Wednesday 27 February 2019

Kantiku għall-emozzjoni

Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa ntensi. Emozzjonijiet, waħda wara l-oħra. U issa fl-aħħar għaxar minuti tal-aħħar siegħa tas-26 ta' Frar xtaqt inħarbex kelmtejn għal din il-memorja.

Il-jum beda b'diskursata ma' Alex dwar il-crowdfunding b'risq l-appell kontra l-iżvilupp tal-bajja tal-Mistra. Kien jonqos €2000 sabiex jintlaħaq l-ammont mixtieq. Qsamt ix-xettiċiżmu u riżervi tiegħi ma' Alex u bħal dejjem, fhimna lil xulxin. Awgurajtlu li l-iskop jintlaħaq u komplejt bil-ġurnata.

Il-vuċi ta' Faber minfuq Spotify lissnet lament li noħlom li xi darba ninseġ bħalu, jekk mhux diġà għamilt. Kliemu akkumpanjani waqt li erġajt ħdimt fuq ritratt grafiku li kont ħallejt l-lejl ta' qabel. Kienet ilha ma titfaċċa l-muża tal-kulur u l-forma imma ħdimt fuq wiċċ li ispira nifs ġdid f'ħajti fl-aħħar xhur.

Matul il-jum kelli diskursati mhux mistennija. Uħud ma' familjari, imħabbiet passati, oħrajn ma' nies li ma stennejtx. Diskursata ħelwa, bħas-soltu, iżda qasira din id-darba, ma' Ray tal-kwadri li għalih kienet maħluqha l-kelma "bieżel". Għalkemm b'mobile sieket, fi triqti mill-Mosta, bdiet b'sorpriża l-ewwel taħdita li laħqet il-qofol meta aktar tard kont ser inħalli parkeġġ fil-Ħamrun. Sadattant diskursata partikolari ma' persuna li qajla kont naf waslitli aħbarijiet li qatt ma stennejt. Erġajt ftakart kemm hawn bnedmin li jafu jgħixu f'paċi mal-gidba tagħhom infushom u kemm oħrajn isibu serħan f'imġieba vjolenti u pastaża. Ta' sebgħa u tletin sena aċċettajt li din hija tassew verità għal ħafna.
Lura lejn il-kapitali, mort inżur l-esibizzjoni artistika ta' sieħbi James Vella Clark. Fettilli nsib parkeġġ qrib. Dħalt fl-ispazju tal-esibizzjoni bi sħaba madwar rasi. Ma nafx, bħal qisni ma kontx hemm. Qrajt l-introduzzjoni stampata fid-daħla tal-ewwel kamra. U toqgħod tgħid Convergence, deskritta bħala "layers of experience come together to form something new and unique to what previously was. a layer upon layer of experiences, lessons, achievements, losses, regrets, aspirations". Kollox beda jieħu forma... 

Inħoss li James, sa qabel kont sirt nafu, dejjem tkellem lingwa li paxxietni fl-arti tiegħu. Inxebbħu mal-effett tal-lingwa Sirjana, li skoprejt fl-aħħar xhur u li għax tixbah il-lingwa tiegħi, tpaxxi s-sensi u xxennaqni nissemma kurjuż biex insir naf aktar. Ma niftakarx f'liem ordni dort max-xogħolijiet iżda niftkar li Yellow Morning u Erasing Memories serquli ħafna ħin. Dawn iż-żewġ biċċiet wasluli enerġija li kelli bżonn illum; kalma, rassenjazzjoni u fiduċja pożittiva. L-isfar maħruq dejjem kien il-kulur favorit u fih insib ħafna minni. Filfatt Yellow Light II u Yellow Light III irreżonaw ukoll. Poġġejt ftit bilqegħda u sraqt xi ritratt bil-mobile. Id-dmugħ feġġ quddiem Abstract in Red and Black. Biċċa xogħol vjolenti ħafna li tikxef lill-artist fil-profond kollu tiegħu għal min jaf jaqraha. Biċċa xogħol li tirrifletti silenzjuża imma ma tiskot qatt.
Erasing Memories

Yellow Light II u Yellow Light III
Abstract in Red and Black
Shazam qalli li fl-arja kien hemm mużika klassika għaddejja. Bach, J.S.: Suite for Cello Solo No.6 in D. Akkumpanjament f'waqtu li aktar tard skoprejt li kienet il-mużika li akkumpanjat lill-artist fil-kreazzjoni ta' dawn ix-xogħolijiet. Referenzi oħra għal dan il-ħoss fit-titli Dvorak, Chopin u Frederick's Garden. 

Pjaċir li nara l-iżvilupp li għadda minnu James anki 'l bogħod mill-landscapes ċelebri li spiss bżajt li kienu għoddhom ser jitfawh f'gaġġa. Xogħolu jilgħab mill-vjolenti, goff, sfaċċat u salvaġġ għas-seren, mistħi u nnoċenti. Għalkemm inħoss iktar kumdità fl-ewwel forma, nammetti li l-kontroll taż-żebgħa fit-tieni huwa xi ħaġa ammirevoli. Fuq kollox il-kompożizzjoni, l-moviment u t-tqassim tal-kulur f'xogħol James minn dejjem sibthom brillanti.
Yellow Morning
Lura lejn id-dar nirċievi aħbarijiet li ma stennejtx fit-tieni konverżazzjoni virtwali. Bqajt kemmxejn sorpriż. Sorpriż mill-kontenut iżda wkoll mill-koinċidenzi ta' kliem li ingħad lili fl-aħħar żmien u t-tema ta' xogħol James. Nies minn ċrieki u kulturi differenti li ħajjruni ma ninsiex li Alla biss għandu kontroll fuq il-ħajja.

Fit-tard mort fid-dar tal-anzjani. Lina qaltli li tħossha waħedha u tibki ħafna. Qaltli li idejja kienu kesħin. Qaltli biex nibqa' mmur naraha u biex inwasslilha l-messaġġ. Tereża qatt ma ltqajt magħha qabel illum. Magħdura ħafna tidher imma mis-sodda sellmitli bil-qalb.

Erġajt lura d-dar u rajt il-partita tal-Lazio kontra l-Milan. Xejn b'xejn ir-riżultat u anki l-kontenut. Wara xegħelt mobile antik u sibt messaġġi antiki varji li komplew mal-lista ta' emozzjonijiet.

U fl-aħħar waqa' silenzju. Ħadd ma baqa' jitkellem. Allura ktibt. Għax kollox għad ninsa. Kollox għad jintesa. Jekk mhux bil-kitba. Jew moqri f'pittura. Forsi.

3 comments:

  1. Grazzi Pawlu. U Prosit. Ħaqqek vjaġġ ieħor għal Acireale. Miegħi! :-D

    ReplyDelete
  2. Artist ta' stoffa int Pawl, kemm fi tpinġija kif ukoll fil-ukoll f’kitbietek :)

    ReplyDelete

Ikkummenta hawn