Tuesday, 23 July 2019

Grazzi Frans Giles!

Illum kienet ġurnata twila u produttiva ta' xogħol. Biss fil-mument li filgħodu dħalt niċċekkja Facebook u sibt il-messaġġ ta' sieħbi Carl li nfurmani bil-mewt tal-għażiż Frans Giles, nammetti li kelli aptit inqum u nitlaq 'l barra nibki. Sfurzajt biex inżomm id-dmugħ u sibt refuġju fil-lista ta' affarijiet li kelli nagħmel għall-fini tad-dmijiet tax-xogħol.

X'naqbad ngħid fuq dan ir-raġel? Persuna li żewwaq b'tant sempliċità it-tfulija tiegħi meta spiss kont immur biex nagħmel xi qadja lil ommi; nidħol bil-ġirja fil-ħanut tat-té ta' Frans "il-Giles" u ngħidlu x'kellna bżonn.

Sakemm jinqala' minn wara l-bank u jidħol fil-kamra mudlama fuq il-lemin sabiex iġib dak li nkun tlabtu, kont nintefa ninnota lil xi erba' irġiel bilqiegħa, jaqraw gazzetta jew jieħdu t-té. Kien żmien ieħor u aħjar. Mingħajr il-mobile, mingħajr Facebook u Instagram. Dak iż-żmien in-nies kienu jiltaqgħu wiċċ imb'wiċċ sabiex jitkellmu u izekzku.

Niftakar ġranet meta akkumpanjajt lill-għażiża ommi għax-xirja, dħalna għand Frans u b'ġentilezza liema bħalha, isellem u jibda xi diskursata, minn dawk li ommi tant kienet tħobb. Kelmtejn dwar dak li kien qed jiġri fl-inħawi jew dwar valuri jew dwar kif bdew jinbidlu ż-żminijiet. Kont naffaxxina ruħi ninnota d-diskursata titwieled, tinbet u tiżvolġi fi ftit sekondi. Niftakar lil Frans jirrakkonta ġrajjiet passati, meta fl-aqwa tiegħu kien Pulizija jekk m'inix sejjer żball. Kien raġel rett u jisħaq li l-irġulija titlob rispett u kelma soda.

Nista' ngħid li Frans kien skuża għall-ewwel passi ta' indipendenza għalija. Ommi, li kienet b'sebgħa għajnejn fuq binha, ma damitx ma bdiet tafdani mmur b'xirja jew insarraf xi ftit flixken tal-ħġieġ sabiex Frans isarrafomlna fi ftit ċenteżmi. Kienet tara li kull flixkun ikun nadif tazza sal-inqas dettall, tgħabbihom f'basket taċ-ċarruta daqstant ieħor nadif tazza u tibgħatni 'l hemm, konxja li Frans ser jagħmilli premura sabiex mingħandu nerġa' dritt lura lejn id-dar. U hekk kien ikun, għax għall-grazzja t'Alla dejjem sibt hena fid-dar sakemm il-ħajja ma ħaditniex kollha kemm aħna f'toroq mudlama bla mistenni.

'Sporting Clive' fi Triq Santa Luċija, fil-Belt Valletta
'Sporting Clive', għax hekk kien jismu l-ħanut ta' Frans, ilu li għalaq. Jgħidu li kien ħadulu l-Gvern. Jgħidu ħafna imma l-verità qatt ma sirt nafha. Dejjem ħlomt li nerġa nara lil Frans jipprova jixref f'dik il-gallarija minuskola, għoddha ser iċċedi, sabiex isaqqi qasrija jew jagħti titwila fi Triq Lvant. F'dak il-ħanut kont inħossni 'home' u forsi minn hemm bdejt nifhem is-sbuħija tal-komunità.

L-aħħar darba li kellimt lil Frans kien taħt il-gallarija tiegħu ħdejn Ta' Liesse. Irrakkuntali kif xi ħadd kien daħallu d-dar u serqu. Bħal dejjem, saqsieni kif tinsab ommi u daqs li kieku hu ma kien għaddej mill-ebda tbatija, tani dik il-ħarsa li tgħid ħafna; jew kollox.

Dawn il-persunaġġi bħal nistħajjilhom ser jgħixu għal dejjem. Qatt ma bsart li dik kellha tkun tal-aħħar u saħansitra ilbieraħt lura ħarist lejn il-gallarija biex nara narahx kif kien qed ikun fl-aħħar snin.

Illejla filwaqt li l-inħawi fejn seħħ dan kollu jinsab mifqugħ bil-kant idarras ta' Ivan Grech u jien qed nipprova ngħarraq il-ħoss bi ftit mużika mill-Palestina, id-dmugħ jinżel hekk kif ninduna li biċċa tassew sabiħa mill-identità li sawwritni u dik Beltija, intemmet. Belti kif nafha, tkompli tisparixxi. 

Ma jibqax biss memorji ta' Frans. F'moħħi jiġu ulied Frans u anki n-neputijiet tiegħu, ħbieb tiegħi - dawn tal-aħħar uħud mill-aħħar eżemplari ta' tfal Pawlini Beltin li għadna x-xorti ngawdu – u noħlom li jekk ikolli x-xorti nixjieħ bħalma xjaħ Frans, narahom jiġġieldu huma wkoll għal dak li hu Belti, dak li hu tal-komunità, rett, skjett, ġenwin u ta' valur.

Intemm dan il-ħsieb bil-memorja tal-vetrina tal-injam u ħġieġ li kellu Frans fil-ħanut. Il-ġenna minn hemm bdejt nifimha. Kienet vetrina antika, mhux wisq mgħobbija bi prodotti, imma fiha kont nilmah dawk il-gallettini jew ċikkulati li ta' tifel li kont dejjem tlabt lil ommi ma tinjorax! U hekk kif kienet tisma' talbi u nara lil Frans jgħolli l'atu sabiex inewwel dak li nkun xtaqt, kont intiegħem ferħ ġenwin li ma kontx insib fi ħwienet oħra.

Grazzi Frans. Kif saħaq sieħbi Mario Vella l-Brikkun, kultant niżolqu nożannaw lil xi ħadd li jiġi nieqes u npenġuh bħal qaddis miexi fuq l-art. Ma ngħidx li kont qaddis imma llum nixtieq infakkar is-sbuħija tas-sempliċità li kont tħaddan. Nitlob li l-Mulej ineħħi dik il-kisra minn għajnejk u jibdilha fi dmugħ ta' ferħ kbir li bis-sempliċità ta' ħajtek, għoġbok trawwem madwarek u anki fija. Grazzi ħafna Giles – konvint li, li kieku tiftakar fik, illum, anki ommi qed tibkik.

Thursday, 23 May 2019

Ittra lill-Beltin ta' vera

Waslet l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġietni muża li nikteb ftit ħsibijiet li ilhom iberrnu f'rasi sabiex il-Beltin li nhar is-Sibt jitħajjru jmorru jimmarkaw il-karta tal-vot, ikunu għamlu ħsieb jew tnejn dwar dak li verament qegħdin jagħżlu.

Irċevejna l-flyers, ġew iħabbtulna u jkellmuna l-kandidati, uħud iltaqgħu miegħi fl-organizzazjoni komunitarja li jiena membru fiha u l-maġġoranza stednuni sabiex nattendi l-festin tagħhom. Kulħadd stinka fl-aħħar jiem sabiex jurini x'isarraf. U hawn fejn nibda nirrifletti dwar min tassew ser nafda sabiex iwettaq jew twettaq dak li tassew nixtieq li jseħħ f'Kunsill Lokali tant prestiġjuż. Għax il-plejer tal-ballun niġġudikah mhux kif jidher fir-riklam liebes il-qalziet ta' taħt issikkat, imma kif jilgħab il-partita deċiżiva li tiddeċiedi fejn imur il-kampjonat!

L-ewwel dispjaċir fil-kuntest Belti żgur li huwa dak li għal darb'oħra ma hawnx kandidati indipendenti u allura kull għażla li għandi hija ddettata minn ħsieb jew, sejjaħlu programm elettorali, ta' Partit, żgħir jew kbir. It-tieni dispjaċir huwa li ma hemmx kandidati tal-Alternattiva Demokratika għall-belt kapitali. It-tielet dispjaċir huwa li l-kandidat tal-Partit Demokratiku, lanqas biss naf min hu. Biss l-akbar dispjaċir huwa wieħed u xi ftit kompless.

Dejjem emmint li kandidat li joffri ruħu sabiex jirrappreżenta grupp ta' nies fuq livell politiku, għandu jindika eżattament x'inhuma l-miri personali tiegħu u mhux jissallab ma fuljett imfassal minn xi għorrief fil-Partit. Fi żminijiet politiċi oħra, dan kien jissejjaħ manifest. Illum nikkuntentaw b'xi ftit kummenti fuq Facebook u Alla m'għamlu! Nibqa' nirrealiżża kemm il-Partiti, speċjalment dawk l-aktar b'saħħithom, iżommu lill-kandidati tagħhom bħal ostaġġi; fil-għama ta' ċertu elementi sabiex dawn jibqgħu pedini fil-logħoba tagħhom. L-aljenazzjoni fost dawn il-persuni li ġenwinament jixtiequ jkunu ta' servizz kultant twaħħaxni u ninduna kif jieħdu gost ikunu għodda ta' Partit u mhux tal-komunità. Top to bottom approach!

Fl-aħħar snin u matul din il-kampanja elettorali, innutajt kif ħadmu l-Partiti. Il-Partit Laburista ippermetta li kandidati ferventi jibdew kampanja minn kmieni ħafna, però, kif kien bassarli partitarju Laburist kbir, fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja tfaċċaw l-"istar candidates" sabiex jassiguraw li l-voti jmorru fejn jixtieq il-Partit – forsi fuq bażi ta' popolarità, iżda wkoll sabiex ikun hemm min huwa iktar tal-qalba fil-kontroll tal-Kunsill. Strateġija li lil hinn mill-mitkellem bejn in-nies u li diġà jixhed hekk, tħallini nistaqsi kemm verament l-iswadra l-ħamra hija magħquda.

Tul l-aħħar leġislatura dan l-istess Partit aċċetta li fost il-kandidati tiegħu li l-Beltin għoġobhom jafdaw fl-elezzjoni li għaddiet, uħud abbandunaw totalment il-ħidma, filwaqt li oħrajn baqgħu jaħdmu b'riżervi minn ċertu distanza. Kont inħokk xagħri u nħabbat rasi nipprova nifhem għalfejn f'ċelebrazzjonijiet bħal Jum il-Belt Valletta jew il-Ġimgħa l-Kbira nara biss ċertu uħud u mhux kulħadd. Spiss pruvajt nifhem kif rappreżentanti hekk setgħu qatt jiddefendu kriżijiet tal-Beltin jekk lanqas biss kienu preżenti f'mumenti ta' għożża jew kburija.

Għall-kuntrarju, il-Partit il-blu ħareġ bit-tema #teamvalletta li f'dan il-każ inħasset ġenwina u nkuraġġanti mmens. Fit-tmexxija tal-Kunsill li għadda, inħoss li l-Kapitali spiċċat sfruttata u assedjata minn żvilupp kummerċjali sfrenat li llum il-kultura Beltija qed tbati l-konsegwenza tiegħu. Jiddispjaċini li matul dawn is-snin, il-Kunsill Lokali aċċetta li jkun emarġinat minn deċiżjonijiet importanti li seħħew, aċċetta li ma jibqax protagonist - jekk qatt kien - forsi għax b'nifsu maqtugħ jew għax wisq twajjeb. Forsi, kif ħafna jgħidu, kien hemm ħafna ntoppi filwaqt li responsabbiltajiet u merti tteħdulu. Fl-aħħar snin il-Belt Valletta sofriet telfiet kbar, l-akbar fosthom, il-ġentrifikazzjoni sfrenata u sfurzata kif ukoll l-għibien kważi totali tal-ħidma tal-Karnival. Mhux ta' b'xejn li fl-aħħar ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ballun, qajla dehret ir-ruħ kreattiva u kulurita ta' Beltin. Kif jgħid ħabib kbir tiegħi, ir-ruħ ġiet traskurata biex għamilna spazju għas-sbuħija kożmetika biss.

Minn dejjem ma kellix grazzja mal-aljenazzjoni politika. U iva, hija dik l-ikbar dispjaċir. Dispjaċir imġedded fl-aħħar xhur meta waqt konverżazzjonijiet ma' kandidati varji, ninduna kif l-ebda kandidat ma huwa jew hija aġġornata b'dak li qed jiġi mfassal għall-Belt. L-ebda kandidat ma kien konxju mit-twaqqif tal-Valletta Management Unit fi ħdan il-Heritage Malta - u li s'issa għadha ma ġietx varata. Jidher li Heritage Malta, ħatret lilha nfisha sabiex tkun responsabbli mill-immaniġġjar tal-ispazji fil-Belt Unesco u attivitajiet tal-komunitajiet, bħala 'belt ħajja'. Jiddispjaċini li inizzjattiva hekk, l-istess bħal dik kulturali tal-VCA, twaqqfet lil hinn mill-Kunsill Lokali Belti; fejn hemm ir-rappreżentanti tal-Beltin. Jiddispjaċini aktar li l-kandidati tħallew fid-dlam minn dan kollu. Saħansitra wieħed fost l-aktar kandidati papabbli qalb il-Laburisti saħansitra qal li "jekk huwa hekk, nirriżenja!". Nistennew u naraw.

Avviż ippubblikat 14/03/19 mill-Valletta Management Unit

Il-kandidati Beltin f'din l-elezzjoni huma kollha ħbieb tiegħi u naf x'isarrfu, allura nistmerr l-idea li dawn il-professjonisti varji jitħallew 'l barra minn dawn l-pjanijiet, filwaqt li strateġisti varji, ifasslu destin ta' individwi, familji u komunitajiet Beltin madwar mejda. Sfortunatament it-"top to bottom approach" fl-entitajiet governattivi jibqa' kankru li qed ikompli jitrawwem anki f'amministraturi żgħażagħ bravi mgħammda bl-idea li jaqdu tfassil iddettat mill-għoli li forsi joffrilhom pedistall ileqq minn fejn jiddu.

Ritratt ta' Strada Stretta mill-2011
Nhar is-Sibt sejjer nivvota lil dawk li nemmen li verament konxji minn dak li qed jiġri fil-Belt. Dawk li għadhom iħaddnu l-valuri. Lil dawk li jiftakru fi kliem il-Beltin li ħallewna u li rrepetewlna sa mewthom li l-Belt Valletta mhix għall-bejgħ. Ser nivvota bix-xewqa li l-kunsilliera jkunu xewka f'sorm kull pseudo-Belti li jaħseb li jaf aktar mill-Beltin. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid jiġġieled ġlieda qalila kontra l-ġentrifikazzjoni u l-arroganza ta' numru ta' kummerċjanti li ladarba l-Gvern tahom palata, dawn għamlu kullimkien tagħhom. Ser nivvota bix-xewqa li ċertu żbalji ħoxnin fl-ippjanar tal-bini fil-Belt Valletta jiġu revokati. Ser nivvota bix-xewqa li Kunsill ġdid ikun raġel u jammetti bla tidwir mal-lewża li l-kokaina saret reġina ta' din il-Belt. Li Strada Stretta, proġett li kien tant ċentrali fil-ħidma lejn l-2018, illum hija mekka mhux biss ta' tendenzi kummerċjali li ma jixirqux lill-Belt iżda wkoll mekka tad-droga; periklu f'linji tat-trab, speċjalment għal ħutna Beltin żgħażagħ li qed isibu sors tant qrib ta' darhom. U Sinjura, jekk taħseb li neputik għadu ma missx magħha, jaf għandek żball oħxon!

Nhar is-Sibt sejjer nivvota biex forsi nkun rappreżentat minn nies li jaqdu dmirhom qabel ma jippruvaw jilgħaqu lill-varji chairmans, Prim Ministri, kapijiet jew allat oħra.

Nittama li din il-Belt mibnija minn swar porużi issib nifs ġdid fil-Kunsill Lokali 2019 sabiex minn hemm titrawwem demokrazija fejn il-valuri tal-Beltin ikunu ċentrali u jingħataw priorità u niċċa ġdida. Forsi ma tafx kif u l-pjan maħsub li l-Beltin ikunu xkupati, ma jirnexxiex!

Awguri ħuti Beltin! Kunu għaqlin!

Sunday, 14 April 2019

Ġirbi b'dixxendenza u b'direzzjoni

Sieħbi Christopher Cassar talabni nikteb kelmtejn dwaru fil-perspettiva tal-ħidma li għaddej biha sabiex f'Mejju li ġej, il-Ġirbin jagħtuh il-fiduċja tagħhom u jerġa jirritorna bil-kbir fil-Kunsill Lokali tal-Birgu. Tajtu kelmti li nagħmel hekk bil-mod tiegħi. Ma nemminx li sentenza jew tnejn, kif ġejt mitlub, huma biżżejjed biex ngħid dak li għadni ngħid.

Ħa nibda billi, kif xieraq, infakkar id-dixxendenza Beltija tiegħu fil-familja taz-Zoj. Iżda naħseb dwar kemm tħabbat qalb Chris għal-Birgu, mhux ser inkun jien li noffri xi esklussiva!


Lil Chris sirt nafu ftit snin ilu ġewwa l-Fondazzjoni Valletta 2018. Sa mill-ewwel ġranet li ħdimna flimkien, deher ċar li Chris kien motivatur u li għalkemm kultant ta' rasu, kapaċi jisma u jevalwa ideat oħrajn. Chris kapaċi jisma' iżda kapaċi jinjora u jasal fejn jixtieq jasal biex dak li jkun qed joħlom iseħħ. Mill-bidu deher ċar li Chris kien bniedem tan-nies u li tassew jaf jara 'l komunità bħala prijorità.
Kien appuntu bis-saħħa ta' Chris ukoll li waħda mill-akbar ħolmiet li kelli għal Valletta 2018 seħħet. Il-Festa l-Kbira kienet proposta tal-Beltin li stinkajt għaliha tul l-aħħar snin, biss kien hemm numru ta' ostakli. Bl-avvent ta' Chris, kif ukoll id-direttriċi Catherine Tabone u c-chairman Jason Micallef, inbidel kollox u kien hemm ftuħ għal din il-ħolma tal-Beltin. Kburi li flimkien ma' Chris u oħrajn bħal Albert Dimech kont responsabbli sabiex nara li dan seħħ.
Ma' Chris u d-direttriċi Catherine Tabone waqt waħda mill-laqgħat bi tħejjija għall-Festa l-Kbira
Apparti l-element professjonali ta' Chris, nixtieq insemmi wkoll dak personali. Chris huwa patrijott kbir, Juventin, iħobb l-fast food, il-festi, il-marċi, id-dokumentarji dwar ġrajjiet kurrenti, il-Jameson bil-Coca Cola u l-Coca Cola. L'hena tiegħu jorganiżża l-praspar u jirrakkonta oħrajn li ħajtu mżewwqa bihom. L'hena tiegħu jinki, jinbex u jidħak dwar dan kollu - anki meta, skonti, ma jkollux biex.
Chris jammira u japprezza t-titli sportivi Beltin :)

Lil Chris sibtu hemm fuq livell personali sa mill-ewwel ġranet. Għalkemm ma naqbilx dejjem miegħu u l-modi tiegħu, naf li dejjem ikollu ntenzjonijiet tajbin. Ġieli l-modi tiegħu ma nkunx qed nistennihom u jirrabjawni jew jaħsduni imma wara telefonata jew żewġ birer, dejjem instab kompromess. L-aħħar każ, ilu biss ġimgħa! Chris huwa dejjem skjett. Ma għandux tidwir mal-lewża. Meta bqajt noħlom għal xi ħaġa u dherlu li kont qed inħabbat rasi ma' ħajt, qalli u tani r-raġunijiet li sfortunatament irriżultaw veri.

Chris tal-punt. Jibqa' jsostni xi konvinzjoni minn tiegħu u jista' mhux jinżel anġlu mis-sema jkellmu, għax ta' rasu jibqa'. Iva xi drabi jbaqbaqni għax ma nkunx qed nistenna ċertu modi li joħroġ bihom. Fortunatament imma, għandna ħbiberija ta' rispett reċiproku li tmur lil hinn minn dan kollu.
Fis-6 ta' April 2018 – Ma' Chris u uħud mit-tim tiegħu tal-produzzjoni
Chris iħobb il-ħajja u lin-nies. Il-komunità hija tassew prijorità għalih għax hu lest ikun ħabib ta' kulħadd. Iħobb jiltaqa' ma' nies ġodda u f'kemm trodd salib jaqbad l-itwal u l-isbaħ konverżazzjonijiet magħhom. Naf ukoll kemm Chris, għalkemm jipprova ma jurix, huwa bniedem sensittiv. Dejjem lest biex jgħin bil-mezzi u kuntatti kollha tiegħu u dejjem attent sabiex dawk li jkunu miegħu, ikunu rispettati, kemm-il darba jkun ħaqqhom.

Chris jemmen ħafna, żżejjed skont jien, fil-Partit Laburista – u għalkemm ma naqbilx miegħu fuq kif u kemm lest jaqdi lill-Partit, konvint illi anki hawn Chris għandu intenzjonijiet tajbin. Jemmen bil-għama li qed isir progress fil-pajjiż u jixtieq jikkontribwixxi biex dan joktor.
Ma' Chris waqt il-ħidma għall-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet għas-sena 2018

Issa ilni snin midħla tal-Birgu. Jekk naf b'persuna waħda li tħobb 'l Birgu aktar minn Chris u martu, din hija ħabibti Sabrina Carabott. Sfortunatament Sabrina ma għadhiex magħna biss niftakar li meta kont semmejtilha lil Chris, ikkonfermatli imħabbtu lejn il-Birgu. Testimonjanza ċara aktar minn dik ma għandix xi nagħti.

