Din hija ittra ta' viżjoni li jiena kont bgħatt f'email, nhar it-23 ta' Frar 2010 lill-membri kollha ta' ĊAMYouths, ftit siegħat qabel ma ttieħed il-vot għall-leadership committee preżenti.
Għażiż ħabib/a,
Introduzzjoni
Kif taf, ġejt innominat
bħala wieħed mill-kandidati bħala wieħed mill-erba’ mexxejja ta’
ĊAMYouths. Huwa ta’ unur għalija li ġejt ikkunsidrat al altezza ta’ dan
l-inkarigu u f’dan il-mument meta aħna l-membri qed niġu mitluba ngħamlu
għażla, nħoss li għandi naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet; mhux biex
nirbaħ posti, anzi, biex ngħamel ċari l-ideali tiegħi lejn ĊAMYouths u
fejn nixtieq li kull eventwali mexxejja għandhom jiffukaw il-ħidma
tagħhom. Nahseb li xieraq ukoll li kulhadd ikun jaf xi ħsibijiet għandi
qabel jgħamel l-għazliet tiegħu.
Ma naħsibx li hemm bżonn inkun wieħed mill-mexxejja biex inkun nista
nwassal dak li nemmen fih, għax nemmen li l-mexxejja qegħdin hemm biex
iwettqu r-rieda tal-membri. Konvint li dan ir-rwol huwa mpenn iebes u
mhux passatemp. F’dan il-mument inħoss li xieraq naqsam miegħek, minn qabel,
dak li jien nemmen fih.
ĊAMYouths hija għaqda ta’ żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja
ta’ San Pawl. Għaqda li tul l-ewwel 15 -il sena tagħha għarfet tibni
lilha nfisha fuq tlett valuri; komunità, spiritwalità u missjoni. Illum
li l-għaqda kibret ġmielha, tajjeb li naraw daqsxejn fejn nixtiequ
naslu, nifhmu aħjar u nkebbsu l-ħeġġa lejn it-twemmin li ħallielna
Monsinjur De Piro f’isem l-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll inkunu
xhiedha ta’ dan kollu.
Imħeġġeġ mill-valuri li ħarġu fl-attività tal-komunitajiet il-kbar,
FUSION, nixtieq inwassal it-twemmin tiegħi li f’din l-opportunità kbira
li għandna li ngħixu ħajja komunitarja, kull membru għandu "Jisma, Jara u
Jxandar". Kull membru għandu possibiltà jirċievi u possibiltà jgħati.
Fi triqtu lejn Damasku, Sawlu, ir raġel ta’ ras iebsa li ħolom biss
f’li jeqred it-twemmin ġdid li ħawwel Kristu, irċieva sejħa. Sejħa
kuntradittorja li sabbtitu mal-art, mhux sejħa faċli, imma sejħa li
biddlitu hekk kif laqagħha. F’Sawlu ma nbidilx il-karattru imma nbidel
l-iskop ta’ ħajtu. M’ilux smajt li f’dak il-mument Sawlu ma baqax
il-protagonist ta’ ħajtu imma sar Alla l-protagonist.
L-iskop ta’ ĊAMYouths
Il-kelma skop illum saret tberren
f’rasi ta’ spiss. Nemmen f’viżjoni fejn ĊAMYouths ma tibqax sempliċement
għaqda taż-żagħżagħ, bħalma hawn ħafna, iżda tkun leħen fis-soċjetà;
leħen li jitkellem favur inklużjoni u rispett u leħen li b’kuraġġ,
responsabiltà u maturità, jikkundanna l-inġustizzji u diskriminazzjoni.
Dan jista' jsir b’ħafna modi fosthom l-użu tal-medja.
ĊAMYouths għandha tgħamel dan bil-kliem kif ukoll bl-eżempju.
Għandna niftħu l-bibien beraħ għad-diskusjjoni dwar suġġetti
skomdi/antipatki u ma nibżgħux minn ħsibijiet ġodda, forsi
rivoluzzjonarji u li jmorru kontra l-kurrent tal-mument. Suġġetti li
nemmen li għadhom jingħataw prijorità huma, fost oħrajn, il-kumdità jew
nuqqas tagħha, li jsibu membri f’ĊAMYOUTHS li mhux bilfors iħossuhom
qrib tat-twemmin kattoliku jew nisrani; il-kumdità, jew nuqqas tagħha,
li jista jħoss persuna omosesswali f’komunitajiet tagħna u fil-familja
MSSP; il-faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità eċċ.
Viżjoni
Nixtieq li naħdmu lejn viżjoni fejn ĊAMYouths
joħlom, iwelled u jrawwem libertà ta’ espressjoni, ideat u nnovazzjoni.
Viżjoni fejn jiġu sostnuti inizzjattivi fi ħdan it-tlett prinċipji ta’
ĊAMYouths. Fejn kull membru jiġi mħeġġeġ joħlom u jikkrea billi jingħata
ispirazzjoni, widen, direzzjoni u sapport. Viżjoni fejn l-ixjeħ membru u
l-iżgħar jingħaqdu sabiex iwettqu s-sejħa Pawlina.
