Wednesday 30 November 2011

Il-Maltin isawwtu lill-Maltin

Illum facebook inħakem minn għadd sostanzjali ta' partitarji fidili lejn iż-żewġ partiti l-"kbar" (jistħoqqilhom dak l-aġġettiv?) li b'demmhom ibaqbaq, ippostjaw videos u ritratti ta' meta, lura fis-snin, uħud minn missirijietna (naħseb minn kien moħħu f'postu kien id-dar ma' uliedu) kien għoġobhom jgħamlu sessjonijiet free for all fit-toroq tal-għażiż pajjiżna. Titli bħall "Dak li ħaddieħor irid inessi" jixraqilhom rispett li kieku qegħdin fuq faccata ta' xi rumanz letterarju. Sadattant iva, nitbissem.


Għadni kif qrajt u smajt li l-Prim għadu kif inawgura kampanja li tfakkar il-25 anniversarju minn mindu x-xjaten ħomor, allegatament jew mhux, kienu vjolenti mal-arkanġli nnocenti l-blu.

Eżemplari l-Prim! Bir-raġun din il-ħeġġa fuq facebook, din ir-ragħwa mal-ħalq. Jippostja xi ħaġa Cikku u f'kemm ili ngħidlek ikollu xi 50 'like', 20 'share' u xi 200 'oh no, not again'.

Tiskanta kif il-Maltin għadhom jiccelebraw mumenti meta l-injoranza, sforz il-partiġġjaniżmu, spikkat fl-aqwa tagħha. Tiskanta kif persuni, li nqishom mal-kategorija ntelliġenti, kważi kważi jgħatuk impressjoni li jixtiequ "tpattija" sforz il-memorja.

Għall-grazzja tal-ħanin Alla, xi ħadd ippostja l-videoblog ta' Saviour Balzan, li kważi kważi kien ser ineħħili x-xewqa li nikteb din il-bloggata għax tassew ġabar ħafna punti krucjali b'mod essenzjalment intelliġenti u galbat. Grazzi Sur Balzan.


Wara l-ewwel xahrejn tiegħi l-Università, dik l-istituzzjoni li tant niftaħru biha meta niġu għal statistici u press releases, nidħak iktar meta niftakar li dawn iż-żewġ partiti 'żgħar', u l-mibgħeda li jkomplu jinsġu fil-partitarji tagħhom, huma l-ewwel ostaklu għall-istess intelliġenza tal-poplu Malti.

Fl-aħħar nistaqsi u ninnota... Ma ngħamlux mod li min jixxerja dawn il-videos jiġi mogħti stilla fuq il-pitazz tal-Partit rispettiv hux? Jew forsi diġà ddobba xi stilla? Forsi xogħolu jiddependi mill-kumpanija politika li tant jissapportja u allura ma jridx li din titlef il-poter akkost ta' kollox? Minjaf? Kos! Tgħid min jippostja dawn il-videos jifhem li anki hu qed isawwat... l-intelliġenza ta' ħaddieħor?

5 comments:

  1. Peress li jien wieħed milli fil-blog tiegħi illum fakkart dak li ġara 25 sena ilu, ħassejt li għandi nirrispondi.

    Naħseb li kumment bħal "naħseb minn kien moħħu f'postu kien id-dar ma' uliedu" huwa insult. Insult lill-memorja ta' nies li kellhom il-kuraġġ iqumu għad-drittijiet tagħhom. Min kienu dawn in-nies? Ħa nitkellem fuq il-ftit li naf jien. Kienu n-nies li ssawwtu u tkissrulhom il-karozzi għax rawhom għaddejjin b'"In-N.. Tagħna" jew b'"il-mument" f'idejhom. Kienu għalliem li ssawat mill-messaġġiera u klikka ta' Ministru għax tifel ta' 9 snin semgħu jgħid lil għalliem kollega tiegħu li ma qabilx ma miżura tal-Gvern, u ta' tifel li hu gżah lil nannuh li kien indottrinah. Kienu żgħażagħ li ma kellhom l-ebda futur għax il-Gvern dehrlu li ħafna mill-korsijiet tal-Universita' kienu 'karti tal-inċova' bla użu, ġenerazzjoni ta' żgħażagħ li ġew miċħuda mill-opportunitajiet li jien u int ingawdu illum. Kienu nies imxebba' li ma jistgħux jixtru dak li l-Gvern ma jogħġbux. Kienu nies li nsterqulhom artijiethom biex jitqassmu lin-nies tal-'kulur l-ieħor'. Kienu nies li raw il-kawżi tagħhom jimxu minn imħallef għall-ieħor skont kif kien jogħġbu l-Ministru.

    Dawn in-nies ħassew li għandhom iqumu għal drittijiethom, u hekk għamlu. U dakinhar raw lil Pulizija tispara fuqhom. Dakinhar, l-Armata kellha ordni twaqqafhom u tiftaħ in-nar fuq ħuthom Maltin, u smajna Ministru jistaqsi fuq ir-radju tal-Armata jekk il-ferut hux "aħmar jew blu" qabel jingħata l-għajnuna.

    Grazzi għal dawn in-nies, illum jien u int nistgħu fil-kumdita' ta' djarna ngħidu li rridu u nikkritikaw lil liema Ministru rridu mingħajr biża ta' vendikazzjoni. Nistgħu noħolmu li nagħmlu avvanzi fil-karriera, fl-istudju u fil-professjoni, mingħajr biża lit-twemmin politiku tagħna jista' jkun ta' xkiel.

    U int tistenna li qisu ma ġara xejn, u li ġara jintesa?

    Le! Mhux biex jintuża f'xi kampanja. Qas xejn. Alla ħares nivvutaw lil dak jew l-ieħor skont x'ġara 25 sena ilu, u jekk hemm min qed jagħmel hekk qed jagħmel ħażin. Imma għax ma rridx li ninsew li l-politika m'għandha qatt tintuża biex niżirgħu l-mibegħda jew il-firda. Aħna poplu wieħed, mhux żewġ tribujiet, u l-politika għandna biss nużawha biex inġelldu l-ideat, il-veduti, l-argumenti, u naslu għal soluzzjonijiet.

    Għalhekk ħassejt li ridt nikkommemora lil dawn in-nies. Bħalma ġieli ħadt sehem f'kommemmorazzjonijiet ta' nies li inġustament kienu vittma ta' interdett minħabba l-ideat tagħhom.

    Dawn il-ġrajjiet sfortunatament huma parti mill-istorja tagħna. Imma m'għandhomx jintesew. Anzi, għandna nħarsu lejhom biex niftakru li dak li ngawdu illum, bata għalih ħaddieħor qabel.

    ReplyDelete
  2. Bħal dejjem, grazzi tal-feedback Mark.

    Naħseb li tinżel fit-triq tiltaqa ma' partitarji opposti hija logħba tat-tfal u għalhekk ikkummentajt hekk.

    Rigward il-ħniżrijiet (għax hekk biss jistgħu jissejħu) li setgħu twettqu, ma hemmx fiex ma naqbilx miegħek li għandhom jiġu kkundannati. Imma spjegali ftit... għalfejn filmati hekk iqumu f'kampanji elettorali? Għalfejn Partit ifakkar biss il-weġgħat li sofra hu biss? Mhux sinjal car li hemm mentalità kif sejjaħtilha int perfettament, ta' tribù?

    Ħaġa oħra... rigward il-preżent għandi ftit punti fejn ma naqbilx miegħek. Taf li xi ħadd kien qalli li difficli nfittex xoghol mal-gvern ghax nikkummenta fuq facebook?

    Taf li smajt b'nies li ma ħadux fondi għall-istudji tagħhom għax kienu attivi politikament fuq il-faxxa ta' kontra l-amministrazzjoni preżenti?

    Taf li darba rcevejt talba biex nispjega għalfejn iffirmajt petizzjoni ta' Union meta jiena qatt ma kont iffirmajtha, tant li l-photocopy kienet turi firma li mhix tiegħi?

    Naħseb realtajiet li min ma jinħebiex wara sebgħu, semgħa bihom... realtajiet li huma riżultat tal-mentalità tat-Tribù. Mentalità ta' Parlament li jitkaża għax ministru jivvota kontra mozzjoni tal-Gvern, li ma jmurx iwaqqghu. Mentalità fejn il-ministri jitkellmu għall-partit u mhux għall-poplu.

    Taf li fl-aħħar elezzjoni smajt b'żgħażagħ intelliġenti nazzjonalisti li xtaqu jivvutaw labour imma kif raw il-filmati dwar Tal-Barrani, qalu "ma jtinix li nivvutalhom"... daqs li kieku kien ser jivvota lil xi grupp xadini?!

    Konvint li taf u probabbli taf iktar minni. Ħasra li nies bħalek jistinkaw l-ewwel għal twemmin ta' "club" politiku u mhux direzzjoni ta' poplu.

    Grazzi mill-ġdid.

    ReplyDelete
  3. Tal-barrani kienet ippjanata minn hafna qabel. L-oppozizzjoni dak iz-zmien kellha ghatx kbir ghal poter u ghalhekk il-garigori fl-imhuh ta klikka estrema waslet biex taghmel dak li filfatt gara. Marru apposta ghal glied bhal ma l-Mongoli mgharufa ghal feroċita' u brutalita' tagħhom kinsu parti sew mill-Asia. U fejn marru? Eżatt fejn kienu jafu li se jsibu konfront. Marru b'armata tul triq il-barrani jistimulaw il-gemgħa ghal ġlieda qaddisa. Dan imisshom ikunu jafu z-zghazagh nazzjonalisti u mhux videos ta propaganda partiggana li minn hawn ninza l-kappell lil PN ta kemm huma kapaci jqarrqu bin-nies.

    ReplyDelete
  4. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu kapaci jużaw moħħhom b'mod liberu - u daqshekk, Sur Bonnici! It-tifkiriet vjolenti nħalluhom jgħallmuna biex ĦADD ma jerġa jaqa f'dak il-baxx, fl-ebda cirkustanza!

    ReplyDelete
  5. Naqbel mieghek li ma tkunx etika li il-PN tuza tifkirijiet ta' vjolenza biex tbezza in-nies milli jivvutaw PL. Ghadu kmieni wisq biex nakkuzaw il-PN ta' dan, imma verament nispera li ma jkunx il-kas.

    Pero biex nghidu kollox, l-ghazla ta' Joseph Muscat tal-partitarji Laburisti ma tantx tghin biex jnessu lin-nies l-idejologiji u 'policies' tal-gvernijiet laburisti tal-imghoddi. Nies bhal-Karmenu Vella, Alex Scibberas Trigona, ecc, jqanqlu certu biza' (mhux ta' vjolenza) minn nies li kienu jafu x'qed jigri dak iz-zmien. La dawn il-partitarji x'aktarx ser jkunu attivi fi gvern gdid, iz-zaghzagh ghandhom dritt jkunu jafu dawn ezattament x'ghamlu u x'kienu il-'policies' taghhom. L-istess ovvjament japplika ghall-partitarji tal-PN. Jekk il-partiti jixtiequ li ma jfakkrux l-imghoddi allura ghandhom jqacctu in-nies l-antiki minn hemm.

    ReplyDelete

Ikkummenta hawn