Inħalli f'idejkom il-Ġirbin biex tagħmlu għażliet għaqlin għall-komunità tant sabiħa tagħkom. Chris qarribni sew lejkom u tgħallimt napprezza aktar dak li jsawwarkom. Awguri lilek Chris u lil sħabek il-Ġirbin!

Sunday, 17 March 2019

KOBBA | Għeluq

L-Erbgħa li għadda, sieħbi James Vella Clark bgħatli messaġġ sabiex jindikali li kien hemm inervent ta' Franco Battiato fuq RAITRE. Ma lħaqtx rajtu sfortunatament.

Il-Kobba, il-proġett artistiku ntemm nhar il-Ġimgħa. Imma mhux il-kobba fiha nfisha. Mid-dar tal-ħabib ġdid Antoine Farrugia ħriġt b'bagalja bi ħdax-il biċċa arti. Iżda ħriġt ukoll b'bagalja emozzjonijiet bħal wara vjaġġ twil u emozzjonalment intensiv. Naħseb ħriġt b'aktar linji ta' spag aħmar jiġru minn qalbi lejn elementi li sawwru dan il-vjaġġ.

Il-Kobba kienet esperjenza ta' tlett snin ħsieb, kreattività, esperiment, deċiżjonijiet u ħidma. Grazzi kbira lil sieħbi Simon Sultana Harkins li għat-tieni darba kien kuratur ta' proġett minn tiegħi. Forsi mhux dejjem naqblu fil-metodi u ritmi tagħna iżda fuq kollox hemm sintonija ħelwa li tlaqqagħna f'punt komdu. Ma' Xmun inħossni komdu ma naqbilx u nisma' ħsibijiet minn perspettivi opposti.

Mal-kuratur Simon Sultana Harkins waqt l-aħħar serata ta' KOBBA
Il-Kobba ħaditli ħafna ħin u enerġija. Tatni mħabbiet u serqitomli. Tellgħatni s-sema u sabbtitni fl-infern. Rawwmitni u tnejjket bija. Serqitli nifsi - drabi fi ljieli ta' mħabba u drabi oħra fi ljieli twal ta' biki. Kobba għallmitni nċedi aktar u nħalli kollox jitlaq mingħajr ma ngħannaq iżżejjed. Kobba fakkritni li hemm persuni li kapaċi jgħixu f'gidba konsistenti sabiex jissodisfaw is-suppervja filwaqt li oħrajn, kapaċi jibgħatu sms u jiskużaw ruħhom għall-feriti li jkunu ċarrtu f'sider ħaddieħor. Kobba xxennaqni nemmen li tassew teżisti relazzjoni li tista' tibqa'. Għal dejjem. Imma mhux bil-kliem. Għal dejjem, bla biżgħat u mingħajr ma l-fil aħmar jifga 'l ħajja mis-suġġetti.

Illum qalb il-ħedla ta' wara nofsinhar intfajt nara l-programm li kien issuġġerieli James. Lessico Amoroso jismu. Sa mn'alla rajtu llum. Ma tantx hemm kliem biex tiddeskrivi l-ġmiel ta' dawk l-45 minuta. Tpaxxejt f'sakra ħelwa nisma l-kliem li nemmen fih b'tant saħħa. Kliem profond u xejn fieragħ. Kliem dwar elementi li kontinwament nipprova ngħix kuljum u li Kobba saqsiet dwarhom. L-istil ta' diskursati li nħobb nisma.

Massimo Recalcati jitkellem dwar l-akbar żewġ gidbiet li qed ngħixu. L-ewwel dik li l-ħajja adulta hija ħajja kapaċi li tkun awtonoma u indipendenti. Li ż-żmien jeżalta l-"jiena". Meta fi kliem Recalcati, mingħajr "l-ieħor", il-"jiena" ma jeżistix. Li l-"ieħor" jgħix fil-"jiena". U l-"jiena" ma hux padrun ta' daru.

It-tieni gidba kbira hija li s-salvazzjoni tagħna tinsab fil-poter tal-oġġett u li dan l-oġġett joffri l- possibiltà tal-ġdid. Oġġetti li jwegħduna ferħ u salvazzjoni. Xewqa umana li timbuttana lejn l-akkwist kontinwu. F'dan il-ġenn nitilfu l-element ta' kura lejn l-"ieħor". Sfortunatament għext nies mgħarrqa f'din il-ġirja bla nifs lejn infinit giddieb li jnessi l-kobor jew ibeżża' mill-kobor tal-għotja kompleta tal-imħabba.

Xi ġmiel l-argumenti li l-imħabba tiġġedded fiż-żmien. Kontra kull kuntrarju. L-imħabba bħal fjamma, tiġġedded, tissaħħaħ u tgħix fit-tul. Dejjem ġdida! "Meglio bruciare o durare?" Mhux ser ngħid xejn dwar l-intervent ta' Roberto Benigni. Nittama biss li ssibu ħin tisimgħuh.

L-għada li Kobba ntemmet, jitfaċċa dan kollu, bħal karru mimli ħjut ħomor, kobob... sabiex naqbeż fihom u bihom ngħix aktar u mmur x'imkien ġdid fejn niskopri relazzjonijiet b'imħabba li taqbad u li ttul. Mħabba vulkan li taħraq kollox u ġġenninni imma wkoll twassalni ngħix il-kwotidjanità f'paċi. Grazzi ta' dan kollu lil James, li fettillu jaħseb fija b'messaġġ. Illum infetħu toroq ġodda lil hinn mill-Kobba.

Aktar grazzi. Grazzi lil kull min għoġbu jakkwista xi xogħol mill-Kobba u jgħix ftit minn dan kollu miegħi. Grazzi lil min qasam ħsieb jew ftit sekondi miegħi tul is-seba' waqfiet. Grazzi lil min ma ġiex b'għażla. Grazzi lil min ma fhemx b'għażla. Grazzi lilek Claudia li minħabba fik twieled il-kunċett tal-Kobba. Grazzi Roberta. Grazzi Clint Scerri Harkins li tul dan iż-żmien sibt ħabib intens fik. Grazzi Carl Farrugia. Grazzi lil John Mallia, Edward Bonello, Victor Jacono, Martina Said u Stephanie Fsadni li xerrdu l-Kobba f'distanzi oħra. Grazzi lilkom li ftaħtu l-bieb ta' djarkom għall-Kobba. Grazzi lill-familja Agius li laqgħu lili għandhom. Grazzi lilek Louise li nsiġt linja ħamra miegħi u dewwaqtni sens tanġibbli u profond għal dawn il-ħsibijiet kollha.


PS. Għal min xtaq ikun jaf minn fejn twieldu t-titli tax-xogħolijiet f'Kobba, hawn huma l-kanzunetti li kkawżawhom

Wednesday, 27 February 2019

Kantiku għall-emozzjoni

Għaddew erbgħa u għoxrin siegħa ntensi. Emozzjonijiet, waħda wara l-oħra. U issa fl-aħħar għaxar minuti tal-aħħar siegħa tas-26 ta' Frar xtaqt inħarbex kelmtejn għal din il-memorja.

Il-jum beda b'diskursata ma' Alex dwar il-crowdfunding b'risq l-appell kontra l-iżvilupp tal-bajja tal-Mistra. Kien jonqos €2000 sabiex jintlaħaq l-ammont mixtieq. Qsamt ix-xettiċiżmu u riżervi tiegħi ma' Alex u bħal dejjem, fhimna lil xulxin. Awgurajtlu li l-iskop jintlaħaq u komplejt bil-ġurnata.

Il-vuċi ta' Faber minfuq Spotify lissnet lament li noħlom li xi darba ninseġ bħalu, jekk mhux diġà għamilt. Kliemu akkumpanjani waqt li erġajt ħdimt fuq ritratt grafiku li kont ħallejt l-lejl ta' qabel. Kienet ilha ma titfaċċa l-muża tal-kulur u l-forma imma ħdimt fuq wiċċ li ispira nifs ġdid f'ħajti fl-aħħar xhur.

Matul il-jum kelli diskursati mhux mistennija. Uħud ma' familjari, imħabbiet passati, oħrajn ma' nies li ma stennejtx. Diskursata ħelwa, bħas-soltu, iżda qasira din id-darba, ma' Ray tal-kwadri li għalih kienet maħluqha l-kelma "bieżel". Għalkemm b'mobile sieket, fi triqti mill-Mosta, bdiet b'sorpriża l-ewwel taħdita li laħqet il-qofol meta aktar tard kont ser inħalli parkeġġ fil-Ħamrun. Sadattant diskursata partikolari ma' persuna li qajla kont naf waslitli aħbarijiet li qatt ma stennejt. Erġajt ftakart kemm hawn bnedmin li jafu jgħixu f'paċi mal-gidba tagħhom infushom u kemm oħrajn isibu serħan f'imġieba vjolenti u pastaża. Ta' sebgħa u tletin sena aċċettajt li din hija tassew verità għal ħafna.
Lura lejn il-kapitali, mort inżur l-esibizzjoni artistika ta' sieħbi James Vella Clark. Fettilli nsib parkeġġ qrib. Dħalt fl-ispazju tal-esibizzjoni bi sħaba madwar rasi. Ma nafx, bħal qisni ma kontx hemm. Qrajt l-introduzzjoni stampata fid-daħla tal-ewwel kamra. U toqgħod tgħid Convergence, deskritta bħala "layers of experience come together to form something new and unique to what previously was. a layer upon layer of experiences, lessons, achievements, losses, regrets, aspirations". Kollox beda jieħu forma... 

Inħoss li James, sa qabel kont sirt nafu, dejjem tkellem lingwa li paxxietni fl-arti tiegħu. Inxebbħu mal-effett tal-lingwa Sirjana, li skoprejt fl-aħħar xhur u li għax tixbah il-lingwa tiegħi, tpaxxi s-sensi u xxennaqni nissemma kurjuż biex insir naf aktar. Ma niftakarx f'liem ordni dort max-xogħolijiet iżda niftkar li Yellow Morning u Erasing Memories serquli ħafna ħin. Dawn iż-żewġ biċċiet wasluli enerġija li kelli bżonn illum; kalma, rassenjazzjoni u fiduċja pożittiva. L-isfar maħruq dejjem kien il-kulur favorit u fih insib ħafna minni. Filfatt Yellow Light II u Yellow Light III irreżonaw ukoll. Poġġejt ftit bilqegħda u sraqt xi ritratt bil-mobile. Id-dmugħ feġġ quddiem Abstract in Red and Black. Biċċa xogħol vjolenti ħafna li tikxef lill-artist fil-profond kollu tiegħu għal min jaf jaqraha. Biċċa xogħol li tirrifletti silenzjuża imma ma tiskot qatt.
Erasing Memories

Yellow Light II u Yellow Light III
Abstract in Red and Black
Shazam qalli li fl-arja kien hemm mużika klassika għaddejja. Bach, J.S.: Suite for Cello Solo No.6 in D. Akkumpanjament f'waqtu li aktar tard skoprejt li kienet il-mużika li akkumpanjat lill-artist fil-kreazzjoni ta' dawn ix-xogħolijiet. Referenzi oħra għal dan il-ħoss fit-titli Dvorak, Chopin u Frederick's Garden. 

Pjaċir li nara l-iżvilupp li għadda minnu James anki 'l bogħod mill-landscapes ċelebri li spiss bżajt li kienu għoddhom ser jitfawh f'gaġġa. Xogħolu jilgħab mill-vjolenti, goff, sfaċċat u salvaġġ għas-seren, mistħi u nnoċenti. Għalkemm inħoss iktar kumdità fl-ewwel forma, nammetti li l-kontroll taż-żebgħa fit-tieni huwa xi ħaġa ammirevoli. Fuq kollox il-kompożizzjoni, l-moviment u t-tqassim tal-kulur f'xogħol James minn dejjem sibthom brillanti.
Yellow Morning
Lura lejn id-dar nirċievi aħbarijiet li ma stennejtx fit-tieni konverżazzjoni virtwali. Bqajt kemmxejn sorpriż. Sorpriż mill-kontenut iżda wkoll mill-koinċidenzi ta' kliem li ingħad lili fl-aħħar żmien u t-tema ta' xogħol James. Nies minn ċrieki u kulturi differenti li ħajjruni ma ninsiex li Alla biss għandu kontroll fuq il-ħajja.

Fit-tard mort fid-dar tal-anzjani. Lina qaltli li tħossha waħedha u tibki ħafna. Qaltli li idejja kienu kesħin. Qaltli biex nibqa' mmur naraha u biex inwasslilha l-messaġġ. Tereża qatt ma ltqajt magħha qabel illum. Magħdura ħafna tidher imma mis-sodda sellmitli bil-qalb.

Erġajt lura d-dar u rajt il-partita tal-Lazio kontra l-Milan. Xejn b'xejn ir-riżultat u anki l-kontenut. Wara xegħelt mobile antik u sibt messaġġi antiki varji li komplew mal-lista ta' emozzjonijiet.

U fl-aħħar waqa' silenzju. Ħadd ma baqa' jitkellem. Allura ktibt. Għax kollox għad ninsa. Kollox għad jintesa. Jekk mhux bil-kitba. Jew moqri f'pittura. Forsi.

Tuesday, 19 February 2019

X'fakkritni d-dementia

Id-dementia hija kundizzjoni li tnawwar. Nistħajjilha moffa. Kundizzjoni li tbikkem lill-vittma waqt li din tagħraf it-telfien ta' kull fakultà iseħħ bla ma tista' tintervjeni. Id-dementia hija kundizzjoni li tħoll il-bniedem minn kull ħsieb u tifdi lir-ruħ fuq din l-art. Tkisser kull forma ta' prużunzjoni u tfakkar li din il-ħajja m'hija xejn ħlief stadju.

Id-dementia ittambar turment kontinwu fil-qalb u fir-ruħ, ta' min jgħixha minn distanza. Bħal gas li joħnoq in-nifs, jew par idejn marsusa ma' għonqok li jeħdulek kull tama. Id-dementia teħodlok kollox, bil-mod il-mod; u għalkemm b'pass kwiet, tqaċċatlek kull xifer ta' sens minn din il-ħajja.


Id-dementia teħodlok u titliflek lil min b'saħħtu kollha xtaq ikun hemm għall-vittma imma jħoss qalbu mfarrka u vojt kbir jiċċirkondah. Teħodlok ħafna mill-iskop li titkellem ma' nies li ma jistgħux jifhmu u jibqgħu jippretendu li kollox jibqa' kif dejjem kien. Teħodlok lil min bil-kliem biss isibha faċli l-kelma "inħobbok". Teħodlok l-enerġija, il-motivazzjoni li tgħarrex waħda friska, l-orjentament, l-iskop. Toħloqlok baħħ.

Id-dementia bħal riefnu fuq xtajta; tkaxkar kulma ssib frivolu, giddieb jew mibni fuq ir-ramel.

-

Id-dementia ħaditli wisq u żżejjed imma nessietni il-knis tal-ħajja. Id-dementia fakkritni li quddiemi hemm l-isbaħ ħolqien; dik li tatni l-ħajja. Id-dementia offrietli ftit nies li bħali għexuha u fil-fraġilità estrema li jinsabu fiha, jitkellmu u joffru sapport. Id-dementia urietni li tbissima tfisser eternità. Li ġismi wkoll xi darba għad irid jitniżżel minn fuq sodda minn żewġ irġiel li ma nafx u jintefa' b'galbu f'kaxxa. Id-dementia reġgħet fakkritni li jifdal biss ħaġa waħda... fi kliemek ħabib: "Ħobb-ha". L-imħabba biss tibqa'.

Ħsieb b'dedika u rispett lejn in-nies li nħobb, oħrajn li sirt naf fl-aħħar xhur, raġel umli li sirt naf dan l-aħħar u ommu li ġiet nieqsa llejla. R.I.P.

Wednesday, 13 February 2019

Ħajtek mhix dwarek

Għaddiet il-Festa. Kemm jien kburi! U kemm emozjonijiet jibqgħu! Kemm riflessjonijiet, xewqat, dubji, taħbit tal-qalb, eċitament. Fit-3:15 ta’ filgħodu qalb il-mard li fl-aħħar qed iċedi, tiġi din il-muża tokrob sabiex tinkiteb. Il-kitba hija passjoni u għalkemm kien hemm min iddejqu u min ħaseb li nużaha biex nimpressjona, ma niċħadx li hija fost l-isbaħ duwa li nsib għall-uġiegħ li kultant inawwar din l-eżistenza. U għalhekk nikteb ma niqafx.

