Sunday, 3 March 2013

Rekord ta' Aljenazzjoni

Hawn min ser jivvota lil Partit Nazzjonalista għax fis-snin li għaddew il-Partit rebbħu borża ta' studju, irranġalu għal spazju ta' parkeġġ quddiem id-dar, għax xi ħabib ta' Ministru rranġalu biex isib xogħol jew għax jaħdem ma' struttura tradizzjonalment fidila lejn il-Partit. Iva hawn hu mifni bl-aljenazzjoni tant li lanqas jirrealiżża li x-xogħol jew l-istudju huwa dritt fundamentali u mhux pjaċir li xi ħadd jgħoġbu jirregalalek. Rekord!

Iva, hawn min jivvota lil Partit u mhux ieħor, għax sieħbu kandidat magħhom jew għax ma jiftakarx meta kien l-aħħar darba li ħa buzz daqs l-aħħar meeting li attenda. Hawn Laburisti u Nazzjonalisti li lanqas biss jafu għalfejn ser jivvutaw kif ser jivvutaw.

Xi ħadd talabni "nammetti" li jien Laburist għax nikkritika lill-Partit Nazzjonalista. Oħrajn, kemmxejn mifxula, jitolbu lil nies liberi, sabiex jiddeċiedu ma min "iżommu" għax innotaw li dawn jikkritikaw liż-żewġ imperi. Jeżistu Maltin tassew aljenati!

Bħal meta tiekol tlett platti mburġati minn xi lokal fl-Imġarr u tibda tistħajjel li minn xi toqba jew oħra ta' ġismek, xi ħaġa ser toħroġ f'ħin jew ieħor; l-istess Malta. Mifluġha b'aljenazzjoni li tħallik tittama fil-jum meta l-pajjiż, b'mod naturali, jkollu jpoġġi fuq loki biex inaddaf imsarnu. Dan dejjem jekk ma jilħaqx jirreġetta kollox fuq ħwejjġu, fi triqtu lejn il-loki.

L-aljenazzjoni rawwmitna f'verità mfassla apposta għalina. Verità mfassla sabiex tfassal lilna f'pellegrini fidili u konformi tal-istabbiliment. F'appostli għomja, jew kif jgħid Marju Vella, imtarrxa, ta' verità kosmetika li tipprogrammana skond pjan 'għoli'. F'nies li nippretendu li persuna trid bilfors tkun Laburista jew Nazzjonalista daqs kemm hi maskili jew femminili. Fejn jekk int Nazzjonalist temmen dak kollu li joħroġ minn fomm il-predikaturi blu u viċi versa, mingħajr ma tirrikorri għal fakultà intellettwali tiegħek. Fi kliem patri Mark Montebello:
"Ordni stabbilit ta’ madwarna; ordni li ħafna drabi jippreżenta ruħu bħala ‘normali’ jew ‘aċċettabbli’. Meta wieħed jgħarrex ftit aktar fil-fond, però, jintebaħ li hu ordni li jimponi ċerti regoli ta’ ħsieb u aġir. Dawn ir-regoli mhux dejjem jirrispettaw għal kollox il-persuni jew aħjar l-individwalità partikulari tagħhom."
U hawn fejn jidħol ħelu ħelu kumment li darba rċevejt mingħand uffiċċjal tal-Gvern li kien qalli (mhux nikkwota eżattament minħabba li mhux insib il-korrispondenza): "Ma tistax tippretendi li ssib xogħol mal-Gvern jekk tikkritika lill-Gvern pubblikament!". Grazzi għal dak il-kumment iddeċidejt li b'libertà responsabbli, nitkellem favur dak li nqis tajjeb u nikkritika dak li nixtieq nara jitjieb. Li nixxennaq u nokrob għall-mewt kiefra tal-mentalità dualista li ħakkmet lill-pajjiżi. Li nkompli nirsisti favur strutturi li, minflok jitwerwru, jilħqu l-orgażmu meta jsibu kritika. Il-kritika; l-uniku mezz ta' żvilupp kemm -il darba jkun hemm widnejn tajbin sabiex jisimgħu, jixtarru u jinterpretaw.

Fadal biss ftit ġranet għal verdett politiku tal-2013 u grazzi għal ħanin Alla, inħaddan kburi l-fakultà li nuża moħħi. Le, ma nħossx li l-Partit Nazzjonalista ħallieli argumenti fuq xiex nikkunisdra li nivvutalu speċjalment meta jibqa' jikkategorizzani bħala blu  jew aħmar. Biss id-dilemma bejn l-idea li jkollna t-tielet partit u l-idea li nappoġġja Partit Laburista li qiegħed jistinka serjament sabiex jinbidel, għadha preżenti.


Għal kuntrarju tal-Prim Ministru, qrajt il-programm elettorali tal-PL u anki taż-żewġ Partiti l-oħra. Nistqarr li għandi ammirazzjoni kbira għad-dettall maħsub li hemm fil-programm tal-PL speċjalment fuq l-aspetti dwar l-Arti u l-Kultura. Hemm bżonn kbir għal din il-bidla fl-oqsma msemmija. Huma oqsma li appuntu għandhom jkunu fundamentali għal trawwim artistiku li jgħinna nwelldu mistoqsijiet li jgħinuna nikbru kulturalment.

