"Qatt xtaqt terġa tibda ġurnata mill-bidu?
Għid il-verità?"
Iva, kien hemm ġranet li xtaqt nerġa ngħix, mhux biex nibdilhom iżda sabiex, appuntu, nerġa ngħix kelma b'kelma, pass b'pass, ħarsa b'ħarsa, bikja wara bikja.
Kjaroskur, id-dramm tal-grupp teatrali Dù li kelli l-pjaċir nattendi għalih illejla, huwa miżgħud bis-sempliċità ta' ħajja, kultant imżejna bl-apatija, ta' erba' karattri, sfaċċatament opposti jew kumplimentari – saħansitra fil-kulur u stil tal-ħwejjeġ.
Id-dramm tal-mirja. Il-mirja fejn in-nisa rqaq jaraw lilhom infushom ħoxnin, fejn ir-raġel jilmah f'martu lill-falliment emozzjonali ta' snin ilu, fejn il-mara tara refuġju f'art barranija u fil-logħba tas-sess liebes qrun. Mirja li juru opposti f'ġudizzji, f'karattri, f'tattiċi ta' ċrieki soċjali.
Il-flashbacks jgħejjuni.
Linji diġitali u vertikali ta' qtar ix-xita jiltaqgħu ma linji naturali u oriżontali tal-ħasira filwaqt li jitħalltu ma' mumenti umani ta' kuljum, li jafu jevolvu f'traġedji. Saqajn twal, ġenbejn kbar, xagħar folt mgħaqqad u l-udjenza spiss tidħak minn wara l-ħasira.
Nintefa quddiem il-mera. Minjaf? Forsi l-aħħar sena kaxkartha f'ħoġri ġewwa t-teatru ta' San Ġakbu u lmaħt l-opposti: iċ-ċar u s-skur fi traġedji tant familjari taħt sfond mużikali iterter mill-Islanda.
Tfaċċaw xi flashbacks.
Nota: Minn qalbi ngħid prosit lil Simone tal-ħsieb wara dan id-dramm dettaljat dwar sempliċità kwotidjana. Grazzi lill-erbgħa atturi tal-karattri li fasslu, grazzi lil Pierre Portelli tas-sett kurjuż u grazzi lil Dù għall-prodott li preżentaw.
Kjaroskur jerġa jinżamm illejla s-Sibt 31 ta' Marzu u għada l-Ħadd, l-1 t'April fit-8pm ġewwa l-Kavalier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta.