Friday, 11 February 2011

Saqsejtni "Are you sure it's a good thing that Malta's Catholic!?"

M'inix xi kattoliku ferventi. Minn naħa l-oħra, bħal xi nies li nafu, naf napprezza kulturi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet differenti minn tiegħi.

Nemmen li l-Knisja Kattolika, Kristu ffurmaha fuq bażi ta' principji ta' mħabba reciproka u fl-ebda mument ma' rrakkomanda poteri. Biss, hekk kif il-bniedem wiret it-tmexxija f'idu, beda jifforma regoli u strutturi li sa fl-aħħar raw lil Knisja titrasforma ruħha f'qawwa politika aktar milli spiritwali.

Ma nħobbx nara l-Knisja b'dak il-mod. Għalija l-Knisja hija jien u int li nħaddnu l-istess valuri ta' Kristu u nemmnu li kull bniedem jistħoqqlu dinjità, imħabba u libertà.

Allura ngħid li le, ma jiddispjacini xejn li Pawlu trakka f'din il-Gżira. Pawlu kellu esperjenza qrib ħafna lejn l-esperjenza ta' Kristu (għexu fl-istess żminijiet), tħadded u tlewwem kemm -il darba dwar il-valuri, mal-Appostli, il-mexxejja bikrija tal-komunità nisranija. Kien bniedem li ħadd u xejn ma kien iwaqqfu jew ibeżżgħu, iżda l-laqgħa li kellu ma Kristu biddlitu. Issa ma nafx kienetx f'forma ta' dawl, waqgħa minn fuq żiemel, iżda żgur li dan ir-raġel inbiedel!



Inbidel tant li kien lest li jmur quddiem l-imperatur biex jieħu sodisfazzjon. Inbidel tant li vjaġġa minn post għall-ieħor biex jifforma komunitajiet oħra nsara...

Kelli x-xorti ngħix f'komunità, ngħix esperjenzi ta' volontarjat/missjoni u nista ngħid li hemm sibt ħafna sentimenti ta' valur profond! U allura ngħid jien, għalfejn għandi ma nifraħx li Pawlu ġie f'pajjiżi? U jekk ma ġiex f'pajjiżi, għalfejn m'għandix niccelebra li l-messaġġ li ried iwassal dar-raġel lid-dinja kollha ta' żmienu, wasal f'pajjiżi, wasal lili wkoll?

Ma rridx inħares lejn il-Knisja bħala dik tradizzjonali biss, jew dik li żbaljat biss. Irrid nara lill-Knisja bħala dik is-soru liebsa l-abjad u celest li ferrhet tant tfal imkissra mentalment, dak il-ġuvni li telaq il-karriera tiegħu sabiex ifittex xi ħaġa iktar profonda ġewwa fih! - il-messaġġ ta' Kristu le?

No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn