Monday, 29 December 2014

L-2014 f'mużika

Ħajti dejjem kienet ittimbrata mill-mużika. B'xi mod jew ieħor, sors jew ieħor, ħajti nista nirrakkuntaha f'diski li akkumpanjawni. M'inix dilettant tal-films u l-kotba, bi sfortuna kbira, iraqqduni. Nista' ngħid li f'ħajti 'qrajt' infinità ta' stejjer miktuba għall-finijiet mużikali. Meta kont qed nitfarfar kont fortunat li ltqajt ma' ħafna mużika b'messaġġi pożittivi u li għallmuni nibni fiduċja fija nnifsi u nħobb kemm niflaħ. Aktar 'l quddiem sibt awturi li rrakkuntaw ħajjithom b'enerġija u profondità liema bħalha - fejn ma sibtx kliem jien, dawn kważi kważi rnexxielhom jiktbu stejjer li bħal donnhom irrakkuntaw ħajti u s-sentimenti tiegħi. Kull kanzunetta ngħoddha daqs ktieb. Kull album, librerija.

Fir-realtà tal-llum l-inkontru mal-mużika huwa fuq livell emozzjonali. Illum naf li anki l-mużika nnifisha hija 'kitba' li tirrakkonta sensazzjjoni. L-"uġiegħ" li kien isemmi l-Gaġġu lura fl-2002 illum hija lingwa li nsib aktar komda minn dik tal-ilsien nazzjonali. Lura fl-istess żminijiet, is-Sur Alfred Camilleri kien qalilna "tibżgħux tammettu li intom artisti". U hekk hu. Illum kburi li fhimt u snin ilu aċċettajt din il-'kundizzjoni'. Kemm hi sabiħa din il-lingwa! U kemm hu sabiħ meta ssib mumenti fejn din il-lingwa hi mitkellma.

Is-sena 2014 nista' nirrakkuntaha f'numru ta' kanzunetti:


Ateliota Hrisanthema ta' K.BHATA
Diska li kienet ixxerjata fuq Facebook mill-kollega Griega, Maria. Meta smajtha, xi ħaġa fija ġara. Bħal ħassejt li sibt ħoss u rakkont li jitbandal bl-istess ritmu ta' qalbi. Għalkemm il-lingwa mitkellma ma stajtx nifimha, dik tar-ruħ u tal-qalb, fehmet kollox. Filfatt, tlabt lil Maria tieħu paċenzja bija u tgħamilli nterpretazzjoni għall-Ingliż. Bqajt sorpriż mhux ftit meta rrealiżżajt x'kien ir-rakkont f'din id-diska u ma stajtx inżomm id-dmugħ. Saħansitra ddeċidejt li ngħamel interpretazzjoni għall-Malti, li sabet ruħha, mill-ġdid, fuq Facebook.
It-titlu ta' din id-diska għażiża issa jinsab imberfel ukoll fuq il-karozza tiegħi, bit-tama li xi darba anki jien ngħix f'għelieqi bla tmiem ta' kriżantemi.


Heard About You Last Night ta' Mogwai
Il-ħolm huwa dak li jżomm lill-bniedem ħaj. U appuntu din id-diska li tiftaħ l-aħħar album tal-band tant għal qalbi, Mogwai, apparti li tinstema bħal soundtrack ta' ħolma, kienet akkumpanjament għall-ħolm ta' din is-sena. Mill-karozza għal fuq Spotify; mill-earphones fuq ix-xogħol sal-headphones f'nofs ta' lejl, mill-laptop għal fuq il-mobajl. F'din il-mużika sibt rilassament fi żmien il-kitba tat-teżi u sibt ukoll mezz kif nifhem lili nnifsi fil-paċi u mhux fil-konfużjoni. F'dil-mużika ħlomt bil-maġija u emmint li nista' ngħix l-impossibbli. Hekk kif beda l-kunċert ta' Mogwai f'Ruma u nisma dawk l-ewwel ftit noti, ma stajtx ma nħossx dexha tiela ma' ġismi kollhu. Mument maġiku tassew!
Użajt it-titlu ta' din id-diska bħala titlu għal rakkont qasir minn tiegħi li jinstab hawn.




Formidable ta' Stromae
Matul din is-sena ġraw affarijiet tassew formidabbli u li sa dan il-ħin li qed nikteb, ma nistax nispjega, għalkemm pruvajt. Il-kliem qatgħu qalbhom u anki l-arti. Baqa' biss qalbi tħabbat u tixxennaq li għadha tista' tgħum f'tant lussu. Sa minn meta smajtha l-ewwel darba waqt Sanremo din id-diska fissret wisq!


Sete ta' Saluti da Saturno
Kien album li rċivejt bħala rigal mingħand il-kantant Mirco Mariani. Album li akkumpanja l-ewwel xhur tas-sena b'ħafna tjubija u kebbes fija enerġija li kont tlift fis-sena ta' qabel. Sete filfatt titkellem dwar tfittxija u stennija nfinita għal dik li tixgħel il-ħajja. Album li wasal b'sorpriża u li niżel għasel bħal tazza ilma frisk f'nofs deżert.

L'Abitudine di Tornare ta' Carmen Consoli
Ir-ritorn tal-kantantessa ma nistax ma niċċelebrahx wara stennija ta' ħames snin. Carmen dejjem kitbet rakkonti li għallmuni ngħix u nifhem kif għandi nħares lejn il-ħajja... b'imħabba imma b'rispett lejja u lejn il-prinċipji fundamentali tiegħi.


Out of the Black ta' Royal Blood
L-iskoperta ta' qabel tal-aħħar. Fiż-żmien meta ridt insib ftit saħħa, sibt din, grazzi għal share li għamel sieħbi Davide mill-istess album. Jien bħas-soltu, ridt nisma l-album kollu u din, l-ewwel track, rebħitli qalbi.


I Lived on the Moon ta' Kwoon
L-aħħar skoperta dis-sena. Imma x'effett! X'paċi ġabitli! Bħal qisu xi ħadd ġie jwennisni f'mument fejn intfajt nibki taħt siġra f'nofs foresta kiesħa.


Diski oħrajn li ħaqqhom grazzi:

Shine ta' Madrugada
Rapsodia Satanica ta' Giardini di Mirò
Lover, You Should've Come Over ta' Jeff Buckley
Luna ta' Verdena







Sunday, 28 December 2014

Mawra f'Ruma

Jgħidu li kollox għandu tmiem. Biss ċertu tmiem jħalli wisq togħma tajba biex ikun jistħoqqlu jissejjaħ hekk. Għaddiet ukoll din il-mawra qasira fil-belt eterna ta' Ruma. L-Italja, bid-difetti kollha tagħha tibqa' ġenna tal-art f'għajnejja. Art fejn issib il-kultura magħġuna mal-poplu. Art fejn issib il-passat, il-preżent u l-futur. Fejn sibt ftit kulur.

Minn platt amatriciana, għall-ġelat taz-zabaione. Miċ-ċentru storiku mdawwal, għall-periferija mdallma; kważi kważi, diżabitata. Minn tfajliet u ġuvintur jarmu s-sbuħija għal nisa u rġiel jitħabbu mal bankina. Minn knejjes b'arti sagra, għal mużewijiet b'arti, għal ħafna, profana. Minn stabbilimenti li jbiegħu l-ferħ kosmetiku, sa oħrajn li jbiegħu ħsieb profond. Mill-pixxatur ta' Duchamp għall-latrini sofistikati tal-ajruport. Minn Minn toroq imdaħħna b'karozzi mgħaġġlin, sa ġonna wiesgħa miżgħuda gawwi u tħaxwix is-siġar. Minn Kahlo, għal Heckel, għal Keats, għal Pawlu ta' Tarsu, għal Spalletti, għal Rodin, għal Mogwai.

Żgur li l-akbar emozzjoni kienet ilbieraħt lura, meta fuq dak il-palk fl-awditorju ta' Piano, tfaċċaw Mogwai, introduċew lilhom infushom bħala band minn Glasgow u nfexxew idoqqu Heard about you last night, segwita minn Friend of the Night. Illami! Kif tista żżomm lill-qalb milli tħabbat tnax tnax, lid-dmugħ milli jitfaċċa u lix-xewk xewk milli joħnoq ġismu kollu, kull sekonda, ma' kull nota!?  "Grazie, thank you, cheers" kienu l-kliem ta' Braithwaite bejn kull silta u oħra... tant li kien hemm min ironiżża bill-sejjaħlu "chiacchierone". Sittin minuta, jew ftit aktar, ta' emozzjoni pura qalb folla entużjasta daqsi u aktar minni.

Emozzjoni oħra żgur li kienet il-mawra sal-Katidral ta' San Paolo fuori le mura. Ma nafx x'fatta iżda hekk kif kont hemm, quddiem dik il-biċċa ġebla li timmarka qabru f'katidral lussuż, ħassejtni kalm, kważi żżejjed. Erġajt fakkart lili nnifsi f'dan ir-raġel li aċċetta bidla f'ħajtu u għal raġuni, li nafu naqblu jew ma naqblux magħhom, għamel vjaġġi meraviljużi biex jentużjażma lil ħafna popli. Tassew ispirazzjoni sabiex anki nirrifletti dan kollu fuq il-vjaġġ tiegħi illum, jien li xi ħadd sejjaħli "Pawlu ġdid".

miktuba lura f'Awissu 2014

Żieme

Bħal fi Trojja, tfaċċa żiemel f'Belti u ġab miegħu nvażjoni. Bħal fi Trojja, l-installazzjoni "Żieme" inħbiet wara l-idea ta' monument, biss l-essenza ħarġet inkiss inkiss, infiltrat fid-djar u fl-imħuħ u nażżarda ngħid li anki din id-darba, il-gwerra ntrebħet.

Xi gwerra hi li ntrebħet?


Gwerra hija magħmula minn battalji u appuntu l-lista ta' battalji li ġew miġġielda kienu numerużi. Battalja kontra l-injoranza. Battalja kontra l-aljenazzjoni. Battalja kontra l-kunċetti estremi Nazzjonalisti u Soċjalisti. Battalja kontra l-għażż. Battalja kontra s-soffokazzjoni artistika u kulturali. Battalja kontra l-formalità politika. Battalja kontra l-ipokrezija reliġjuża. Battalja kontra l-ġaħan. Battalja kontra l-aristokratiku kollu pompa.

B'Żieme, l-artist u ħabib tiegħi, Austin Camilleri, irnexxielu jaħsadna u jekk lis-suġġett tiegħu ħallieh fuq tlett saqajn, żgur li lilna qabadna fuq sieq waħda. Kemm l-iktar mistoqsija sempliċi iżda anki dik l-aktar akkademika, tistħarreġ is-saħħa u l-istabbiltà ta' dik il-kreatura familjari, mhux aktar rikonoxxuta, u b'identità maħsuda sforz nuqqas evidenti u forsi makabru.

miktuba lura għal ġranet tal-inawgurazzjoni

Sunday, 16 November 2014

L-infinit

Huwa f'ċertu ħars li jintlemaħ jew jinħeba l-infinit. Hekk ikantaw Battiato u Consoli. Jistaqsu kif tista' ma twerżaqx dak li l-univers jorbot ma' rwieħna f'għaqda minsuġa bil-ktajjen?


Fil-forma ta' kliem u l-kumbinazzjonijiet ta' bejniethom, fid-daqqiet tal-pinzell diġitali, jien inwerżaq. Inwerżaq. Inwerżaq bħall-karozza arroganti li taħsad is-skiet ta' triq siekta. X'ħin tarani sieket, jien qed inwerżaq. Fid-dlam, qabel il-lejl jifrex liżar fuqi, iftaħ widnejk u tismagħni nwerżaq. Meta mal-ħobż tal-kexxun fit-towster titla’ xemx ġdida, ieqaf, neħħi minn idek u ismagħni nwerżaq.

Il-ħsieb u l-kliem joħorġu jilgħabu mal-lejl. Jiġru u jitkaxkru mal-art, qalb trabijiet, għadajjar t'ilma u karozzi pparkjati. Bħal missjunari jew forsi lagħaba bla fejqan jibqgħu isostnu l-fidi tagħhom b'ostinazzjoni. Jittajru kliem u ħsibijiet fi bżieżaq, fl-arja tiegħek u jiżżeffnu mar-ruħ bil-moħbi. Dak il-moħbi li ftit jażżardaw jitkixxku fih... ħlief int. Int taqbeż f'dak il-moħbi mimli tempesti, bluha u ħoss l-orkestri.

Nidħak waħdi b’għajnejja b’nitfa dmugħ, meta ma nifhimx għalfejn inwerżaq. Jekk l-univers jarmi l-ktajjen, jien niżloq, jien immut. Jekk l-univers ma jsallabnix, jien ma nerġax inqum wara tlett ijiem. Għalhekk kull lejl jiftaħ separju fuq destin diżorganizzat; imċajpar; u bir-ritmu tal-lastiku fuq il-wiċċ tal-karozza, jaħsel ħuġbejja b’emozzjoni biex l-infinit jerġa’ jagħmel sens. Biex meta tpoġġi fjura fuq qabri, tismagħni nwerżaq.

Ispirata minn din. Miktuba għal dik.

Monday, 13 October 2014

Ħarba

Nixtieq naħrab, nivvjaġġa bħal żrara maqbuda maqrusa mal-lasktu ta' rota ta' karozza. Imqar tkaxkira fuq l-asfalt, imma naħrab...

Pittura ta' Virginia Broersmal

Naħrab minn mistoqsijiet li jwelldu risposti li jweġġgħu. Naħrab minn silenzji banali, u kliem vojt li jirbumbjaw iktar minn żaqq balena fuq dieta stretta. Naħrab minn qalbi... naqlagħha, inħalliha warajja, forsi jgħaddi tifel, jaħsibha ballun u jixxuttjaha għal għonq it-triq, sakemm forsi buffura riħ tkaxkarha sal-port u tgħarraqha f'baħar, qalb il-fdalijiet ta' vapuri u bombi tal-gwerra. Jew qalb flixken tal-plastik li tbewwsu ma' tant xufftejn għall-kuntrarju tagħha.

Naħrab minn ġismi u dil-forma, difettuża, xejn interessanti. Naħrab f'art mingħajr toroq u hemm naħbi moħħi u ħsibijietu - u nħallieh jhewden u jhewden sa ma jitfaċċa serp kiefer u jibilgħu bla wisq posati, fradal jew manjieri tal-mejda.

Naħrab mill-kliem sabiħ li nħela minn persuni li kienu f'ħajti fil-passat u li llum sparixxew bla wisq ħabblu sufhom... għax hekk kien hemm bżonn forsi. Naħrab mill-ħsibijiet dwarhom. Naħrab mill-ħabs ta' ħolm din id-dinja u nfittex art taħt stilla bħal f'ta' Betlem - fejn ruħi ssib fejn tkanta "glorja" jew forsi tirgħa ma' erba' mogħożiet umli.

Nixtieq... naħrab mill-leblieba li nħobb, sa ma nsib spazju fejn l-imħabba titfaċċa quddiemi u mhux tibqa' tikolni minn ġewwa. U f'dak il-mument insellmilha, u naħrab b'kemm għandi saħħa fejn qatt aktar ma naraha jew nisma dwarha. Idealment f'post fejn bħall-mibgħeda, l-imħabba mhix kunċett.  Naħrab minn imħabba marida, li trid tħobb biss lilha nfisha. Naħrab minn imħabba li tilgħabha ta' ġest ta' karità... Naħrab minn l'Univers li jobdi lill-imħabba kif jirrakkontaw Battiato u Consoli.

Naħrab, nixtieq naħrab, anki minnek li qed taqra u qed tinterpreta dak li qed taqra skont x'tarrfitlek ħajtek. Għax ħajti qaltli mod ieħor. Għax jien mhux bħall-irġiel l-oħra.

"Mare mare mare voglio annegare
Portami lontano a naufragare
Via via via da queste sponde
Portami lontano sulle onde"

Wednesday, 11 June 2014

Jien, jien u jien

L-individwaliżmu huwa l-kawża qerrieda ta' tant firdiet u tant solitudni fil-kultura essenzjalment konsumerista tal-Punent. Jien, jien umbagħad jien. Illum nitgħallmu u nippriedkaw kif infendu waħedna, kif nesprimu dak li naħsbu b'assertività u kif inħossuna kapaċi mingħajr wisq bżonn ta' ħaddieħor.



Illum nitgħallmu kif nistħu nammettu li nħobbu bil-għama. Illum nitgħallmu nippuppaw sidirna meta ma niddependu minn ħadd. Illum nitgħallmu ngħoxew fin-narċisiżmu meta nikru post għal rasna. Illum nitgħallmu li aħna b'saħħitna jekk ma nibkux. Illum nitgħallmu li aħjar tiskot milli tafda, li aħjar titmermer milli twarrad ma' ħaddieħor. Illum nitgħallmu nitkellmu dwarna nfusna; il-jien, jien u l-jien.

Jien kburi li nħobb bla wisq raġuni. Li ngħix f'familja u jien parti minn komunità. Illum jien kburi li kapaċi nibki. Kburi li nafda anki meta nweġġa; basta mhux imsikket. Fl-aħħar mill-aħħar, kburi li nħobb, u forsi bħal iblah nibqa', kuljum, nissogra ċ-ċans wisq ħlejju li wara l-iljieli, nerġa' nwarrad.

Tuesday, 6 May 2014

L-ewwel karozza mberfla

Kienet ilha snin tberren f'rasi. Illum il-ħolma ċkejkna saret realtà. Kulħadd konxju li s-sengħa tat-tberfil qegħda, kulma jmur, tisparixxi u allura xtaqt li jien ukoll ngħin biex dan ma jseħħx. Lura fl-2003 kont tgħallimt napprezza dan ix-xogħol meta ġie f'idi l-album mużikali "Żifna" ta' Etnika. L-idea ta' Andrew Alamango u sħabu, li jintroduċu t-tberfil fl-aspetti mużikali, kienet laqtitni mmens, tant li fl-ewwel esibizzjoni artistika tiegħi fl-2008, kont inkludejt elementi tat-tberfil anki fil-kunest tal-arti viżiva.

Dalgħodu qbadt il-karozza u fid-9am kont San Ġiljan. L-artist Joe Farrugia mill-Qrendi, spjegali kif qagħad jispjega lill-mara li għall-ewwel darba, kien ser iberfel karozza privata. Forsi jien miġnun. Imma kultant sabiħ tkun miġnun. Kellha tkun karozza Beltija, kulur safrani tax-xarabanks l-antiki!

Joe esprima kemm -il darba li ma xtaqtx li juża l-istil l-iktar dekorattiv tat-tberfil għax ħaseb li dan jaf ma jikkumplimentax id-disinn modern tal-karozza, allura, fuq parir tiegħu, għażilna li nkunu ftit kawti u nibdew dan l-esperiment b'interventi sempliċi iżda eleganti. Apprezzajt ħafna l-ħsieb ta' Joe sabiex jgħażel kuluri li jirrispettaw l-isfar oriġinali tal-karozza. Ma nistax ma nsemmix ukoll dik id-'daqqa' partikolari li juża sabiex iberfel linja jew ittra u l-mod kif b'idejh u bis-swaba iżomm il-kontroll tal-linja! Gost kbir tara l-proċess iseħħ quddiem għajnejn. Filfatt ikolli nammetti li l-ħajra li mmidd idejja, tfaċċat...

Inħeġġeġ aktar nies jikkunsidraw din id-dekorazzjoni tradizzjonali fuq il-karozzi personali tagħhom. Għal aktar dettalji, tistgħu tibgħatuli email fuq tascity@gmail.com

Ατέλειωτα Χρυσάνθεμα – Għelieqi bla tmiem ta' kriżantemi. It-titlu ta' kanzunetta Griega li tassew tispirani, http://tinyurl.com/ovzleca - Grazzi lill-artista Maria Pantelidou għall-kitba!
Joe Farrugia spiċċa jberfel bil-Grieg ukoll!
Ejjew tascity!
tberfil... fil-veru sens tal-kelma
Linji perfetti mpenġija bl-idejn - xogħol ta' Joe Farrugia



Friday, 18 April 2014

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Remurdered. Maqtul mill-ġdid.

Biċċa mużika ideali għall-ġurnata tal-llum fejn ħafna nies madwari narhom mitlufa wara tifkiriet ta' żagħżugħ tal-età preċiża tiegħi li spiċċa msallab wara li ngħata bewsa.


Illum ma tantx għandi ħin nikteb minħabba mpenji oħra, biss kelli dan il-ħsieb iberren hekk kif dalgħodu faqqgħu dawk it-tlett sajjetti meraviljużi bejn is-sur ta' quddiem kamarti u qalbi. U meta jberren, ikun irid jinkiteb!

Lil min qed insallab illum?

'L bogħod minn kull diskors reliġjuż, ikolli ngħid li l-iktar sitwazzjoni li spiss ninjora hija meta nispiċċa nsallab lili nnifsi. Għandi x-xorti li f'ħajti tfaċċaw nies li b'xi lingwa jew oħra, ifakkruni meta jarawni b'xi kaxxa msiemer f'idi u martell fl-oħra. Kultant l-imsiemer tal-biżgħat, l-imsiemer tat-tfulija, taż-żogħżija, l-imsiemer ta' mħabbiet passati, l-imsiemer ta' futur 'bir-ross' bħal f'televiżjoni antik jew l-imsiemer ta' xewqat li jaqtgħuk mill-preżent. Minn issa.

Lil min qed insallab illum?

Nemmen fil-qawmien. Nemmen fi proċess li ħafna jitkellmu dwaru. L-istess proċess imma mhux l-istess nies, jew aħjar, mhux l-istess kostum. Min liebes ta' qassis, min ta' għalliem imżewwaq bl-akkademja, min bil-beġġ tal-mużew, min bid-dreadlocks, min miksi make up, min b'xagħru mqaxxra, min b'kitarra jew pinzell, min f'qiegħ ta' sodda qabel telaq u min f'nofs bikja ta' ferħ. Ħafna kostumi u gwerer iżda l-istess messaġġ.

Nemmen fil-qawmien ta' min weħel mal-passat, ta' dik it-tfajla mill-isbaħ li nqabdet il-Gżira tiġġenera l-flus b'ġisimha, ta' dak l-attivist li spiċċa mjassar mill-ħsieb tal-vjolenza. Nemmen fil-qawmien ta' dak il-missier li ngħalaq f'kamartu jaqra kotba inutli li wikkielu l-kappillan biex mingħalih isalva ruħu billi jixtarr mewtu. Nemmen fuq kollox fil-qawmien tiegħi lejn ħajja profonda bħall-għawma f'baħar blu u r-riħa ġenwina, għalkemm mielħa, tiegħu. Fuq kollox nemmen fil-bewsa; fl-imħabba.

Kien ikun fierah dan it-twemmin, mingħajr il-qawmien.

Le żgħażugħ, mhux kollox hu mitmum. Le ma rridx inkun ħati ta' qtil ieħor.

Remurdered.

Il-bewsa hija qawmien u qatt tradiment.


Monday, 17 February 2014

Kesħa

Ilbes għax tiksaħ
jew tibla xi riħ.
Mhux żmien li tinkixef,
tiġġerra fil-ksieħ.

X'qed tagħmel hawn barra?
Ingħalaq fis-skiet.
Taf sew li dan moħħi,
ma jrid l-ebda nkwiet.

Fuq ġewwa l-kuluri!
X'ħriġt tagħmel fid-dlam?
Int tad-demm u l-laħam,
jew qalb tal-injam?

Friday, 31 January 2014

Biki u theżżiż tas-snien

Ninsab imbikkem u rrabjat fl-istess ħin. Nixtieq nibki u nixtieq inwerżaq. Nitwerwer u nħoss dardir fl-istonku meta nirrealizza li ninsabu ċirkundati b'tant nies imliebsa għamad li lanqas jafu japprezzaw fejn qed jgħixu u x'inhu l-preġju ta' dak li għandhom.

Iktar kmieni dalgħodu xi ħadd tarrafli li wieħed mill-famużi ħwienet fit-Triq il-Lvant ġewwa Belti, dak li fi ċkuniti niftakru armat sa ruħ ommu b'ġarar tal-ħġieġ oħxon u kemmxejn ħadrani, wieħed minn dawk li minjaf kemm attira produtturi ta' films għal din it-triq, illum spiċċa mingħajr il-bieb antik u tant sabiħ tiegħu. Miegħu sparixxiet ukoll il-landa li fuqha kien hemm xi darba l-isem tal-ħanut u li issa spiċċat miksija moffa u sadid. Għaddejt ftit siegħat wara u nilmaħ dan il-bieb fi skipp. Kelli mmur xogħol u ma stajtx nieħu wisq azzjoni bil-mobajl tiegħi, li lanqas kuluri fl-iskrin ma fih. Xi siegħat wara sirt naf li l-iskipp kienet inġabret u allura qabadni niket kbir, speċjalment meta ħabib tiegħi għaddieli ritratt ta' dak li hemm issa, żewġ purtelli tal-ħadid!

B'liema arroganza, xi ħadd għandu dritt iħassar memorja ta' din il-Belt tant għażiża? B'liema livell ta' injoranza (f'sens ta', aljenazzjoni) kapaċi nkunu daqstant birdin quddiem dan it-teżor uniku fid-Dinja? U hawn, l-argument li l-propjetarju għandu dritt jgħamel li jrid f'daru, ma jsegwix. Propjetà fil-Belt Valletta, ċkejkna kemm hi ċkejkna, tgħamel parti minn tessut sħiħ ta' kultura, disinn, ħsieb u lingwaġġ, li vjaġġa tul iż-żminijiet f'ilsien il-ġenerazzjonijiet Maltin, sakemm wasal s'għandna. U llum, f'dinja fejn nistgħu nreġġgħu għal ħajja kull oġġett miblul, naqbdu u nkeffnu kollox biex ngħamlu spazju għal xi lqugħ tal-metall! X'ma jitgħeżżux is-snien!

Għada, (litteralment) jaf ikun imiss lill-ħanut ta' faċċata - tat-tabakk – ħanut tal-1868. Minjaf? Sakemm kulħadd jibqa' sieket, u sakemm id-dipartiment tal-infurzar tal-MEPA jibqa' ma jaħdimx matul tmiem il-ġimgħa, dawn it-tip ta' sfreġji ser jibqgħu isibu l-kumdità kollha. Biss biss minn dan tal-aħħar, ma nafx kemm -il oġġett ta' żminijiet antiki ntrema' fl-aħħar jiem!

Triq San Pawl... qabel u wara t-tkissir 
Il-ġimgħa l-oħra ġara l-istess lil ħanut fi Triq San Pawl u ftit xhur qabel, ix-xorti misset lill-ħanut tat-té ta' Frans fit-taraġ ta' Triq Santa Luċija. B'urġenza kbira hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet interessati, jadottaw sistema, ilbieraħ qabel illum, fejn dawn il-ħwienet, filwaqt li jerġgħu jingħataw il-ħajja, jiġu preservati fil-glorja oriġinali tagħhom.

Jeħtieġ ukoll li l-Beltin u anki l-Maltin li għandhom għal qalbhom il-wirt kulturali, jqumu mir-raqda u jsemmgħu leħinhom. Inutli niċċelebraw titli u festi kulturali jekk fil-qalba tal-mentalità kulturali għandna darsa mħassra li tnemnem daqs xokk elettriku taħt l-ilma.

Tgħid hawn widnejn mhux torox u għajnejn mhux mgħottija?


Monday, 13 January 2014

It-tazza tal-Ġojja

Fl-ewwel kitba tiegħi din is-sena, ktibt dwar Jannar, ix-xahar li tant inħobb. Din id-darba, iżda, għoġbu jkun kattiv u jaħsad il-ħajja ta' wieħed mill-ġirien; Clive Brincat, mgħaruf bħala 'il-Ġojja'.

Mhux ta' b'xejn dak il-laqam meta tara, tisma u taqra l-imħabba li ħalla warajh. Illum fi Knisja ta' San Duminku ppakkjata, ċapċapnilu u bkejnieh imma hekk kif indaqq l-innu tal-Valletta FC, bħal qisni erġajt ilmaħt lil Clive bilqiegħda, hemm quddiem il-Qorti, mhedi jikkonċentra jnaqqax xi disinn fuq dirgħajn xi klijent. Stħajjiltni ħiereġ mid-dar u nsibu quddiem il-bieb u nisimgħu jgħidli "aw Pawl!", b'dik it-tbissima mpekkabbli sinonima miegħu... u forsi naqbdu xi diskursata qasira dwar l-Inter u l-Milan. Illum sellimtlu għall-aħħar darba u tpaxxejt bil-komunità magħquda ta' ħbieb u kollegi li Clive ġab flimkien.

Hekk kif issa kont qed naqra artiklu li jitħadded dwar il-kultura, irrealiżżajt kif karattru bħal Clive, bis-sempliċità kollha tiegħu, iżda b'passjoni lejn kull ħaġa li kien iħobb, rawwem kultura li laħqet u nvolviet ħafna u ħafna u ħafna nies f'ħajtu u issa, anki wara. Bi ftit kliem u ġesti sempliċi dan ir-raġel, li kiber ftit metri 'l bogħod minni, mess lil ħafna u wassal messaġġ ċar. Dan kien l-aħħar kumment tiegħu fuq facebook:
"Bongu , nixtieq lil familja u il hbieb il milied u is sena it tajba mimlija saha u paci u jekk em xahat miggiled jirangaw u jattu il festi it tajba il xulxijn"
Hemm xi żżid? Madre Teresa kienet esprimiet xewqa li tkun qatra f'oċean li tqajjem xi mewġa ħafifa. Mhux b'omeliji tedjanti jew xi akkademja diffiċli imma b'ġesti sempliċi, bi tbissima sinċiera u appuntu b'ġojja lejn kull persuna li tmiss magħna rridu ngħixu din il-ħajja. Hekk, bħal Clive.

Tgħalima f'waqtha. Grazzi Clive - u prosit tas-suċċess li wettaqt minn ħajtek. Tazza li mhu ser tiswied qatt fil-vetrini tal-Beltin! Strieħ fis-sliem ħabib u Forza City dejjem!


Wednesday, 1 January 2014

Merħba Jannar

Merħba Jannar. Ix-xahar tant maħbub. Ix-xahar li fih tfaċċajt f'din id-dinja u li kull sena jfakkarni li qed nikber. Ix-xahar li kull darba jżewwaqli eċitament kbir bi stennija lejn il-Festa tant għażiża tan-Nawfraġju tal-Appostlu San Pawl f'Malta. Jannar, ix-xahar li fih, għall-aħħar snin, titfaċċa s-sogħba u t-tifkira ta' żewġ irġiel li għalkemm ftit kont naf, ħallewli impatt ħlejju u n-nuqqas tagħhom għaddieni minn żminijiet xejn sbieħ.


Hekk kif ilbieraħ għal ħabta ta' 23:50 intfajt taħt il-friex sabiex nipprova niċċelebra raqda komda flimkien ma' din l-infezzjoni li ġiet tgħix miegħi f'għeluq is-sena, ħsibijieti ttajru lejn dawk l-anzjani Beltin li jgħixu waħedhom. Dak li bil-krozza u b'wiċċ ta' uġiegħ imur jgħamel ix-xirja kuljum u dik li ilbieraħ stess ilmaħtha tiġbed carrier tul it-turġien ta' Triq San Pawl, sabiex tmur lejn il-kwiet u s-solitudni tad-dar.

Dlonk daqqew it-tokki mponenti tal-qanpiena tal-Monument tal-Gwerra u ftit mumenti wara d-daqq, mhux aktar sottili tal-ħornijiet tal-vapuri li kiser is-silenzju fil-Port il-Kbir. Meta l-Belt kienet meqjusa 'mejta', dawn il-mumenti fil-familja kienu speċjali għax kont tilmah iċ-ċelebrazzjonijiet mill-bogħod, fuq xi każin fil-Kottonera jew it-tokki tal-qniepen tul il-kwantità ta' knejjes li jidhru minn hawn. Illum l-għajjat tan-nies kemmxejn xurbana fuq xi sur, il-ħornijiet goffi tal-cruiseliners u l-ħoss tal-murtali kummerċjali, ifakkruni, bħal Jannar, li ż-żmien għadda u n-nostalġija jaf tkun kattiva - imsomma dik ma tafx mod ieħor.

Minjaf ma min fetħu x-xampanja dawk l-anzjani! Minjaf xtaqux jixtru kartuna ħalib dalgħodu imma ma ftakrux li llum kulħadd jibqa' rieqed wara serata mal-ħbieb? U tgħid l-uġiegħ naqsilhom? Tgħid dik l-anzjana għollietha rasha biex tara wiċċ xi qarib li mar iżurha? Jew inħakmet minn aktar solitudni meta fit-toroq ta' madwarha semgħet nies jiċċelebraw dan il-lejl differenti u lilha nesewha bħal dejjem?

L-ewwel jum ta' Jannar. Jum ieħor li jgħaddi u jintesa mal-bqija - jekk mhux aktar - għax lanqas kalendarju għad m'għandi! Merħba Jannar. Din id-darba nlesti t-tlieta u tletin xemgħa u hekk kif neħles minn dan l-uġiegħ, ser inħares 'l quddiem sabiex nerġgħu nkomplu fejn ħallejna bil-ħidma u bl-ideat kreattivi li jiġġeneraw il-ħajja.