivili.
Ritratti ta' sieħbi Sebio Aquilina |
Ritratt ta' sieħbi Carl Farrugia |
Il-kultura tal-Beltin hija kultura ta' ferħ, mużika, kulur, disinn u kreattività. Ħareġ ċar li l-Beltin konxji mid-dritt li joħolmu u jwettqu. Ħareġ ċar li kif għallimni missieri, il-Beltin jafu li huma iktar b'saħħithom flimkien milli għal rashom. Fuq kollox ħareġ ċar li fejn hemm il-ħolm u l-koordinazzjoni bejn kull saff tas-soċjetà li ngħixu fiha, dan l-istess ħolm, jasal jitwettaq. Minn dejjem kellu raġun missieri..."
Ejjew nibqgħu noħolmu u nkunu protagonisti flimkien, għeżież Beltin!