Thursday, 23 May 2019

Ittra lill-Beltin ta' vera

Waslet l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġietni muża li nikteb ftit ħsibijiet li ilhom iberrnu f'rasi sabiex il-Beltin li nhar is-Sibt jitħajjru jmorru jimmarkaw il-karta tal-vot, ikunu għamlu ħsieb jew tnejn dwar dak li verament qegħdin jagħżlu.

Irċevejna l-flyers, ġew iħabbtulna u jkellmuna l-kandidati, uħud iltaqgħu miegħi fl-organizzazjoni komunitarja li jiena membru fiha u l-maġġoranza stednuni sabiex nattendi l-festin tagħhom. Kulħadd stinka fl-aħħar jiem sabiex jurini x'isarraf. U hawn fejn nibda nirrifletti dwar min tassew ser nafda sabiex iwettaq jew twettaq dak li tassew nixtieq li jseħħ f'Kunsill Lokali tant prestiġjuż. Għax il-plejer tal-ballun niġġudikah mhux kif jidher fir-riklam liebes il-qalziet ta' taħt issikkat, imma kif jilgħab il-partita deċiżiva li tiddeċiedi fejn imur il-kampjonat!

L-ewwel dispjaċir fil-kuntest Belti żgur li huwa dak li għal darb'oħra ma hawnx kandidati indipendenti u allura kull għażla li għandi hija ddettata minn ħsieb jew, sejjaħlu programm elettorali, ta' Partit, żgħir jew kbir. It-tieni dispjaċir huwa li ma hemmx kandidati tal-Alternattiva Demokratika għall-belt kapitali. It-tielet dispjaċir huwa li l-kandidat tal-Partit Demokratiku, lanqas biss naf min hu. Biss l-akbar dispjaċir huwa wieħed u xi ftit kompless.

Dejjem emmint li kandidat li joffri ruħu sabiex jirrappreżenta grupp ta' nies fuq livell politiku, għandu jindika eżattament x'inhuma l-miri personali tiegħu u mhux jissallab ma fuljett imfassal minn xi għorrief fil-Partit. Fi żminijiet politiċi oħra, dan kien jissejjaħ manifest. Illum nikkuntentaw b'xi ftit kummenti fuq Facebook u Alla m'għamlu! Nibqa' nirrealiżża kemm il-Partiti, speċjalment dawk l-aktar b'saħħithom, iżommu lill-kandidati tagħhom bħal ostaġġi; fil-għama ta' ċertu elementi sabiex dawn jibqgħu pedini fil-logħoba tagħhom. L-aljenazzjoni fost dawn il-persuni li ġenwinament jixtiequ jkunu ta' servizz kultant twaħħaxni u ninduna kif jieħdu gost ikunu għodda ta' Partit u mhux tal-komunità. Top to bottom approach!

Fl-aħħar snin u matul din il-kampanja elettorali, innutajt kif ħadmu l-Partiti. Il-Partit Laburista ippermetta li kandidati ferventi jibdew kampanja minn kmieni ħafna, però, kif kien bassarli partitarju Laburist kbir, fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja tfaċċaw l-"istar candidates" sabiex jassiguraw li l-voti jmorru fejn jixtieq il-Partit – forsi fuq bażi ta' popolarità, iżda wkoll sabiex ikun hemm min huwa iktar tal-qalba fil-kontroll tal-Kunsill. Strateġija li lil hinn mill-mitkellem bejn in-nies u li diġà jixhed hekk, tħallini nistaqsi kemm verament l-iswadra l-ħamra hija magħquda.

Tul l-aħħar leġislatura dan l-istess Partit aċċetta li fost il-kandidati tiegħu li l-Beltin għoġobhom jafdaw fl-elezzjoni li għaddiet, uħud abbandunaw totalment il-ħidma, filwaqt li oħrajn baqgħu jaħdmu b'riżervi minn ċertu distanza. Kont inħokk xagħri u nħabbat rasi nipprova nifhem għalfejn f'ċelebrazzjonijiet bħal Jum il-Belt Valletta jew il-Ġimgħa l-Kbira nara biss ċertu uħud u mhux kulħadd. Spiss pruvajt nifhem kif rappreżentanti hekk setgħu qatt jiddefendu kriżijiet tal-Beltin jekk lanqas biss kienu preżenti f'mumenti ta' għożża jew kburija.

Għall-kuntrarju, il-Partit il-blu ħareġ bit-tema #teamvalletta li f'dan il-każ inħasset ġenwina u nkuraġġanti mmens. Fit-tmexxija tal-Kunsill li għadda, inħoss li l-Kapitali spiċċat sfruttata u assedjata minn żvilupp kummerċjali sfrenat li llum il-kultura Beltija qed tbati l-konsegwenza tiegħu. Jiddispjaċini li matul dawn is-snin, il-Kunsill Lokali aċċetta li jkun emarġinat minn deċiżjonijiet importanti li seħħew, aċċetta li ma jibqax protagonist - jekk qatt kien - forsi għax b'nifsu maqtugħ jew għax wisq twajjeb. Forsi, kif ħafna jgħidu, kien hemm ħafna ntoppi filwaqt li responsabbiltajiet u merti tteħdulu. Fl-aħħar snin il-Belt Valletta sofriet telfiet kbar, l-akbar fosthom, il-ġentrifikazzjoni sfrenata u sfurzata kif ukoll l-għibien kważi totali tal-ħidma tal-Karnival. Mhux ta' b'xejn li fl-aħħar ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ballun, qajla dehret ir-ruħ kreattiva u kulurita ta' Beltin. Kif jgħid ħabib kbir tiegħi, ir-ruħ ġiet traskurata biex għamilna spazju għas-sbuħija kożmetika biss.

Minn dejjem ma kellix grazzja mal-aljenazzjoni politika. U iva, hija dik l-ikbar dispjaċir. Dispjaċir imġedded fl-aħħar xhur meta waqt konverżazzjonijiet ma' kandidati varji, ninduna kif l-ebda kandidat ma huwa jew hija aġġornata b'dak li qed jiġi mfassal għall-Belt. L-ebda kandidat ma kien konxju mit-twaqqif tal-Valletta Management Unit fi ħdan il-Heritage Malta - u li s'issa għadha ma ġietx varata. Jidher li Heritage Malta, ħatret lilha nfisha sabiex tkun responsabbli mill-immaniġġjar tal-ispazji fil-Belt Unesco u attivitajiet tal-komunitajiet, bħala 'belt ħajja'. Jiddispjaċini li inizzjattiva hekk, l-istess bħal dik kulturali tal-VCA, twaqqfet lil hinn mill-Kunsill Lokali Belti; fejn hemm ir-rappreżentanti tal-Beltin. Jiddispjaċini aktar li l-kandidati tħallew fid-dlam minn dan kollu. Saħansitra wieħed fost l-aktar kandidati papabbli qalb il-Laburisti saħansitra qal li "jekk huwa hekk, nirriżenja!". Nistennew u naraw.

Avviż ippubblikat 14/03/19 mill-Valletta Management Unit

Il-kandidati Beltin f'din l-elezzjoni huma kollha ħbieb tiegħi u naf x'isarrfu, allura nistmerr l-idea li dawn il-professjonisti varji jitħallew 'l barra minn dawn l-pjanijiet, filwaqt li strateġisti varji, ifasslu destin ta' individwi, familji u komunitajiet Beltin madwar mejda. Sfortunatament it-"top to bottom approach" fl-entitajiet governattivi jibqa' kankru li qed ikompli jitrawwem anki f'amministraturi żgħażagħ bravi mgħammda bl-idea li jaqdu tfassil iddettat mill-għoli li forsi joffrilhom pedistall ileqq minn fejn jiddu.

Ritratt ta' Strada Stretta mill-2011
Nhar is-Sibt sejjer nivvota lil dawk li nemmen li verament konxji minn dak li qed jiġri fil-Belt. Dawk li għadhom iħaddnu l-valuri. Lil dawk li jiftakru fi kliem il-Beltin li ħallewna u li rrepetewlna sa mewthom li l-Belt Valletta mhix għall-bejgħ. Ser nivvota bix-xewqa li l-kunsilliera jkunu xewka f'sorm kull pseudo-Belti li jaħseb li jaf aktar mill-Beltin. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid jiġġieled ġlieda qalila kontra l-ġentrifikazzjoni u l-arroganza ta' numru ta' kummerċjanti li ladarba l-Gvern tahom palata, dawn għamlu kullimkien tagħhom. Ser nivvota bix-xewqa li ċertu żbalji ħoxnin fl-ippjanar tal-bini fil-Belt Valletta jiġu revokati. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid ikun raġel u jammetti bla tidwir mal-lewża li l-kokaina saret reġina ta' din il-Belt. Li Strada Stretta, proġett li kien tant ċentrali fil-ħidma lejn l-2018, illum hija mekka mhux biss ta' tendenzi kummerċjali li ma jixirqux lill-Belt iżda wkoll mekka tad-droga; periklu f'linji tat-trab, speċjalment għal ħutna Beltin żgħażagħ li qed isibu sors tant qrib ta' darhom. U Sinjura, jekk taħseb li neputik għadu ma missx magħha, jaf għandek żball oħxon!

Nhar is-Sibt sejjer nivvota biex forsi nkun rappreżentat minn nies li jaqdu dmirhom qabel ma jippruvaw jilgħaqu lill-varji chairmans, Prim Ministri, kapijiet jew allat oħra.

Nittama li din il-Belt mibnija minn swar porużi issib nifs ġdid fil-Kunsill Lokali 2019 sabiex minn hemm titrawwem demokrazija fejn il-valuri tal-Beltin ikunu ċentrali u jingħataw priorità u niċċa ġdida. Forsi ma tafx kif u l-pjan maħsub li l-Beltin ikunu xkupati, ma jirnexxiex!

Awguri ħuti Beltin! Kunu għaqlin!

No comments:

Post a Comment

Ikkummenta hawn