Tuesday 6 May 2014

L-ewwel karozza mberfla

Kienet ilha snin tberren f'rasi. Illum il-ħolma ċkejkna saret realtà. Kulħadd konxju li s-sengħa tat-tberfil qegħda, kulma jmur, tisparixxi u allura xtaqt li jien ukoll ngħin biex dan ma jseħħx. Lura fl-2003 kont tgħallimt napprezza dan ix-xogħol meta ġie f'idi l-album mużikali "Żifna" ta' Etnika. L-idea ta' Andrew Alamango u sħabu, li jintroduċu t-tberfil fl-aspetti mużikali, kienet laqtitni mmens, tant li fl-ewwel esibizzjoni artistika tiegħi fl-2008, kont inkludejt elementi tat-tberfil anki fil-kunest tal-arti viżiva.

Dalgħodu qbadt il-karozza u fid-9am kont San Ġiljan. L-artist Joe Farrugia mill-Qrendi, spjegali kif qagħad jispjega lill-mara li għall-ewwel darba, kien ser iberfel karozza privata. Forsi jien miġnun. Imma kultant sabiħ tkun miġnun. Kellha tkun karozza Beltija, kulur safrani tax-xarabanks l-antiki!

Joe esprima kemm -il darba li ma xtaqtx li juża l-istil l-iktar dekorattiv tat-tberfil għax ħaseb li dan jaf ma jikkumplimentax id-disinn modern tal-karozza, allura, fuq parir tiegħu, għażilna li nkunu ftit kawti u nibdew dan l-esperiment b'interventi sempliċi iżda eleganti. Apprezzajt ħafna l-ħsieb ta' Joe sabiex jgħażel kuluri li jirrispettaw l-isfar oriġinali tal-karozza. Ma nistax ma nsemmix ukoll dik id-'daqqa' partikolari li juża sabiex iberfel linja jew ittra u l-mod kif b'idejh u bis-swaba iżomm il-kontroll tal-linja! Gost kbir tara l-proċess iseħħ quddiem għajnejn. Filfatt ikolli nammetti li l-ħajra li mmidd idejja, tfaċċat...

Inħeġġeġ aktar nies jikkunsidraw din id-dekorazzjoni tradizzjonali fuq il-karozzi personali tagħhom. Għal aktar dettalji, tistgħu tibgħatuli email fuq tascity@gmail.com

Ατέλειωτα Χρυσάνθεμα – Għelieqi bla tmiem ta' kriżantemi. It-titlu ta' kanzunetta Griega li tassew tispirani, http://tinyurl.com/ovzleca - Grazzi lill-artista Maria Pantelidou għall-kitba!
Joe Farrugia spiċċa jberfel bil-Grieg ukoll!
Ejjew tascity!
tberfil... fil-veru sens tal-kelma
Linji perfetti mpenġija bl-idejn - xogħol ta' Joe Farrugia



8 comments:

  1. ghaliex tberfil u mhux tpengija? xhini id-differenza? interessanti hafna. Forsi tista tghidilna xhini din is-sengha ezatt?

    ReplyDelete
    Replies
    1. Is-sengħa ilha magħrufha hekk snin twal Mariella.
      Jekk tara programm li kien ħareġ media.link communications jismu Intietef, issib aktar informazzjoni. Din is-sengħa hija l-arti tad-dekorazzjoni tradizzjonali tal mezzi tat-transport.

      Delete
    2. Mariella.... a good answer for you...
      http://leftylemur.blogspot.com/2011/11/it-tberfil-malti.html

      Delete
  2. WOW!! nghidlek is-sew ghandi karozza gejja u din l-arti ghogbitni hafna eh ghal-fuqha! :D prosit tassew lil artist! talent mil-isbah! :D

    ReplyDelete
    Replies
    1. Grazzi Charlene! Tibżax tgħamilha tiegħek!

      Delete
  3. Prosit! Faxx aħmar jonqosha u tiġi ta' Birkirkara :)

    ReplyDelete
  4. Grazzi hafna talli trid izzom lil xoghol missieri haj u tat-tifhir li tajtu.Illum irtirat,u kemm ilna bl Arriva ma tantx ikollu opportunita' jaghmel dak l'aktar li jhobb jaghmel,imma meta jkollu xi bicca x'jaghmel jerga jhossu zghazghuh.Min jaf, forsi tqabbad xi 'trend' gdida u nergghu nibdew naraw xoghol missieri fit-toroq taghna.

    ReplyDelete

Ikkummenta hawn