Godwin Scerri. Jew kif sejjaħlu Fr Michael, Godwin Festa.
Ċelebrazzjoni.
Godwin Scerri - Valletta. R.I.P. |
L-ewwel darba li nnutajtu kien fil-ħidma tiegħi ġewwa d-Dijuballi. U kif stajt ma ninnutahx? B'erba' kelmiet qawwija kien qed jiġbor madwar 50 tifel u tifla sabiex, qalb id-diffikultajiet kollha, jieqfu mill-ġiri fit-toroq u jinżlu flimkien miegħu sa Sant Iermu, fejn hemm kien joffrilhom għexieren ta' modi kif jitgħallmu xi sengħa marbuta mal-Karnival.
Ilbieraħ l-istess tfal, kienu hemm, għall-funeral, bla ħadd ma kellu għalfejn isejjħilhom. Fosthom rajt uħud jolfqu fid-dmugħ u ġabuli qalbi tikka. L-istess ġrali kif ilmaħt lil Pawlu l-Pampalun jolfoq. Għax meta tintmiss il-qalb, joħorġu d-dmugħ bħal f'barka. Bħal ħasla purifikatorja għar-ruħ.
F'sentejn Godwin għallimni bi ftit kliem. Għallimni b'ħafna u ħafna fatti. Għallimni mingħajr ma tani lezzjonijiet. Għallimni billi stmani ta' xi ħadd bħalu. Mhux iktar u xejn inqas.
Għallimni li mexxej huwa dak li minn fuq siġġu (fil-każ tiegħu, tar-roti) jispira u jidderieġi. Mexxej huwa dak li jagħraf lin-nagħaġ tiegħu b'isimhom, iġiżżhom meta hemm bżonn u jirgħahom sabiex minnhom joħroġ l-aħjar.
Għallimni li tislima ma tqumx flus. Rari kienu d-drabi li minħabba l-problemi li kien għaddej minnhom ma sejjaħlix hu. Mill-bqija, eżatt bħalma ġara s-Sibt li għadda, jilmaħni għaddej mifluġ ħsibijiet u jsejjaħli b'ismi "Pawlu" u jsaqsini "kif int sabiħ?".
Għallimni li mexxej tajjeb jiġbed lejn il-familja tiegħu b'imħabba. Mhux l-ewwel darba li talabni xi għajnuna sabiex il-familja tal-Karnival tad-Dijuballi ssib post denju fejn tmidd rasha. Mhux l-ewwel darba li talabni sabiex inwassal il-messaġġ 'l fuq. Mhux l-ewwel darba li talabni... dejjem għal xi raġuni li kienet tqanqlu. Kliemu dwar il-komunità tad-Dijuballi ma kien xejn frivolu. Mimli passjoni.
3 ta' Marzu 2017 - Godwin għoġbu jwarrabli u jirregalali dan il-kalendarju |
Naħseb l-akbar memorja ta' Godwin kienet dik li rrealiżżajt illum fi kliem Fr Michael. Godwin dejjem ried jiċċelebra. Għax dak huwa l-Belti vera. Bix-xalla tal-Palestina ma' għonqu, Godwin ried jiċċelebra lit-tfal tad-Dijuballi, mimlija talenti u b'karattri mimlija esperjenza. Lill-għażiża ommu u lill-familja tiegħu. Lill-familja Beltija meta tkun rebbieħa fil-ballun. Il-kultura Beltija.
11 ta' Marzu 2018 - Godwin ġewwa Ta' Qali - lest sabiex niċċelebraw! |
Godwin ried li anki jekk mifluġin bil-mard, nafdaw f'Alla dejjem u noħorġu nifirħu b'dak li għandna u niċċelebrawh flimkien. Ried li fid-diffikultà u bid-difetti kolla tiegħu, ikun b'xi mod influwenza pożittiva lil ta' madwaru.
Naħseb int li qrajt s'hawn, taqbel miegħi jekk ngħid li rnexxielu mija fil-mija!
Grazzi l-Iljun! Ħu ħsiebna - kif tlabtek is-Sibt li għadda. Narak!