Thursday, 12 May 2011

Il-liġi u l-imħabba

Ispirat minn dibattitu fuq facebook, specjalment fuq il-vizjoni ta' Miriam Abdilla li b'mod mill-aktar interessanti u kostruttiv esprimit il-valuri Kattolici tagħha fuq facebook. Tassew napprezza meta persuna titkellem b'mod tant kostruttiv fuq il-viżjoni tagħha. Nammira wkoll il-mod car kif esprimit il-fiducja kollha tagħha fi Kristu.


Jiena nqis ruħi Kattoliku wkoll għalkemm nammetti li spiss nippreferi nissejjaħ Kristjan milli Kattoliku. Dan għaliex il-Knisja hi magħmula mill-bniedem u tul iż-żmien, f'kuntesti varji, il-bniedem li fforma l-"club" tal-Knisja, żbalja (bħalma anki jien niżbalja) u ħalla marka fuq il-kultura tagħna l-membri tal-club tal-2011.

Ma nemminx li Kristu fforma Knisja b'sett regolamenti, ma nemminx li Kristu fforma Knisja li tiġġieled biex tkun l-iktar "club popolari" fid-dinja, ma nemminx li Kristu fforma Knisja burokratika u formaliżżata. Nemmen biss li Kristu ried ifakkarna kif inħobbu.

Inħobb inżomm quddiem gżajnejja dawn il-Kliem:
  • L-EVANĠELJU - Mattew - 22, 34-40

    Meta l-Fariżej semgħu kif Ġesù kien saddilhom ħalqhom lis-Sadduċej, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-Ligi?”
    U hu wieġbu: “Ħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Il-Liġi kollha u l-profeti, fuq dawn iż-żewġ kmandamenti huma mibnija.”
kif ukoll:
  • Mattew - 10:34-11,1
    “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha,u lil mara minn omm żewġha, u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu. Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

Naħseb Kristu kien u għadu konxju biżżejjed li l-bniedem, permezz tad-dnub, jintilef u ser jibqa' jintilef fid-dualiżmi, jehda jgħid li hu aħjar mill-ieħor u jasal joqtol biex isostni l-punt. Għalhekk Kristu qatt ma ġġudika, u dejjem fired dak li hu ta' Cesri minn dak li hu ta' Alla.

Naħseb ikun sabih kieku nitgħallmu, ibda minni, inpoġġu l-imħabba qabel il-liġi.

Ktibt il-punti tiegħi dwar id-divorzju hawn.

No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn