27 ta' Diċembru 2011 – Is-siegħa u nofs daqqu u hekk kif niftaħ il-posta elettronika nsib daqsxejn ta' rigal: konnessjoni sabiex biha nniżżel kopja tal-ħidma aħħarija tal-Brikkuni. Wara l-kliem li qalli Danjeli u l-entużjażmu f'għajnejh, kelli aspettattivi kbar għal dan ix-xogħol.
Imsomma, kien sieħbi Marju li hekk kif kien wegħdni ftit jien qabel, bgħatli din il-mużika sabiex ngħaddilu erbgħa kummenti lura… Għadda xahar, xahar tal-blieh, iktar mill-ikbar ċirklu li jista jarma s-Sur Said tal-Fu*jana u fl-aħħar, illum il-Ħamis 26 ta' Jannar, bdejt nerġa nsib il-muża nikteb, le mhux dwar Franco din id-darba!
1. Ċikku ċ-Ċinkwina
Ċikku - grampun sod li faqqa ċinkwina femminili eżemplari li ħesrem inqabdu tqal bla ma ħadd kien jaf xejn! Omertà sħieħa… silenzju perfett. L-istess bħal f'ċertu stejjer traġiċi Maltin fejn twieldu leġġendi u faqqsu fatati minflok verità.
Kanzunetta bi ħsieb immensament sinjur li jixħet dawl fuq l-attitudni ta' min jaħbi jew jgħin sabiex tinħeba verità - tant li jasal iħalli lill martu tgħereq f'inkwiet kbir anki wara mewtu. L-eżempju jkaxkar, u hekk kif ulied uliedha joħorġu jixbhu lil żewġha, Lieni tispiċċa ċċedi b'attakk f'qalbha!
2. Firien (Qattus rieqed, farka ġobon ma fadalx)
Għadda ż-żmien u sforz il-qattus rieqed, il-ġurdien ħa r-riedni f'idejh. Kollox jinqaleb ta' taħt fuq; żarbun jidħak bl-iskarpan! Kultura li tgħalaq għajnejha għal kollox, sakemm tinduna li ġobon ma fadalx. Kanzunetta li titgħallem taprezza x-xogħol mirqum li fiha, wara ammont ta' smiegħ.
3. Il-Gallinar tas-Sultan
B'ħoss li naraħ jixbah lil dil-verżjoni live ta' Un Giudice u Un Oceano di Silenzio ta' Morgan, titlu kważi identiku għall-isem tat-triq fejn noqgħod, il-memorja ħelwa tat-tiġieġa vjola tiġri qalb folla entużjasta ġewwa r-Roadhouse tal-Buskett lura f'Lulju tal-2009 u s-sarkażmu sottili u mexxej f'dan il-kapulavur ta' ritmu u melodija – huma kollha ngredjenti li jġegħluni nħobb wisq din il-biċċa xogħol.
Mera tas-soċjetà… li nara ppersonifikata fil-kanarin li jieħu lezzjonijiet tal-kant mingħand kokka xiħa b'widnejn twal u toga qasira – li tfakkarni fil-logo tal-KSU fl-Università. Gallinar soċjalment attiv ħafna fejn tiġieġa li la hi ħamra u lanqas blu, issib ruħha ma tistax ittir sforz persunaġġi oħra li jimbuttaw flieles taħt qroqqa u li għandhom rispett lejn il-ħotbi qaddej tas-Sultan!
Mument ieħor fejn Marju, ta' Brikkun li hu, irrakkonta realtà politika Maltija f'metafora mimlija rix u folol għalażobbhom.
4. It-Tnejn
Ritmi għaġġelin, li bi skuża tal-ħajja mgħaġġla tat-Tnejn filgħodu, jirrakkuntaw karattru li jikkunsidra lilu nnifsu bħala tellief, "qisu iblah", jintilef f'ħafna ħsieb, jittama li jerġa lura taħt friex sħan ma' dik li tant ħabb. Iżda l-ħolm spiss jintemm ħesrem b'xi tpaqpiqa li taħsdek fost il-ġenn tat-Tnejn filgħodu. Kważi lanqas tinduna li huwa inti il-"mitluf" u mhux ix-xiħ jitkellem mal-kelb! Tgħid it-tapizzerija terġa tieħu l-kulur tagħha?
5. Kunsenturi
Il-Ħanina! Anki fl-iktar binja b'saħħitha, l-aqwa tikħilha, tilmaħ kunsentura!
Anki l-età hija kawża ta' kunsenturi fiżiċi.
U hekk hu l-ħajja li ħafna drabi huwa l-bniedem stess li joħolqilha kunsenturi meta jħarbat sistemi naturali milli jgħixu kif mitlub lilhom. U hekk hu naraw lis-seqer, liebes ta' bufula, iżoqq lill-brimba!
6. Il-Maħbuba l-Midruba
Ħoss ta' kitarra jakkumpanja din il-kanzunetta melankonika għall-aħħar, mill-bidu sat-tmiem. B'referenzi bibbliċi kemmxejn evidenti, nisimgħu dwar dan il-karattru ta' maħbuba midruba, tokrob fis-sirda – nistħajjilha tirrappreżenta lill-ħajja li ta' kuljum tfakkarna li kollox u kulħadd għad jerġa jsir trab.
7. Irkotta
Rakkont ħelu ta' grupp aħwa subien jixxenqu lejn mara għarkobbtejha waqt li din qed taħsel l-art! Lucy, mara b'doni li jattiraw lil ħafna rġiel u allura numru ta' nisa li m'għadhomx fil-fjur ta' ħajjithom, jgħiru għaliha! U hawn fejn titfaċċa r-risposta ħelwa ferm: "L-għalqa trid toqgħod magħha, l-għalqa trid tieħu ħsiebha!"
Innu għal pubertà, innu għall-maskulinità, innu għall-femminilità, innu għall-moħħ mehdi bil-kilbiet tal-ġisem.
8. Nixtieq
Kanzunetta li smajtha tindaqq fl-aħħar okkażżjonijiet fejn il-Brikkuni ħarġu "live" u spiċċajt ninnamra magħha sa mill-ewwel mumenti. Bħal ġuvni li jixref fuq Facebook sabiex jinnota xi tfajla gustuża u qalbu tħabbat mija mija meta jiltaqà magħha l-ewwel darba. L-istess jien u "Nixtieq".
Kanzunetta li ġġib il-għira lil kull ħassieb u lil kull poeta. Kanzunetta li kważi teżawrilhom il-vokabularju tal-ħolm tagħhom u tirrakkuntah qabilhom!
Kanzunetta li l-aġġettivi għaliha ma jinstabux kollha fl-edizzjoni tad-dizzjunarju komplut ta' Aquilina għaliex għadhom ma ġewx ifformulati.
Kanzunetta li tħeġġiġni nkompli noħlom iżda li tfakkarni li kultant ħolma taf tkun taħżiża fl-ilma. Kanzunetta li tħeġġiġni nonfoħ bżieżaq tas-sapun u niġri f'nofshom għal għonq it-triq iżda teħodni wkoll f'realtà fejn dawn il-bżieżaq huma fraġli u dlonk jispiċċaw biss tifkira.
Fix-xenarju tal-ilsna tan-nar jibilgħu Strada Rjali nixtieq jien ukoll inpitter dax-xejn tal-llum, jien u nikteb.
10. Sigrieti
Mas-suffara tal-kitla tgħali, forsi quddiem belà tè u mużika b'ritmu mexxej, nidħaddtu dwar is-sigrieti – parti ntegrali mix-xibka soċjali maltija. Għal darb'oħra nisimgħu kliem li b'ironija meqjusa, jiġbed is-saqajn lejn kultura li tgħallimna ngħixu f'dubji mhux f'ċertezzi. Iżda l-kor ifakkarna li din "kultura tal-gidba għal ġid", frott il-velenu f'ħalq il-lifgħa ta' Sawlu li ntiret biss minn numru ta' nies qarrieqa.
11. L-Uffiċċju
Fil-bidu meta smajtha, fiż-żmien meta ġiet sottomessa għal Festival tal-Għanja tal-Poplu, ma tantx kont impressjonat b'din il-kanzunetta. Niftakarni xettiku ħafna dwarha. Illum li erġajt smajtha fil-kwiet ta' kamarti għal darba, tnejn, għaxra, nammetti li bqajt affaxxinat bir-rakkont li jseħħ hawn; rakkont ta' raġel malti li mxebbgħa minn xogħolu, jirrakkonta l-madwaru, il-geddum tal-imgħallem qabel jitlaq lura d-dar wara sahra twila.
U hawn fejn tinbet il-fantasija tal-awtur li jilgħab mal-ħolma ta' ħajja li ma tintrabatx mas-sistema kiefra tax-xogħol fejn il-bniedem huwa potenzjal mekkaniżżat, f'ġieħ il-profitti.
12. Żonqor
Naslu lejn l-aħħar. Fl-aħħar! Ħin fejn nisimgħu lil Danjeli jwerżaw u allura fejn nistgħu naqbżu kollha f'daqqa mar-ritmu tat-trombi u trumbetti.
Kanzunetta li tistaqsi l-valuri bażiċi fostna l-Maltin waqt li Alla jiżfen ma' marċ militari. Tistaqsi t-twemmin popolari tal-medja, tal-politika u tar-reliġjon - ir-rgħajja twajba li xorta jġorru bastun!
Fl-aħħar hemm ċans issib ruħek eżawrit; jew għax żfint iżżejjed jew għax skoprejt li int ukoll għandek xi valur li tajjeb tindirizza!
13. Tiddi ix-xemx fuq din l-għodwa moħlija
Kif tista tikkummenta l-benna tal-arti? Kapulavur fil-kitba u fil-mużika, li b'seħer liema bħalu jirrakkonta sbieħ ta' jum xemxi u hiemed mill-kamra tas-sodda, fejn filwaqt li l-maħbuba tinsab rieqda, l-awtur jirrakkonta ż-żmien li qed igerbeb minn fuqu. Ninża l-kappell u ma nerġax nilbsu!
7 ta' Frar 2012 – Fadal biss 3 ijiem stennija għal famuż avveniment meta Brikkuni joħorġu bit-Trabokk fil-pubbliku. Sadattant, iktar kmieni ippubblikaw vidjo miġbud fil-librerija pubblika ta' Beltissebħ bil-protagonista Ġuże Stagno, għall-kanzunetta "L-Uffiċċju" u dan jidher li diġa sewa ta' ħatab għan-nar li qed jikber ġmielu għall-avveniment tas-Sibt.
5.20 ta' filgħodu – qed nerġa nisma "Nixtieq"… iva – nixtieq immur norqod issa, fil-fond.
12 ta' Frar 2012 – Nammetti li l-Brikkuni ma narahomx f'posthom fuq palk għoli, kemmxejn maqtugħa mill-udjenza. Biss, wara it-tieni debutt għal Yasmin Kuymizakis flimkien mal-grupp tagħha YEWS (b'James u Hagen) u t-togħma tajba li ħallew warajhom, Brikkuni, frott l-esperjenza issa twila tagħhom, ippreżentaw serata li tassew qabdet lill-udjenza ħelu ħelu ġot-Trabokk.
Serata li rat it-tmiem tagħha b'riviżitazzjoni ta' xi kanzunetti minn Kuntra Banda u b'assedju uman fuq il-palk, bi ħlejjaq umani li ma felħux ma jiċċelebrawx huma wkoll il-kbir Gadazz.
Huwa fatt krudili li fost udjenza ta' 1000 ruħ, tibqa ssib dawk il-ħafna li ma jgħamlu xejn ħlief ipaċpċu u jtellfu mill-ħafna gost tal-mużika ħajja. Filwaqt li barra nfetħu bwieb is-sema, fit-tielet sular tal-blokka l-Belt kien hemm elf ruħ jiċċelebraw ir-ritorn tal-Brikkuni fit-teatru taz-ZOO - Is-City Theatre.
Serata ħelwa mgħoddija ma nies sbieħ ħafna.
1.00 ta' filgħodu – wara diskursati ħelwin ma' varji ħbieb u persunaġġi, ngħatu daqqa t'id sabiex l-istrumenti jsibu triqthom lura lejn id-dar.
2.30 ta' filgħodu – Gerrem il-plastik, ixref fil-kummenti u hemm hi s-sorpriża finali! Sabiħ li għal darb' oħra issib ismek (u anki laqam) fuq il-kopertina ta' biċċa xogħol ta' banda Maltija. Nammetti li nħsadt imma ser norqod bi tbissima wiegħsa. Grazzi lura lill-Brikkuni.
3.30 ta' filgħodu – L'hena tiegħi ngawdi l-lejl. Issa hu il-ħin li nippubblika dan il-kumment dwar it-Trabokk. Wara tant stennija, hawn hu għalikom!
Prosit ħafna Pawl. Erġajt smajtu llum bil-kwiet waqt li kont qed niġri, imma rrid nara l-lirika jew aħjar il-poeżija sew u nixtarr ftit li għedt int bil-kwiet.
ReplyDeleteSaħħiet!
irnexxielek tarahom Jean Paul?
ReplyDelete