Monday, 30 January 2012

Minn Parisot sa Montesin

Hawn hi l-ħarsa lura lejn l-kollezzjoni mużikali ta' Brikkuni bl-isem ta' "Kuntra Banda". Filwaqt li nħarsu 'l quddiem għat tnedija tat-tieni kollezzjoni ntitolata "Trabokk", nhar is-Sibt 11 ta' Frar li ġej, ikun sewwa wisq jekk nġeddu l-memorja tat-tjubija ta' din l-ewwel ħarġa tal-brikkuni l-bravi. Huwa għalhekk li erġajt fittixt il-kliem li kont ħarbixt nhar it-Tnejn 17 ta' Novembru 2008 u qed nippubblikah hawn:


X'taqbad tghid f'mumenti hekk?

Kif immaginajt sa minn żmien ilu, kien mument minn dawk li tibqa tiftakar u li tittama li jkollok ċans tirrakkonta lil neputik fi xjuħitek:

"Il-Brikkuni - kien grupp kompost u magħqud li jitrasmetti ħafna enerġija. Il-Brikkuni - kien proġett għal qalb ċertu Mario Vella. Kien ukoll il-mera ta' Mario."

Għadni kif erġajt tpaxxejt nisma l-album waqt xogħoli u issa waqt il-ħin liberu. Ikolli nammetti li f'mumenti qabadni l bard u f'oħrajn saħansitra nħoss għajnejja jaħarqu. Huma varji l-mumenti meta nħoss li l-kelma użata f'din il-kollezzjoni tilħaq livell qawwi fuq varji aspetti.

Għal min għandu qalb, għal min hu kburi u ma jarax bħal barrin hawn huwa "Kuntra Banda".

Inħoss il-frosta tal-artist li jsawwat lil ħutu Maltin, aljenati fl-apatija, kważi kważi bħal bhejjem bla direzzjoni, isegwu biss kulur jew karta tal-vot... waqt li jżebilhu lir-refuġjat kburi.

Inħoss il-bikja tal-artist imbikkem quddiem poplu mnezza mill-kburija li għaliha kien dejjem jiddistingwi ruħu. Jibki lil ħuh, Malti, li b'xiber sogħba jaf x'qed iħalli warajh... dak li kien għal missierijietu Maltin! Dak li ħolom Parisot! Dan huwa l-innu lil Malta jew aħjar l-Innu Malti! - misħun bl-għasel!

Inħoss inkejja lejn dawk kburin li jmorru l-quddies u li f'aspetti jilgħabuha totalment bla konexxenza tal-verità!

Inħoss l-ironija tal-artist li jesponi mera quddiem il-poplu f'xewqa li dan jintebah b'min hu u minn fejn hu ġej. Kważi kważi jwerżaq fid-disprament li dan mhux iseħħ għalkemm ix-xewqa u l-isforz! U jistaqsi fejnu kulhadd?... jew ahjar "where's everybody?"



Inħoss id-djufija tal-artist li jitħabbeb ma' nostalġija ta' mħabba, mhux fuq sodda iżda f'dak il-qiegħ mimli ħlewwa. Mument tat-tkexkix kbir dan... u nerġa nisimgħu. "fil-qiegħ kien hemm ħlewwa".

Inħoss l-artist li jasal jtella lil persunaġġ sempliċi, rasu iebsa u "baxx" fuq pedestall... filwaqt li jniżżel lil bqija mitlufin fi kliemhom fiegħrah. Bikja lejn soċjetà mimlija xemgħa, lipstick u uffiċċji jleqqu – imma bla qalb li tħabbat.

Proġett immensament kontemporanju li jistaqsi fejn sejra Malta... fejn sejrin aħna bħala ndividwi bl-għerf kollu li jiddistingwina x'ħin ninstabtu hemm madwar il mejda tal-Jubilee.

U ngħalaq billi ngħid li kburi għax fhimt li l-artist jibki waqt li jgħajjat l-aħħar kelmiet fl-eletti... qed jasal jgħalaq ħalqu għax waħdu... għax hemm min għandu fejn jistemgħa iktar, għax hekk titolbok il-liġi, in-nutar. U issa f'idejk, f'idejja... li ma nħallux ix-xaħam jikber u jekk hemm bżonn, iva, nifilġu l-melodija u nkantaw mal-artist, ma' Marju, mal-Brikkuni!!

Aħna nistennewh reġa ġej, goff u selvaġġ jekk hemm bzonn! U jien ukoll nista' nieqaf hawn.

Grazzi Brikkuni.

Sunday, 15 January 2012

Politika deċeduta

Ma stajtx ma nieħux ftit tal-jiem sabiex inħarbex risposta lil sieħbi Robert Tabone Valletta li nhar l-Erbgħa 11 ta' Jannar, għoġbu jħallili risposta kemmxejn twila u maħsuba sew fuq il-paġna tal-facebook tiegħi dwar il-kontribut li qed jgħati Franco Debono lix-xena politika Maltija.


Klikkja hawn biex taqra  l-osservazzjoni oriġinali ta' Robert.

Kieku qrajt dak li qalli Robert mingħajr ma kont żammejt lili nnifsi aġġornat fuq is-sitwazzjoni, kont naqbel miegħu mingħajr diffikultà, biss inħoss li l-affarijiet ġew deskritti b'ħarira mpreċiżjoni jew taħt lenti essenzjalment anti-Debono.

Nemmen li l-kontribut tiegħu huwa konsistenti u marbut mal-valuri iktar milli l-kumdità - għall kuntrajrju tar-rutina politika deċeduta. Jiena minn naħa tiegħi ddeċidejt li nirrispondi dan il-ħsieb ta' sieħbi Robert, li min hawn insellimlu, billi nerġa nikteb l-istess storja fuq il-qafas tiegħu stess iżda bid-dettalji li, skont jien, jitfgħu dawl aħjar fuq il-fatti.

"Immaġinani nirkeb tal-linja (għax il-poplu vvutali sabiex inkun fuqha minħabba l-assoċjazzjoni tiegħi mal-bqija tal-grupp u għax ix-xufier wiegħed li ser jgħati vjaġġ b'uċuh ġodda)... nirkeb, niġi mitlub inpoġġi fuq wara. Ninnota li x-xufier jinsab imtellef minn klikka b'konsegwenza li kultant jitlef kemmxejn il-kontroll tal-vettura. Filwaqt li s-soltu min ikun fuq wara, joqgħod kemmxejn sieket, jien nħoss li xorta għandi nsemma leħni u f'daqqa waħda f'nofs ta' triq nibda nindika rotot oħrajn li x-xufier jista' jieħu. Huma toroq sbieħ u mportanti għall-pajjiż imma x-xufier, li issa nissuspetta li huwa kkundizzjonat sew mill-klikka, jidher li għandu prijoritajiet oħra u li konvint ħafna minn dak li qed jgħamel, minkejja l-perikli.

Għandi ninżel fil-waqfa li jmiss bħala sinjal ta' protesta? Le... dik tkun deċiżjoni wisq normali u għaġġelija. Allura niddeċiedi li ngħamel dak li nħoss għax wara kollox, dawk li vvutawli jistennew hekk minni. Nerġa nindika l-proposti tiegħi, darba, darbtejn, għaxart darbiet u fl-istess ħin li ninnota li anki passiġġiera oħra qed jiġu trattati ħażin jew injorati, ninduna li l-premessa inizzjali mhux qed tiġi daqstant miżmuma. Nitlob lix-xufier iwaqqafli fil-waqfa li jmiss, iktar minn darba, iżda huwa ma jixtieqx u anki sħabu ma jħallunix. F'din il-geġwiġija kollha hemm passiġġiera li kissru xi ħġieġ, oħrajn girfu l-wiċċ tas-siġġu u wieħed għoddu faqa tajer! Immaġinajt li ser iwiddbuhom u saħansitra jitolbuhom jinżlu, kif titlob l'etika fis-sewqan, biss ħadd ma qalilhom xejn - kważi kważi x-xufier beda diskursata ferriħija magħhom u spiss il-vettura titrassas ma' xi ħajt tas-sejjieħ - u naħseb tajjarna xi żewġ motorini wkoll!



Nirrabja u ngħolli kemmxejn il-vuċi lejn ix-xufier għax mhux sew isuq b'mod perikoluż u ma jgħatix każ is-sinjali tat-traffiku. Hemm ammont kbir ta' nies fuq barra li jinstemgħu jirrabbjaw u joffenduna. Filwaqt li l-kollegi tiegħi għadhom bilqiegħda jpaċpċu, nipprova ntella' l-handbreak għax konna qed inqarrbu żona perikoluża. Ġib il-għaġeb, ix-xufier jimbuttani lura. Nirrabja iktar, ninduna li x-xufier mhux interessat li jwassal il-vettura fid-destinazzjoni f'kundizzjoni tajba... kważi kważi iktar jinteressah li jaslu hu u sħabu.

Niġbidlu l-attenzjoni aktar billi niġbidlu t-tmun 'l bogħod minn dak il-ħajt li issa kien tant qrib. Jekk forsi mhux qed jara, imma kif jista jkun hekk trux u ma jindunax li kemm jien u anki dawk in-nies ta' barra qed nindikawlu rotta li taf tkun ta' ġid għall-proġett u l-poplu tagħna?

Ndur fuq sħabi u nuri r-rabja tiegħi lejhom għax anki huma fid-dmir li jindirizzaw dan is-sewqan perikoluż u li jista' jwassal għall-falliment tal-proġett - biss dawn xorta jridu jafdaw fix-xufier (għax qalu li kien elett xufier u kap tal-proġett b'mod demokratiku). Uħud minnhom insibhom qed jiddieħku bijja wkoll.

Lix-xufier nindikalu li jkun aħjar jekk ġaladarba jrid li jsalva l-proġett, jċedi postu għax issa qed issir ħafna ħsara u għaldaqstant tilef il-fiduċja tiegħi! Ngħidlu darba, darbtejn, għaxra... imma jibqa ma jagħtix kasi. Qisu ħadd f'dil-vettura ma' jrid jismagħni wkoll, iżda hemm barra jidher li anki vetturi tal-pulizija u tal-ambulanza jpaqpqu hemm sabiex forsi jiġbdulna l-attenzjoni... Le, naħseb meta jkun imiss li nimlew il-petrol, jien mhux se ngħinhom jimlew.

Forsi nirkeb il-vettura l-ħamra? Imma dawk kulma għandhom huwa
loudspeaker tajjeb li naf li bħalissa jħalluni nużah kieku... imma le, aħjar le - jien ma nemminx fl-istess prinċipji. Paċenzja, jekk jinbidel ix-xufier, naraw, biss, kif għidt, naħseb fil-petrol station li jmiss, nieqaf hemm."



Wara l-ewwel reazzjonijiet ta' rabja u passività lejn Franco Debono issa ż-żewġ partiti l-kbar bdew it-tieni fażi tat-tattika; dik li jilgħabuha tas-sbieħ quddiemu biex forsi jirbħu s-simpatija tiegħu. Politika essenzjalment deċeduta li għandha bżonn aġġornament mill-għeruq kulturali fost il-poplu, l-ewwel u qabel kollox.

Friday, 6 January 2012

Franco u l-"Yes Men"

L-iktar mument li ċaqlaqni fl-aħħar ġimgħa, le, ma kienx il-goal ta' Tim Howard, lanqas l-irwiefen tal-Ġimgħa u wisq iktar il-lecture ikkanċellat bla mistenni fit-8am.

Kienu ftit kelmiet li qaltli persuna mhux Maltija, mħarrġa u ta' ntellet għoli ħafna li spjegatli kif hawn Malta, l-ulied Maltin jitrawwmu f'sistema edukattiva u kulturali li tiprogrammak sabiex tifhem, tobdi u tieħu post dak ix-xwejjaħ li jirtira filwaqt li ma tgħatikx iċ-ċans tqum kontriha. Kultura tal-"IVA" u tal-"Yes Sir!" fejn min jgħid "LE" isir periklu nazzjonali. Kultura servili li nġorru bħala persuni u fl-opinjoni tiegħi anki bħala pajjiż, meta nitkellmu fuq termini ewropej.

Interessanti l-punt li jsostni dan l-argument; kumbinazzjoni punt għal qalbi wkoll... it-tneħħija tal-monument tas-Sette Giugno minn quddiem il-Parlament. "L-uniċi Maltin li qamu u mietu għad-drittijiet tal-poplu twarrbu mill-iktar pjazza mportanti tagħkom" - qaltli din l-istess persuna.

Tassew! Tgħid huwa minnu li s-sistema tipprova twarrab kull persuna jew tifkira li tista tfakkar id-dritt tal-protesta u/jew id-dritt tal-poplu li jmexxi pajjiżu?

Bis-sitwazzjoni fix-xenarju politiku ta' bħalissa, ma nsibx risposta oħra ħlief "iva" ċara u tonda! Dan narah ċar bil-metodi xejn eleganti li bih qed jiġi ndirizzat id-deputat Franco Debono fuq il-midja u netwerks soċjali. Nibdew bil-Professur Henry Frendo li ndirizzah bħala "a no-quantity back-bencher", u nkomplu bil-proġett mitiku fuq facebook fejn qed tiġi mitluba r-riżenja ta' Debono. Kien hemm min qallu li jħobb jiekol waħdu mill-platt u biex tkompli, bħalissa qed tinġabar petizzjoni minn xi kunsill sabiex jirriżenja. Dan kollu filwaqt li issues jaħarqu li nvolvew parlamentari oħra ġew injorati - kważi kważi b'nifs qawwi 'l barra!


Tassew sitwazzjoni tad-daħk, fejn għal darba oħra, ż-żewġ timijiet (li jaqblu biss waqt xi attività ta' ġbir ta' fondi fejn ikun hemm bżonn ħafna qargħa ħamra), qegħdin jużaw lill-Onerevoli Debono biex jiddefendu x-xibka qaddisa tagħhom.

Tal-PL, bdew jixgħelu x-xemgħat quddiem figuri ta' Franco Debono, jużaw b'ċertu entużjażmu, it-termini li ħareġ bihom hu bħal "oligarkija", "klikka" u "evil" u jibbettjaw fuq iċ-ċans li l-pożizzjoni tiegħu twassal lil Lawrence Gonzi jsejjaħ elezzjoni. Dan kollu biex jaħarqu lil kowċis, plejers u partitarji tat-tim il-blu.

Tal-PN, minn naħa l-oħra, ipenġu lil Debono (wieħed minnhom) bħala traditur, ikantaw l'"Hallelujah" lil Gonzi, u jiddeskrivu lil min jappoġġja atteġġjament bħal ta' Debono bħala megalomaniaċi. Kważi kważi nħoss li hemm min minnhom diġa lesta masġar u ħabel għal dan il-Ġuda! Saħansitra hemm min qal li kien hemm il-qniepen fil-kurva sud! Sforz kollettiv sabiex ma jħallux ħjiel ta' tort fuq il-gowler ta' jdejh sodi u biex ma jpaxxux lill-avversarji tal-flokkijiet u peduni ħomor.


Innutajt li ftit jifhmu eżatt is-sens li hemm x'toħroġ mill-atteġġjament ta' Debono f'dan il-mument. Hu x'inhu l-karattru ta' Debono, huma l-pożizzjonijiet li ħa f'dal mument li naħseb ta' min wieħed jirrikonoxxi. J'Alla li għal kuntrarju tas-Sur Engerer ma' jaqsamx il-pitch u għal kuntrarju ta' JPO ma jibqax fejn hu, kontra qalbu! Naħseb wasal iż-żmien li bħalu nisħqu li hemm bżonn tinbidel il-mentalità fejn il-Partiti jiġu qabel l-iStat. Fejn hemm bżonn ma naċċettawx aktar sistemi fejn il-klikek igawdu.

U jekk jifdallek dubju kemm dan huwa minnu, tidħol facebook u ssib diskursati hekk minn partitarji nazzjonalisti:



Issib ukoll diskussjonijiet simili minn partitarji laburisti li filwaqt li jittamaw f'elezzjoni minn fuq l-għoġol sagrifikat, jiddiskutu kif fil-futur, persunaġġi "perikolużi" bħalu ma għandhomx jitħallielhom ċans li jkunu fil-Parlament! Li ma jmurx jiġbdu l-attenzjoni fuq problemi fit-tmexxija u jtellfuhom mill-poter:



X'nikkonkludi minn dan kollu? Nikkonkludi li l-aqwa deskrizzjoni li qatt ingħatat tal-akbar 2 partiti Maltin irnexxielu jgħatiha biss is-Sur Norman Lowell. Nikkonkludi li l-Prim ħa erbgħa snin sabiex jgħati każ ideat validissimi ta' wieħed mill-MPs eletti, li ġenwinament jidher entużjast u lest li jaħdem. Nikkonkludi li min illum qed jitmejjel b'rappreżentant tiegħu/tagħha għax ftaħar bir-riżultati tal-iskola filwaqt li jinsa li dan tkellem ukoll dwar realtajiet li kienu qed jintefgħu taħt it-tapit, ma jafx jiżen is-serjetà tal-politika! Nikkonkludi li dak huwa autogol u li dawn il-Yes Men huma il-vera Skarjota. Dak li xeħet dawl fuqu Franco Debono huwa iktar importanti mill-persunaġġ u m'għandux jiġi njorat, huwa x'inhuwa s-sors!

Is-SALE ta' Jannar

Għadda l-Milied u wasal żmien is-sales. Għandek idea meta f'Diċembru ċertu ħwienet jgħollu l-prezzijiet sabiex f'Jannar jiksu l-vetrina bil-kliem SALE, SALE, SALE?

Fil-bidu ta' din il-leġislatura Lawrence Gonzi approva żieda ta' 500 fil-ġimgħa lill-MPs, imma issa, ftit minuti ilu ħareġ jgħid li ser ineħħiha "sabiex jgħati l-ewwel sinjal li l-Gvern qed jieħu azzjoni biex insalvaw l-ekonomija u nilqgħu għall-mewġ tal-2012"...

Strateġija ta' SALE ikolli ngħid!


Appuntu hemm fejn nerġa ntenni l-apprezzament tiegħi lejn Franco Debono meta jgħid (nikkwota mit-Times of Malta)

"What happened today means that Lawrence Gonzi, who did not resign after blatantly disrespecting the will of the majority expressed in a referendum, must now resign immediately since this is an admission that the country has gone through four years of suffering uselessly,"

u

"Today's decisions, he said, also meant that there were characters lurking in the background and manipulating behind the scenes. "It also means that I have been right all along and every advice I have given should have been implemented without causing undue suffering to this nation, and to me."

Ma nistax ma nirringrazzjax il-kuraġġ u stamina ta' dan il-bekbenċer li tassew irrispetta l-fiduċja li ngħatatlu fl-elezzjoni u qam għall-ġid tas-sistema.

L-ironija hija biss li fis-Sales ta' Jannar, ħafna minn dawn il-ħwienet xorta jgħamlu suċċess fil-bejgħ tagħhom u probabilment anki din l-istrateġija politika taf issarraf f'riżultati pożittivi għal Gonzi. Biss biss, meta tara l-insulti li jirċievi Franco Debono mill-partiġġjani nazzjonalisti fuq Times of Malta tieħu sensazzjoni li s-sales ser iħallu l-qliegħ!

Tuesday, 3 January 2012

Traffiku mit-traġedja

Niftakar f'Sarah Scazzi - dik it-tfajla ckejkna minn Avetrana fl-Italja, li fl-aħħar xhur ta' l-2010, spiċċat fuq kull rokna tal-midja taljana wara l-qtil traġiku tagħha. Kien każ ikexkex u sforz dan kulħadd ried jitkellem, kulħadd ried isir jaf aktar, kulħadd xtaq ġustizzja. Il-familjari, komplici jew le, illum saru persunaġġi... fejn saħansitra saru kostumi tal-Karnival jirrappreżentaw liz-ziju tal-istess tfajla, Michele Misseri li kien l-ewwel suspettat. Imsomma, il-midja għamlet sensazzjoni mmensa minn dan il-każ u għaddew numru ta' ġimgħat mhux ħażin qabel ma' xi ħadd beda jistaqsi dan kienx sew; qabel ma xi ħadd induna li ħafna gawdew minn fuq din it-traġedja.


Tgħid qed nitħajjru nirrepetu l-istess eċċellenza ta' etika hawn Malta? Jidher li l'hemm mexjin. Fi ġranet fejn hemm ftit x'tirrakkonta, fejn saħansitra lbieraħ rajna servizz tal-aħbarijiet dwar logħoba futbol bejn l-iljunfanti, nafu, anki aħna, naqgħu f'apatija mpekkabbli. Seħħ delitt u qed naqaw fir-redikolu li nirrakkuntaw kull pass u kull dettall li suppost huwa kompetenza esklussiva tal-Pulizija.

Issa ngħid jien, x'jidħolli u joħroġli mid-dettalji dwar delitt makabru li seħħ f'xenarju privat? X'inhu l-irwol tal-midja f'sitwazzjonijiet hekk? Xi prinċipji ġew mgħallma lill-ġurnalisti preżenti? X'inhu l-iskop ta' ċertu bloggers li ppreferew jikkwotaw l-istess inutilità nformattiva? Tgħid jattiraw ftit traffiku lejn kitbiethom?

Nawguralkom is-sena t-tajba ħbieb!