Jgħidu li kollox għandu tmiem. Biss ċertu tmiem jħalli wisq togħma tajba biex ikun jistħoqqlu jissejjaħ hekk. Għaddiet ukoll din il-mawra qasira fil-belt eterna ta' Ruma. L-Italja, bid-difetti kollha tagħha tibqa' ġenna tal-art f'għajnejja. Art fejn issib il-kultura magħġuna mal-poplu. Art fejn issib il-passat, il-preżent u l-futur. Fejn sibt ftit kulur.
Minn platt amatriciana, għall-ġelat taz-zabaione. Miċ-ċentru storiku mdawwal, għall-periferija mdallma; kważi kważi, diżabitata. Minn tfajliet u ġuvintur jarmu s-sbuħija għal nisa u rġiel jitħabbu mal bankina. Minn knejjes b'arti sagra, għal mużewijiet b'arti, għal ħafna, profana. Minn stabbilimenti li jbiegħu l-ferħ kosmetiku, sa oħrajn li jbiegħu ħsieb profond. Mill-pixxatur ta' Duchamp għall-latrini sofistikati tal-ajruport. Minn Minn toroq imdaħħna b'karozzi mgħaġġlin, sa ġonna wiesgħa miżgħuda gawwi u tħaxwix is-siġar. Minn Kahlo, għal Heckel, għal Keats, għal Pawlu ta' Tarsu, għal Spalletti, għal Rodin, għal Mogwai.
Żgur li l-akbar emozzjoni kienet ilbieraħt lura, meta fuq dak il-palk fl-awditorju ta' Piano, tfaċċaw Mogwai, introduċew lilhom infushom bħala band minn Glasgow u nfexxew idoqqu Heard about you last night, segwita minn Friend of the Night. Illami! Kif tista żżomm lill-qalb milli tħabbat tnax tnax, lid-dmugħ milli jitfaċċa u lix-xewk xewk milli joħnoq ġismu kollu, kull sekonda, ma' kull nota!? "Grazie, thank you, cheers" kienu l-kliem ta' Braithwaite bejn kull silta u oħra... tant li kien hemm min ironiżża bill-sejjaħlu "chiacchierone". Sittin minuta, jew ftit aktar, ta' emozzjoni pura qalb folla entużjasta daqsi u aktar minni.
Emozzjoni oħra żgur li kienet il-mawra sal-Katidral ta' San Paolo fuori le mura. Ma nafx x'fatta iżda hekk kif kont hemm, quddiem dik il-biċċa ġebla li timmarka qabru f'katidral lussuż, ħassejtni kalm, kważi żżejjed. Erġajt fakkart lili nnifsi f'dan ir-raġel li aċċetta bidla f'ħajtu u għal raġuni, li nafu naqblu jew ma naqblux magħhom, għamel vjaġġi meraviljużi biex jentużjażma lil ħafna popli. Tassew ispirazzjoni sabiex anki nirrifletti dan kollu fuq il-vjaġġ tiegħi illum, jien li xi ħadd sejjaħli "Pawlu ġdid".
miktuba lura f'Awissu 2014
No comments:
Post a Comment
Ikkummenta hawn