Wednesday, 27 February 2019

Kantiku għall-emozzjoni

Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa ntensi. Emozzjonijiet, waħda wara l-oħra. U issa fl-aħħar għaxar minuti tal-aħħar siegħa tas-26 ta' Frar xtaqt inħarbex kelmtejn għal din il-memorja.

Il-jum beda b'diskursata ma' Alex dwar il-crowdfunding b'risq l-appell kontra l-iżvilupp tal-bajja tal-Mistra. Kien jonqos €2000 sabiex jintlaħaq l-ammont mixtieq. Qsamt ix-xettiċiżmu u riżervi tiegħi ma' Alex u bħal dejjem, fhimna lil xulxin. Awgurajtlu li l-iskop jintlaħaq u komplejt bil-ġurnata.

Il-vuċi ta' Faber minfuq Spotify lissnet lament li noħlom li xi darba ninseġ bħalu, jekk mhux diġà għamilt. Kliemu akkumpanjani waqt li erġajt ħdimt fuq ritratt grafiku li kont ħallejt l-lejl ta' qabel. Kienet ilha ma titfaċċa l-muża tal-kulur u l-forma imma ħdimt fuq wiċċ li ispira nifs ġdid f'ħajti fl-aħħar xhur.

Matul il-jum kelli diskursati mhux mistennija. Uħud ma' familjari, imħabbiet passati, oħrajn ma' nies li ma stennejtx. Diskursata ħelwa, bħas-soltu, iżda qasira din id-darba, ma' Ray tal-kwadri li għalih kienet maħluqha l-kelma "bieżel". Għalkemm b'mobile sieket, fi triqti mill-Mosta, bdiet b'sorpriża l-ewwel taħdita li laħqet il-qofol meta aktar tard kont ser inħalli parkeġġ fil-Ħamrun. Sadattant diskursata partikolari ma' persuna li qajla kont naf waslitli aħbarijiet li qatt ma stennejt. Erġajt ftakart kemm hawn bnedmin li jafu jgħixu f'paċi mal-gidba tagħhom infushom u kemm oħrajn isibu serħan f'imġieba vjolenti u pastaża. Ta' sebgħa u tletin sena aċċettajt li din hija tassew verità għal ħafna.
Lura lejn il-kapitali, mort inżur l-esibizzjoni artistika ta' sieħbi James Vella Clark. Fettilli nsib parkeġġ qrib. Dħalt fl-ispazju tal-esibizzjoni bi sħaba madwar rasi. Ma nafx, bħal qisni ma kontx hemm. Qrajt l-introduzzjoni stampata fid-daħla tal-ewwel kamra. U toqgħod tgħid Convergence, deskritta bħala "layers of experience come together to form something new and unique to what previously was. a layer upon layer of experiences, lessons, achievements, losses, regrets, aspirations". Kollox beda jieħu forma... 

Inħoss li James, sa qabel kont sirt nafu, dejjem tkellem lingwa li paxxietni fl-arti tiegħu. Inxebbħu mal-effett tal-lingwa Sirjana, li skoprejt fl-aħħar xhur u li għax tixbah il-lingwa tiegħi, tpaxxi s-sensi u xxennaqni nissemma kurjuż biex insir naf aktar. Ma niftakarx f'liem ordni dort max-xogħolijiet iżda niftkar li Yellow Morning u Erasing Memories serquli ħafna ħin. Dawn iż-żewġ biċċiet wasluli enerġija li kelli bżonn illum; kalma, rassenjazzjoni u fiduċja pożittiva. L-isfar maħruq dejjem kien il-kulur favorit u fih insib ħafna minni. Filfatt Yellow Light II u Yellow Light III irreżonaw ukoll. Poġġejt ftit bilqegħda u sraqt xi ritratt bil-mobile. Id-dmugħ feġġ quddiem Abstract in Red and Black. Biċċa xogħol vjolenti ħafna li tikxef lill-artist fil-profond kollu tiegħu għal min jaf jaqraha. Biċċa xogħol li tirrifletti silenzjuża imma ma tiskot qatt.
Erasing Memories

Yellow Light II u Yellow Light III
Abstract in Red and Black
Shazam qalli li fl-arja kien hemm mużika klassika għaddejja. Bach, J.S.: Suite for Cello Solo No.6 in D. Akkumpanjament f'waqtu li aktar tard skoprejt li kienet il-mużika li akkumpanjat lill-artist fil-kreazzjoni ta' dawn ix-xogħolijiet. Referenzi oħra għal dan il-ħoss fit-titli Dvorak, Chopin u Frederick's Garden. 

Pjaċir li nara l-iżvilupp li għadda minnu James anki 'l bogħod mill-landscapes ċelebri li spiss bżajt li kienu għoddhom ser jitfawh f'gaġġa. Xogħolu jilgħab mill-vjolenti, goff, sfaċċat u salvaġġ għas-seren, mistħi u nnoċenti. Għalkemm inħoss iktar kumdità fl-ewwel forma, nammetti li l-kontroll taż-żebgħa fit-tieni huwa xi ħaġa ammirevoli. Fuq kollox il-kompożizzjoni, l-moviment u t-tqassim tal-kulur f'xogħol James minn dejjem sibthom brillanti.
Yellow Morning
Lura lejn id-dar nirċievi aħbarijiet li ma stennejtx fit-tieni konverżazzjoni virtwali. Bqajt kemmxejn sorpriż. Sorpriż mill-kontenut iżda wkoll mill-koinċidenzi ta' kliem li ingħad lili fl-aħħar żmien u t-tema ta' xogħol James. Nies minn ċrieki u kulturi differenti li ħajjruni ma ninsiex li Alla biss għandu kontroll fuq il-ħajja.

Fit-tard mort fid-dar tal-anzjani. Lina qaltli li tħossha waħedha u tibki ħafna. Qaltli li idejja kienu kesħin. Qaltli biex nibqa' mmur naraha u biex inwasslilha l-messaġġ. Tereża qatt ma ltqajt magħha qabel illum. Magħdura ħafna tidher imma mis-sodda sellmitli bil-qalb.

Erġajt lura d-dar u rajt il-partita tal-Lazio kontra l-Milan. Xejn b'xejn ir-riżultat u anki l-kontenut. Wara xegħelt mobile antik u sibt messaġġi antiki varji li komplew mal-lista ta' emozzjonijiet.

U fl-aħħar waqa' silenzju. Ħadd ma baqa' jitkellem. Allura ktibt. Għax kollox għad ninsa. Kollox għad jintesa. Jekk mhux bil-kitba. Jew moqri f'pittura. Forsi.

Tuesday, 19 February 2019

X'fakkritni d-dementia

Id-dementia hija kundizzjoni li tnawwar. Nistħajjilha moffa. Kundizzjoni li tbikkem lill-vittma waqt li din tagħraf it-telfien ta' kull fakultà iseħħ bla ma tista' tintervjeni. Id-dementia hija kundizzjoni li tħoll il-bniedem minn kull ħsieb u tifdi lir-ruħ fuq din l-art. Tkisser kull forma ta' prużunzjoni u tfakkar li din il-ħajja m'hija xejn ħlief stadju.

Id-dementia ittambar turment kontinwu fil-qalb u fir-ruħ, ta' min jgħixha minn distanza. Bħal gas li joħnoq in-nifs, jew par idejn marsusa ma' għonqok li jeħdulek kull tama. Id-dementia teħodlok kollox, bil-mod il-mod; u għalkemm b'pass kwiet, tqaċċatlek kull xifer ta' sens minn din il-ħajja.


Id-dementia teħodlok u titliflek lil min b'saħħtu kollha xtaq ikun hemm għall-vittma imma jħoss qalbu mfarrka u vojt kbir jiċċirkondah. Teħodlok ħafna mill-iskop li titkellem ma' nies li ma jistgħux jifhmu u jibqgħu jippretendu li kollox jibqa' kif dejjem kien. Teħodlok lil min bil-kliem biss isibha faċli l-kelma "inħobbok". Teħodlok l-enerġija, il-motivazzjoni li tgħarrex waħda friska, l-orjentament, l-iskop. Toħloqlok baħħ.

Id-dementia bħal riefnu fuq xtajta; tkaxkar kulma ssib frivolu, giddieb jew mibni fuq ir-ramel.

-

Id-dementia ħaditli wisq u żżejjed imma nessietni il-knis tal-ħajja. Id-dementia fakkritni li quddiemi hemm l-isbaħ ħolqien; dik li tatni l-ħajja. Id-dementia offrietli ftit nies li bħali għexuha u fil-fraġilità estrema li jinsabu fiha, jitkellmu u joffru sapport. Id-dementia urietni li tbissima tfisser eternità. Li ġismi wkoll xi darba għad irid jitniżżel minn fuq sodda minn żewġ irġiel li ma nafx u jintefa' b'galbu f'kaxxa. Id-dementia reġgħet fakkritni li jifdal biss ħaġa waħda... fi kliemek ħabib: "Ħobb-ha". L-imħabba biss tibqa'.

Ħsieb b'dedika u rispett lejn in-nies li nħobb, oħrajn li sirt naf fl-aħħar xhur, raġel umli li sirt naf dan l-aħħar u ommu li ġiet nieqsa llejla. R.I.P.

Wednesday, 13 February 2019

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.


Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 

U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv - mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu - pjuttost bil-kontra!