Pittura ta' Virginia Broersmal |
Naħrab minn ġismi u dil-forma, difettuża, xejn interessanti. Naħrab f'art mingħajr toroq u hemm naħbi moħħi u ħsibijietu - u nħallieh jhewden u jhewden sa ma jitfaċċa serp kiefer u jibilgħu bla wisq posati, fradal jew manjieri tal-mejda.
Naħrab mill-kliem sabiħ li nħela minn persuni li kienu f'ħajti fil-passat u li llum sparixxew bla wisq ħabblu sufhom... għax hekk kien hemm bżonn forsi. Naħrab mill-ħsibijiet dwarhom. Naħrab mill-ħabs ta' ħolm din id-dinja u nfittex art taħt stilla bħal f'ta' Betlem - fejn ruħi ssib fejn tkanta "glorja" jew forsi tirgħa ma' erba' mogħożiet umli.
Nixtieq... naħrab mill-leblieba li nħobb, sa ma nsib spazju fejn l-imħabba titfaċċa quddiemi u mhux tibqa' tikolni minn ġewwa. U f'dak il-mument insellmilha, u naħrab b'kemm għandi saħħa fejn qatt aktar ma naraha jew nisma dwarha. Idealment f'post fejn bħall-mibgħeda, l-imħabba mhix kunċett. Naħrab minn imħabba marida, li trid tħobb biss lilha nfisha. Naħrab minn imħabba li tilgħabha ta' ġest ta' karità... Naħrab minn l'Univers li jobdi lill-imħabba kif jirrakkontaw Battiato u Consoli.
Naħrab, nixtieq naħrab, anki minnek li qed taqra u qed tinterpreta dak li qed taqra skont x'tarrfitlek ħajtek. Għax ħajti qaltli mod ieħor. Għax jien mhux bħall-irġiel l-oħra.
"Mare mare mare voglio annegare
Portami lontano a naufragare
Via via via da queste sponde
Portami lontano sulle onde"
Għoġbitni ħafna din ir-riflessjoni. Nixtieq naħrab jien ukoll. Ġieli jirnexxieli u ġieli le.
ReplyDeleteGrazzi Sur Bonello. Napprezza li lqattek b'xi mod.
Delete