Ritratt għażiż meħud minn Carl Farrugia
Dik il-vara tal-Gafà rajtha tibdel l-espressjoni hekk kif sabet postha lura fil-Knisja. San Pawl tbissem. Forsi lili jew forsi lilna kollha; l-imġienen li nħaqqu kollox sabiex dan l-avveniment jibqà jsir. Imma ejja ngħidu li għal darba, Pawlu tbissem lili biss.

Kemm nixtieq li dik il-vara tista’ titkellem! Konvint li nduna bid-dmugħ imdendel li kelli hekk kif bdiet il-purċissjoni. Konvint li semgħani nkellmu qalb il-ħafna għajjat. Tgħanniqa kienet tinżel għasel. Ilbieraħ waqt live fuq Facebook, Fr. Karm spjega kif Pawlu għex kriżi wara li kkonverta. Kriżi ta’ proċess mudlam li kissirlu kull twemmin u ċertezza li kien ilu jrawwem minn ċkunitu. U allura min jien jien biex niddetta dak li rrid? U dak li rrid x’inhu? Il-fejqan fiżiku ta’ persuni li nħobb daqs dawl għajnejja? Ir-ritorn ta’ imħabba li emmint fiha? Forsi dawk. Ftit sekondi wara nirrealiżża jien stess li huma mpossibiltajiet li għalxejn nixxennaq għalihom.

“Meta mbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex, lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jista jkun, jitfgħu l-ġifen fuqha. Irħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.”

Waqt li Gabriella Agius kienet qed taqra r-rakkont spettakolari tal-wasla ta’ San Pawl f’Malta, laqtuni dawn il-frażijiet apparti l-mod eċċellenti kif qrat is-silta. Hekk kif ħadu deċiżjoni, irħew kollox… it-toqol u l-irbit… iċ-ċertezzi. U erġajt ftakart fil-kanzunetta ta’ Fabi, Vince chi molla.


Ftakart ukoll kif ftit jiem ilu sieħbi qalli sabiex meta nitħadded ma’ dak li “aħna għalih u tiegħu”, infakkru sabiex jieħu r-riedni f’idejh. Qalli biex meta nitolbu hekk, nemmen u nerħi t-tmun jien ukoll. Kultant nirrabja għax inħoss li xbajt u għajjejt inċedi. Xbajt u għajjejt nisma’ kliem ta’ tifħir iżda naqla’ id-daqqiet għall-istess raġuni. Xbajt u għajjejt niltaqa’ ma nies li jibżgħu jkunu veri, imqar lejhom infushom. 

U għalhekk l-ammirazjoni sħiħa lejn Pawlu u ħadd iktar. Pawlu li jġorr profil ta’ bniedem supperv - mhux ta’ qaddis tajjeb. Pawlu għaraf juża r-ras iebsa li kellu sabiex, kif spjega Karm, ħajtu ma tkunx gidba, ma tkunx dwaru iżda dwar xi ħaġa ikbar minnu: l-imħabba. Il-ġifen tfarrak iżda hu le. L-ebda tempesta ma rnexxielha twaqqfu - pjuttost bil-kontra!


Friday, 25 January 2019

Tisbita tal-beati paoli

Reġa' wasal il-25 ta' Jannar. Miegħu ħafna ħsibijiet u sensazzjonjiet kontrastanti. Qabel l-ewwel ħjiel tal-għodwa, innutajt lil sħabi jippostjaw ritratti marbuta mal-konverżjoni ta' Pawlu fuq Facebook. Illum għal ħafna Pawlini jiftaħ is-siparju fuq il-festi sbieħ li jġeddulna memorja mgħoddija lilna mingħand missierna, in-nannu u l-bużnannu. Memorja li huma, f'xifer tal-arblu familjari, talbuna nkomplu ngħaddu, kif twassal lilhom.

Filwaqt li nista' ngħid li Jeremy il-Juventin rebaħ l-isfida għall-isbaħ ritratt, (u hawn se jifraħ li l-Juve jirbħu kollox) ħsibt li jien ta' Milanist umli, stajt nesprimi ħsibijiet billi nerġa' inħażżeż erba' kelmiet minflok.

Ritratt ta' Jeremy Agius
Fl-2013 u fl-2015 ktibt dwar il-konverżjoni. Kunċett li jaffaxxinani wisq għal raġunijiet li lanqas jien għadni qatt ma għoddejt. Mhux ser nirrepeti dak li kont diġà ktibt.

L-immaġini romantika jew romantiċiżżata ta' Sawlu jinstabat minn fuq żiemel għalija tfisser li l-konverżjoni mhi xejn ħlief tisbita tal-beati paoli, dlam u nċertezza b'mistoqsijiet bħal "min int?" u "fejn se mmur?".

Il-konverżjoni tfakkarni fil-bżonn imminenti ta' umiltà. Il-bżonn li nieqfu nirkbu żwiemel jew nitilgħu fuq pedestalli biex mingħalina naħsbu li sirna xi ħadd importanti u ta' poter. Kif fakkarni sieħbi Mario lbieraħ, "kulħadd six feet under sejjer". Illum jew għada." Konverżjoni hija l-bżonn li nifgaw ix-xewqa spiss ħelwa ta' dak li fil-verità nafu li huwa tossiku.

Il-konverżjoni tibqa' tfakkarni, anki meta ma jkollix aptit niftakar, fil-bżonn tat-tjubija – dik li kontinwament teħodni fejn inweġġa' u ssabbatni bħal dawl jgħammex. Li mhux jien niddeċiedi iżda li b'umiltà nimxi lejn sejħa. Dik li kull bniedem jista' jsib biss fil-ġewwieni tiegħu u mkien aktar.

J'Alla ma nkunx trux.