Wednesday, 13 February 2019

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.


Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 

U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv - mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu - pjuttost bil-kontra!


No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn