Illum facebook inħakem minn għadd sostanzjali ta' partitarji fidili lejn iż-żewġ partiti l-"kbar" (jistħoqqilhom dak l-aġġettiv?) li b'demmhom ibaqbaq, ippostjaw videos u ritratti ta' meta, lura fis-snin, uħud minn missirijietna (naħseb minn kien moħħu f'postu kien id-dar ma' uliedu) kien għoġobhom jgħamlu sessjonijiet free for all fit-toroq tal-għażiż pajjiżna. Titli bħall "Dak li ħaddieħor irid inessi" jixraqilhom rispett li kieku qegħdin fuq faccata ta' xi rumanz letterarju. Sadattant iva, nitbissem.
Għadni kif qrajt u smajt li l-Prim għadu kif inawgura kampanja li tfakkar il-25 anniversarju minn mindu x-xjaten ħomor, allegatament jew mhux, kienu vjolenti mal-arkanġli nnocenti l-blu.
Eżemplari l-Prim! Bir-raġun din il-ħeġġa fuq facebook, din ir-ragħwa mal-ħalq. Jippostja xi ħaġa Cikku u f'kemm ili ngħidlek ikollu xi 50 'like', 20 'share' u xi 200 'oh no, not again'.
Tiskanta kif il-Maltin għadhom jiccelebraw mumenti meta l-injoranza, sforz il-partiġġjaniżmu, spikkat fl-aqwa tagħha. Tiskanta kif persuni, li nqishom mal-kategorija ntelliġenti, kważi kważi jgħatuk impressjoni li jixtiequ "tpattija" sforz il-memorja.
Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi ħadd ippostja l-videoblog ta' Saviour Balzan, li kważi kważi kien ser ineħħili x-xewqa li nikteb din il-bloggata għax tassew ġabar ħafna punti krucjali b'mod essenzjalment intelliġenti u galbat. Grazzi Sur Balzan.
Wara l-ewwel xahrejn tiegħi l-Università, dik l-istituzzjoni li tant niftaħru biha meta niġu għal statistici u press releases, nidħak iktar meta niftakar li dawn iż-żewġ partiti 'żgħar', u l-mibgħeda li jkomplu jinsġu fil-partitarji tagħhom, huma l-ewwel ostaklu għall-istess intelliġenza tal-poplu Malti.
Fl-aħħar nistaqsi u ninnota... Ma ngħamlux mod li min jixxerja dawn il-videos jiġi mogħti stilla fuq il-pitazz tal-Partit rispettiv hux? Jew forsi diġà ddobba xi stilla? Forsi xogħolu jiddependi mill-kumpanija politika li tant jissapportja u allura ma jridx li din titlef il-poter akkost ta' kollox? Minjaf? Kos! Tgħid min jippostja dawn il-videos jifhem li anki hu qed isawwat... l-intelliġenza ta' ħaddieħor?
Lou Bondì - probabbli wieħed mill-aqwa ġurnalisti televiżivi Maltin ngħiduha kif inhi - specjalment jekk tqis is-success li kellha kull trasmissjoni li dderieġa. Insegwi u nammira l-metodi assertivi u mill-ifjen kif jipprova jixref jisposta minn fuq ilsien il-mistieden, kważi priża, tiegħu, imma nispicca rritat u rrabjat quddiem il-mod kif kull argument jispicca b'xi mod jinterpretah minn perspettiva li tixħet dawl sabiħ fuq il-Partit Nazzjonalista u persunaġġi relatati - specjalment f'daż-żmien prekarju.
Eżempju car illejla: id-diskussjoni titratta l-vot ta' fiducja li l-Prim Ministru talab lil Parlament. Bondì jibqa jiddeskrivi l-vot tal-PL bħala vot sabiex jaqa' l-Gvern minflok vot kontra din il-mozzjoni tal-Prim! Il-perspettiva li tixħet dell fuq l-oppożizzjoni terġa tirrenja. U nistaqsi għalfejn ġaladarba jidhirli li Bondì huwa ġurnalist indipendenti.
Wara ftit - Bondì jqajjem argument off the cough sabiex il-mistieden Anġlu Farrugia, jfiehem għalfejn il-PL m'għandux fiducja fil-Prim. X'ikun l-argument off the cough? - lanqas temmen, il-Libja! L-uniku xenarju politiku fejn iż-żewġ partiti qablu u fejn il-PL ħadmu id f'id mal-Gvern. L-uniku xenarju fejn Anġlu Farrugia ma setgħax jikkritika lil Prim. Lanqas fis-Super 5 ma taħqrek hekk ix-xorti għażiż Sur Farrugia!
Interessanti l-pressjoni sabiex ikun jaf il-pjanijiet li għandu l-PL jekk dan ifettillu jkun fil-Gvern imma fl-istess ħin juri filmat fejn il-Prim illejla fil-Parlament iccelebra l-fatt li l-protesta tal-Ġimgħa li għaddiet, ma kinetx ta' pensjonanti li mhux ilaħħqu mal-ħajja, ta' familji bil-ġuħ jew ta' studenti li m'għandhomx access għall-edukazzjoni, imma ta' nies li sabu li r-riformi fit-trasport pubbliku ma ffunzjonawx! Tibqa' bla kliem - imma wara kollox huwa l-airtime tiegħu, ngħiduha kif inhi! U allura ħa nħallih bi kwietu issa.
Qed ngħixu politika fejn minflok nammettu żbalji ħoxnin li qed isiru fl-amministrazzjoni bħalissa, nippuntaw subajna u kważi nwaħħlu f'min jixtieq u jaspira li jmexxi fis-snin li ġejjin! Il-Prim, minflok jirrealiżża li għandu l-poter, u allura c-cans li jtejjeb il-pajjiż, jibqa jistaqsi għaliex il-kap tal-oppożizzjoni mhux jgħati proposti u ideat!
Minflok nirrealiżżaw il-ħxuna (le mhux tar-ritratt streccjat ta' Franco Debono waqt Bondi+) ta' deciżjonijiet irresponsabbli li setgħu saru, nibqgħu niccelebraw lill-Prim li waqt xi diskussjoni tenna li "filwaqt li f'Malta qed nargumentaw fuq it-Trasport Pubbliku, fil-Grecja qed jiddiskutu l-kriżijiet tal-Ewropa".
Kif jgħid seħibna Jarabe de Palo fil-kanzunetta singolari tiegħu "Depende", huwa krucjali l-punt minn fejn tħares lejn id-dinja sabiex tinterpreta dawn is-sitwazzjonijiet. Jiddependi iva; jekk tħarisx minn nuccali b'lentijiet blu jew lentijiet ħomor. Jiddependi iva; jekk intix intelliġenti biżżejjed li ma tilbisx nuccali u tara l-kuluri vera tar-realtà.
Għaddiet serata oħra fejn il-Parlament grottesk Malti (li għalieh Renzo Piano ikkomprometta r-reputazzjoni tiegħu mal-Maltin) reġgħa vvota 34/35. Vot li jħalli lil Partit fil-Gvern jiccelebra l-gażaża li għandu f'ħalqu filwaqt li għandu l-ħarqa mimlija residwi jintnu. Vot li jħalli lill-oppożizzjoni tibki għall-istess gażaża li taf li ma għandiex cans għaliha! Vot li probabbli ser jiżdied fl-istorja u jintesa għax il-poplu tant hu aljenat li xorta waħda għadu jlibbes in-nuccalijiet lill-uliedu sa mit-twelid; hekk kif għadha trawwmu l-media ġeneralment immatura maltija.
Bħal fuq mejda fejn fuq naħa ssib ħlewwiet liema bħalhom u fuq oħra ssib ikel imżewwaq b'kaloriji numerużi, ix-xenarju politiku Malti. Għaldaqstant, tiġi xewqa naturali li tfittex platti ġodda.
Michael Briguglio waqt dawn is-sbatax -il minuta fl-istudjo ta' Lou Bondì, ħallieli togħma tajba. Nammetti li l-karriera mużikali mżewwqa ta' Briguglio teffettwani filli nħares lejh bħala bniedem li ma jgħix fuq pedistalli għaldaqstant mhux sorpriż bid-deskrizzjonijiet u l-kritika tiegħu lejn iż-żewġ partiti l-kbar.
Sfortunatament hemm principji tal-AD li xorta waħda ma naqbilx magħhom, specjalment l-ecitament li jesprimu lejn l-Unjoni Ewropea, biss, nistqarr li hija issue minuri meta nqabbilha mal-opportunità li dan il-pajjiż jista sa fl-aħħar ikollu rappreżentant minn partit ieħor fil-Parlament.
Uħud isostnu li dak ikun xenarju perikoluż. Iżda kemm hu aktar perikoluż ix-xenarju ta' vot ta' fiducja dwar Ministru, li jiġi konkluż b'vot retoriku ta' Speaker li m'għandux għażla ħlief li jissapportja l-idea tal-gvern? Nippreferi vot maħsub ta' kandidat "liberu" miż-żewġ partiti l-kbar milli vot indeskrivibilment patetiku fl-għola struttura politika ta' dan il-pajjiż "suppost" avvanzat!
Nittama biss li specjalment quddiem il-vot ta' fiducja għall-gvern li ser jittieħed nhar it-Tlieta, l-AD jirrealiżżaw l-imminenza ta' elezzjoni. Nittama li għaddiet minn rashom l-idea li jattiraw fosthom parlamentari li għandhom opinjoni bħal Jeffrey Pullicino Orlando, Cyrus Engerer u Franco Debono. Nidħak meta naħseb kif dawn it-tlieta għadhom jimmilitaw f'partiti, li għandhom rashom fir-ramel tal-istatuti. Il-każ ta' Engerer huwa iktar inkoncepibbli meta tqis li dan niżel minn fuq Ostrich biex jirkeb oħra!
Persunaġġ ieħor li nara fix-xenarju politiku mhux partiġġan huwa żgur ix-xjentist, kandidat għal premju Nobel, Marco Cremona. Nispera fil-ħanin Alla li persunaġġ tant validu ġie kkonsultat u/jew ikkunsidrat minn Briguglio!
Issa naraw. Forsi l-magni kummercjali tal-AD huma żgħar jew saħansitra ineżistenti imma żgur li hemm meżżi u modi kif tasal iktar u tasal aħjar. Illum hemm faxxa ikbar ta' poplu li qamet mill-aljenazzjoni politika u hija din il-faxxa fejn l-AD għandha tibbaża l-ħidma tagħha.