Fi triqti mill-istazzjoni lejn iċ-ċentru ta' Firenze kelli kunflitt ta' ħsibijiet: bejn l-eċitament li daqstant tard f'ħajti ser immiss ir-realtà ta' din il-belt tant maħbuba fost dawk li jħobbu l-arti iżda wkoll kemmxejn ta' biżà mill-fatt li fi ftit ħin dik l-immaġini idealiżżata ta' belt meraviljuża setgħat tisfaxxa fix-xejn. Għal mument l-immaġinazzjoni u r-realtà lletikaw b'qilla sħiħa ġewwa fija.
F'dawk il-passi bdejt nirrealiżża kemm għalkemm mingħalija "naf ħafna" dwar l-arti, biss ma kontx naf x'qed jistennieni wara dawk l-ewwel ħitan. Lura xi snin ilu diġà kelli nkun hemm biss għal xi raġuni jew oħra, jien u Stephanie konna għamilna bookings ħżiena! Oħti bdiet tirrakkuntali x'kien ġej għalija imma jien, dieħel ġo dik il-ħolma li ħlomt spiss u li issa kont ser nikxifha, bħal qishom ingħalquli widnejja.
Bħalissa ninsab hawn lura f'kamarti ġewwa, jew aħjar, fuq l-għatba tal-isbaħ belt fid-dinja iżda l-memorja ta' Firenze għadha tberren bi ħlewwa waqt li nisma l-melodija ħelwa, b'xi kliem kemmxejn patetiċi, ta'
'Firenze Santa Maria Novella' ta' Pupo. Laqtuni numru ta' affarijiet minn din il-belt.
Il-kelma ideali hija 'sakra'. Tgħoġobni l-kelma 'sakra'. F'Firenze trid tkun lest tisker bl-arti sakemm anki tasal tmur f'rokna tirremetti u terġa tmur tisker… L-ewwel sakra lili ġietni hekk kif wara l-mixja mill-istazzjon għal
Via dei Calzaiuoli, sibt il-Katidral ta'
Santa Maria del Fiore hemm, quddiemi, ġigantesk, goff, kważi kważi jmur lil hinn minn kull proporzjon li l-uman jista' jitħadded dwaru. Spiċċajt b'ħalqi miftuħ, forsi bħal meta kien
skorja Totti kontra s-Sampdoria snin ilu. Bqajt b'ħalqi miftuħ ukoll quddiem il-
Bisteccha Fiorentina tat-'
Trattoria Angiolino', irrakkomandata b'saħħa minn sieħbi Gabriel. L-istess effett kellu l-ġelat tal-ġelaterija GROM kif irrakkomandat minn sieħbi Simon.
Bħal dejjem, fittixt li nsib lill-poplin fil-belt iżda nammetti li ma kinetx xi ħaġa faċli hawnhekk. Għalhekk ukoll, il-kunċert spettakolari ta' Lorenzo Cherubini, a.k.a. Jovanotti fl-istadjum tal-Franchi, tani nifs. Hemm stajt induq togħma tajba tal-poplu Fiorentin. Nammetti li qam ġismi xewk xewk nismahom ikantaw
il-kanzunetta ta' Pupo b'vuċi waħda qabel ftuħ il-kunċert.
Jovanotti? L-aħħar li kont rajtu kien fil-Luxol wara Limestone Kick. Illum immatura aktar. Joffri spettaklu komplut. Jovanotti jirnexxielu jgħaqqad l-arti tal-mużika ma' dik kontemporanja viżiva kif ukoll element qawwi ta' teatru u film. Il-mużika u speċjalment il-kitba ta' Cherubini tgħaddili ħafna enerġija u nħoss li dan il-mument għeni nerġa nispira ruħi sabiex inġib lura dak li ħaddieħor qatel fija.
"Abbiamo confidenza con i demoni interiori
sappiamo che al momento giusto poi saltano fuori
ci sono delle macchine che sembrano un miracolo
sappiamo come muoverci nel mondo dello spettacolo
eppure ho questo vuoto tra lo stomaco e la gola
voragine incolmabile
tensione evolutiva
nessuno si disseta ingoiando la saliva
Ci vuole pioggia, vento
e sangue nelle vene
pioggia, vento
e sangue nelle vene
e una ragione per vivere
per sollevare le palpebre
e non restare a compiangermi
e innamorarmi ogni giorno ogni ora ogni giorno ogni ora di più"
Fl-aħħar jiem ġewwa Firenze, laqtuni żewġ graffiti li kienu jgħidu xi ħaġa tipo
"Fermate la città vetrina" u
"Occupa le case". Messaġġi li bħal qisu kkonfermawli li dak li ħassejt tul dawn il-ħamest ijiem kien minnu: filwaqt li Firenze hija belt li ma tħallilekx għażla ħlief li tisker fl-arti, fil-perfezzjoni arkitettonika, skultura u maestrija, ma tgħamililekx faċli ssib lir-ruħ tal-Fiorentini tal-llum. Bil-flus xtrajt il-biljetti biex stajt nidħol l-
Uffizi u anki l-
Galleria dell'Accademia. Bil-flus u bi stennija fi kjuwijiet twal tista' tgawdi l-arti klassika, dik istituzzjonaliżżata imma lill-poplu Fiorentin trid tistinka biex issibu. Skantajt kemm nies lesti jqattgħu siegħat twal fil-qilla tax-xemx sabiex jidħlu jieħdu
selfie ma' David jew jqattgħu ħames minuti quddiem it-'Twelid ta' Venere' ta' Botticelli. Mumenti sbieħ tara dawn il-klassiċi quddiem għajnejk u tiskopri oħrajn li forsi qatt ma tkun smajt bihom iżda nasal naqbel li Firenze hija kemmxejn ta' vetrina fejn l-istituzzjoni tal-arti tinħass aktar mill-espressjoni libera tal-poplu. Nistħajjel li huwa diffiċli għal artist kontemporanju li ma jħossux fgat minn tant tjubija tar-Rinaxximent. Ħadt gost ninduna li kien hemm l-proġett
'Human' ta' Gormley għalkemm ma sibniex ħin immorru narawh. In-nuqqas tal-kontemporanju lokali f'belt daqstant kbira jinħass u nħoss li huwa argument importanti f'kuntest ta' belt tant sinjura b'arti li għamlet x-xorti tal-Ewropa u anki tar-razza umana. Nittama li għandi żball, filwaqt li nestendi l-argument għal fuq il-Belt tiegħi.
Ħadt gost inżur xi bottegi u nibda' diskursati ma' ħaddiema jew imprendituri ta' ħwienet. L-arti hija dik li sseħħ ta' kuljum minn dawn in-nies. Fost dawn insemmi lil Michele ta'
Move On | Finest Beer Best Vinyl, lit-tlett tfajliet ġewwa
Quelo Bar, lill-
Contempo Records, lill-bottegi tal-ġilda ġewwa l-Bażilika ta' Santa Croce, lix-xufiera tal-varji 'buses' u lill-ħaddiema fit-
Trattoria Gustoleo. Il-graffiti, fil-maġġoranza artistiċi, li jitħallew tul it-toroq ukoll huma sinjal tal-poplu tal-llum.
Forsi huwa mpossibbli ssir taf belt b'daqstant storja f'ħamest ijiem aħseb u ara lil niesha imma ma nistax niċħad li sirt inħobb lil Firenze xorta waħda. Belt miżgħuda bi sbuħija li ironikament għandha bżonn rinaxximent; twelid ġdid f'dak li huwa llum biex hekk kif diskuss
f'dan l-artiklu, ma tkunx belt mużew imma belt ħajja bit-Toscani u t-talenti kontemporanji tagħhom.