Inħoss li wara l-ħidma sfieqa tal-kumitat preżenti, ĊAMYouths għandu
joqrob dejjem aktar lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl sabiex
tkompli tikber relazzjoni b’saħħitha. Relazzjoni fejn iż-żewġ naħat
jisimgħu lil xulxin, b’fiduċja reċiproka, u jikbru flimkien. Nemmen li
ż-żewġ naħat għandhom ħafna x’joffru lil xulxin.
L-iskop ta’ dak li nwettqu
Filwaqt li nkomplu nrawwmu u
ndakkru l-kariżma missjunarja tas-Soċjetà Missunarja ta’ San Pawl, jiena
nemmen li jkun xieraq jekk f’mumenti, nieqfu u naħsbu dwar l-iskop,
mhux biss tal-għaqda, iżda wkoll ta’ dak li jsir fl-għaqda.
Nemmen li tajjeb nieqfu sabiex nixtarru dwar fejn sejrin il-proġetti
ta’ missjoni tagħna. Kif dawn qed jitwasslu għand il-membri ta’
ĊAMYouths, kif qed ‘jinbiegħu’ għand nies li m’humiex parti minn
ĊAMYouths. Nistaqsu dwar il-kapaċità, jew in-nuqqas tagħha, li
ĊAMYouths
tkompli tifrex u jew iżżid fil-missjonijiet tagħha. Dan jista jsir anki
jekk inħarsu lejn it-timeline tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li
ġie preżentat lilna waqt FUSION.
Nissuġġerixxi wkoll reviżjoni ta' ċertu strutturi u sistemi sabiex dawn dejjem jgħatu leħen lill-membri.
Bilanċ
Għalkemm
nemmen bi sħiħ bil-valur tal-komunitajiet u għalkemm nemmen li
ĊAMYouths għandha tkun opportunità sabiex aktar persuni jkollhom din
il-grazzja tal-għixien f’komunità, dejjem ħassejt li hemm bżonn li
jistab bilanċ bejn it-twaqqif ta’ komunitajiet ġodda u t-trawwim u
taħriġ ta’ persuni li jistgħu jaqdu bi sħiħ ir-rwol ta’ gwida għal
komunità. Dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltà kbira u jitlob
dedikazzjoni kontinwa u għerf minn naħa ta’ kull min jidħol għalih.
Jitlob ukoll ammont ta’ attenzjoni minn naħa tal-Kumitat tat-Tmexxija.
Relazzjonijiet Esterni
Nixtieq insemmi wkoll l-aspett ta’
relazzjoni ma’ għaqdiet u organiżżazzjonijiet ‘l barra minn ĊAMYouths.
Filwaqt li nifrah lill-kumitat attwali għall-bibien li fetħu, speċjalment
fuq xenarju ewropew, nixtieq li nimbotta l-idea li s-sabiħ li qed
ngħixu f’aspetti varji f’ĊAMYouths, insibu ħin naqsmuh f’diskussjonijiet
u laqgħat anki ma għaqdiet lokali oħrajn speċjalment dawk li jħaddnu
kariżmi Pawlini.
Fejn jidħol l-isem tal-għaqda, għalkemm nammetti li jiena wieħed
minn dawk li qatt ma ħassejt bżonn ta’ bidla, nemmen li tajjeb jekk
jitkompla x-xogħol siewi li sar s’issa f’dan il-proċess.
Issa li
huwa konfermat il-bini ta’ ċentru ġdid fir-Rabat, ikun tajjeb jekk dan
jiġi armat kemm sabiex jaqdi lil komunitajiet f’ĊAMYouths kif ukoll
possibilment sabiex irendi bħala dħul finanzjarju minn kiri ta’
faċilitajiet.
Spiritwalità
Nemmen li wasal iż-żmien fejn ĊAMYouths terġa
tgħafas fuq l-aspett spiritwali tal-ħajja komunitarja. L-ispiritwalità
tirrikkjedi ħsieb u profondità fuq livell personali iżda ġġib magħha
ċ-ċans li nesperjenzaw il-fiduċja fil-komunità u l-fiduċja fil-Mulej.
Sabiħ li flimkien noħolqu ċ-ċans li niskopru dawn it-tlett livelli ta’
spiritwalità.
Responsabbiltà
Nixtieq li min jieħu dan l-inkarigu u
nkarigi oħra f’ĊAMYouths jidħol għalihom b’maturità u b’entużjażmu.
Tajjeb jekk anki persuni f’dawn ir-rwoli jgħarfu meta jonqos
l-entużjażmu u jekk ikun hemm bżonn jgħarfu jgħamlu pass lura. Nixtieq
sa fl-aħħar li, ikun min ikun fil-pożizzjoni tant iebsa ta’ mexxej ta’
ĊAMYouths ikun bniedem li apparti li jħaddan il-valuri li għaddielna San
Pawl permezz ta’ Monsinjur Ġuzeppi de Piro, jispira lil ħaddieħor
sabiex jiskopri s-sbuħija ta’ dawn l-istess valuri.
This comment has been removed by a blog administrator.
ReplyDelete