Wara li kkritikajt id-disinn fqir immens tal-famuż riklam għad-Dinner Dance Buffet ta' Dr Stefan Buontempo bil-kelma "orribli", kont qed nistenna, kważi bi ħġari, li xi 'opinjonista' ieħor jitfaċċa. Fl-aħħar, daqs sagħtejn ilu, il-ġenju tal-lampa qatgħali xewqti:
"m'għandekx dritt tmaqdar il-mod kif għamilt għax forsi lil Dr Buontempo hekk jogħġbu. Naħseb kien ikun ferm aħjar li kieku ktibt e-mail lil Dr Buontempo biex jekk għandek xi suggerimenti ressaqhomlu!! Jekk taf lil Dr Buontempo, iddedika ħajtu għall-politika u jekk trid tkun voluntier ma naħsibx li mhux se jilqgħek b'idejh miftuħa." – K.CaruanaKaż tipiku fejn il-Malti jippreferi jirrikorri għall-element ta' gosti/opinjoni u mhux għal valur tekniku ta' prodott. Valur tekniku li, iva, fid-disinn jeżisti wkoll, u mhux opinjoni.
Affaxxinanti l-kunċett ta' "voluntier" li spiss jitqajjem f'kuntesti fejn tmiss l-espressjoni artistika. Tal-madum, il-perit, tabib, nutar, għalliem, ġurnalist, parrukkier, dentist... dawk professjonisti u allura tifhem li jġibu prezz magħhom. Mhux disinjatur imma. Dak voluntier, daqs il-President fil-Perù!
F'dan il-każ, il-parlamentari jgawdi saħansitra minn konnotazzjonijiet Bibbliċi: "iddedika ħajtu għall-politika" - kawża ta' ġieħ; filwaqt li jien, biċċa disinjatur (ironikament bħal king Franco, dak il-"biċċa deputat"), jien mitlub inkun voluntier għax ma ddedikajtx ħajti għal xi skop qaddis.
F'pajjiż fejn tirrenja, apatija jew aħjar, baħħ kulturali post-modern u kontemporanju, il-poplu qatt ma ġie mgħallem ifarrak dak l-ikel li dejjem kiel mill-imgħarfa tal-fsied familjari u jikkrea riċetti ġodda. Il-Malti, fil-maġġoranza tiegħu għadu jbeżlaq lejn statwa figurattiva f'nofs pjazza u pittura ta' għasfur tal-bejt. Jiġuni f'moħħi varji episodji: gażżetta lokali talbet lil disinjatur ħabib tiegħi sabiex "iħassar" ġummiema (għadni kif skoprejt li hija l-kelma Maltija għal nipple) minn fuq reklam ta' ditta barranija li kienet turi tfajla fl-ilbies intimu. U kemm tqalleb Eugène Delacroix meta disinjatur kollega tiegħi ġie mitlub jgħatti sider il-Libertà fil-pittura La liberté guidant le peuple minħabba li kienet ser tidher fi ktejjeb edukattiv għat-tfal!
Il-Malti f'kull aspett, jibża' mill-iskumdità li mistoqsija taf iġġib magħha u appuntu għalhekk, ħuwha; l-għerf, rari jersaq sa xtutna. Filwaqt li jberraq u jiskanta quddiem il-għerf kreattiv tal-barrani, il-Malti jmeċlaq bħal mogħża, fl-opinjoni u l-gosti!
"Ara tgħid li inti tajjeb, għax naħbtu għalik bil-ktajjen, ja pulċinell!"
Naqbel perfettament mal-kummenti tiegħek dwar livelli assolutament differenti fil-qisien ta' x'inhi 'professjoni' jew x'mhuwiex - u kif taf, naqbel mija fil-mija dwar il-punt li disinjatur u xogħlu huwa wiehed mill-iktar professjonisti abbużati, mhux f'Malta biss, iżda f'ħafna pajjiżi differenti. Ovvjament aħna fuq Malta nistgħu biss nitkellmu. Hawn professjonijiet varji oħra hekk - naħseb anke ta' livell iktar fil-baxx minn disinjaturi ("Kif? Għal biċċa gig? Kemm ħa żżommli mal-bieb? Uwejja!") - pero' mhux fuq dan il-punt li ma naqbilx miegħek... huwa fuq il-kuntest innifsu.
ReplyDeleteF'dan il-każ, dan il-politikant (li la naf min hu, u lanqas naf ma liem kulur jagħmel, wisq inqas jinteressani) iddeċieda li joħroġ, b'mod uffiċjali, disinn ta' livell ferm baxx. Pero' int insejt punt importanti - taqra l-kontenut.
Din hi l-politika ta' 'iġbor il-voti kif tista' ' - idher maż-żgħir, urih li taparsi tħoss għalih u tagħdru, u stenna l-vot tiegħu. Hi l-politika tad-Dinner Dances, il-politika tal-Morning Coffees, il-politika tal-mara tad-dar.
M'għadniex ngħixu f'dawn iż-żminijiet. Hawn massa ta' nies li għadhom f'dik l-era, iva, u hemm massa ta' voti, iva. Pero' ma nistax nemmen li politiku ta' integrita' u ta kobor u maturita' (li ma naħsibx li jeżisti fuq din il-gżira) għandu jkun moħħu li jorganizza l-politika tal-mara tad-dar. Politiku li jixtieq jagħmel xogħlu kif imiss għandu bżonn jaħseb biex jurina x'inhuma l-pjanijiet tiegħu biex iwettaq dak li hu siewi għall-pajjiż, mhux li jiġbor il-voti bid-Dinner Dances.
Qatt ma nħobb nikkummenta b'mod politiku. U li qed ngħid hu bla ebda forma ta' ġibda lejn kulur jew ieħor (ma' min jagħmel das-sinjur?). Kulma qed ngħid hu.. meta ħa nqumu, u nuru 'l min qiegħed, jew 'l min għad imexxi lil pajjiżna, li jinteressana mill-fatti u mill-azzjonijiet, mhux mid-Dinner Dances u mix-xaħam?
Grazzi tal kumment James. Validu mmens. Naqbel mieghek fuq il kuncett tal-politika tal-morning coffees. Ma hemmx xi nzid.
ReplyDeleteFl-artiklu tieghi ma ridtx niffoka fuq dik it tematika imma fuq il-qaddej fidil tal-politikant li jippretendi dritt meta lanqas jaf fuq xiex qed jitkellem. U hemm nistaqsi kemm certu nies haqqhom id dritt li jivvutaw! :)
Grazzi xbin!