Fuq dan l-ispunt, nistqarr id-diżappunt tiegħi dwar l-artisti Maltin, speċjalment dawk stabbiliti, li ftit jew xejn jissugraw iċappsu wiċċhom mal-politika. Dan meta l-politika hija l-bażi tal-ħajja tal-bniedem. Ma niflaħx nisma u nara pseudo artisti Maltin li jibqgħu jinjoraw il-ħajja politika ta' pajjiżhom, pseudo artisti li jevitaw li jikkummentaw fuq livell politiku li ma jmurx 'jiċċapsu' jew jitilfu xi preferenza għal xi fondi finanzjarji imma jgħoxew jippuppaw sidirhom f'xi ftuħ ta' esibizzjoni jew f'xi kitba frivola. Huma tassew ftit dawk li ħarġu għonqhom f'kuntest politiku u lil dawn, insellmilhom b'ammirazzjoni. Fuq vena simili, ta' min insemmi anki l-kumment li ħalla Mario Vella fuq Facebook ftit tal-jiem ilu u nsostni l-punt tiegħu minn hawn:
Il-kodardja politika tax-xena artistika lokali: Attakk personali sfrenat ta DCG fuq KZT....u bhas-soltu kulhadd sieket. Ghax jekk tparla jittimbrawk. Ghax jekk tparla taqa' ghal livell baxx tal-antagonist tieghek. Id-dekor personali taghkom ma jiswiex centenzmu. Mank kollega pittur sabiex jirribatiha? Mank esponent tal-muziak klassika (li ghalija KZT indubbjament jirsisti hafna) ma jiftah halqu pubblikament fuq vilifikazzjonijiet simili?
Hemm bżonn li l-artist Malti iqum isemma opinjoni, bajda jew sewda, taqta' kemm taqta'... inutli l-passività f'ambjent fejn is-soċjetà għandha bżonn ħsibijiet li jeċitawha u jqanqluha fil-profond. Mhux li kien nintebħu, illum qabel għada bil-bżonn li nwaqqgħu l-ħitan li jżommuna milli nkunu aħna. Ejjew nibnu kultura ġdida ta' parteċipazzjoni soċjali u mhux individwaliżmu li jifred. Ejjew nindunaw li aħna li ngħixu fl-arti u bl-arti rridu nkunu fuq quddiem li nitkellmu dwar dak li hu. Hu kif inħossu li hu. Ma jistħoqilniex nilbsu l-kpiepel tal-arti jekk ngħażlu l-irdoss tal-aljenazzjoni aħna wkoll. Hemm bżonn rekord ġdid.

Sunday, 10 February 2013

Ambaxxatur tal-Belt Valletta

Jogħġobni facebook. Nhar l-Erbgħa iltqajt ma' sett ritratti ta' Peter Andre fuq il-paġna facebook tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Kien jidher li rebaħ xi titlu iżda ma stajtx nifhem xiex. Għażilt li nikkummenta b'xi mistoqsija jew tnejn għax xtaqt niskopri aktar iżda sal-Ġimgħa, 8 ta' Frar, kont għadni mhux nifhem. Fittixt fuq l-Internet u kulma sibt, kien artiklu fuq Reveal.co.uk li ta ndikazzjoni li Andre kien ġie mogħti t-titlu "Ambaxxatur Kulturali tal-Belt Valletta" mill-Kunsill Lokali tal-Belt tiegħi.


Ħadt il-ħin tiegħi sabiex nirkupra mix-xokk u fil-17:00 ħsibt li naqsam ritratt tal-istess paġna fuq facebook filwaqt li staqsejt dwar il-kriterji ta' din l-għażla. Iva, jogħġobni facebook. F'temp ta' ftit siegħat, dan l-imbierek ritratt kien qed jiġri fuq il-profili ta' ħafna u jikkrea d-dibattitu, dejjem mistħoqq, dwar x'inhi kultura u kif u ma xiex għandu jiġi assoċċjat l-isem tal-Belt tant għażiża għalina l-Beltin u Maltin.

Nammetti li kont sorpriż bir-reazzjoni tal-poplu nġenerali għal din l-aħbar. Apprezzajt li mhux biss il-Beltin iżda kull min huwa viċin tal-Kultura, għaraf japprezza l-osservazzjoni tiegħi. Sieħbi Teodor Reljic, ġurnalist ma' MaltaToday, għaraf jindirizza l-mistoqsija billi ġabar informazzjoni diretta mingħand is-Sindku f'artiklu nteressanti. Aktar kmieni lbieraħ l-istess Reljic ħarbex silta t'opinjoni personali dwar l-istess punt. Ramona Depares, mara kkulturata daqs mija, ukoll kitbet dwar dan kollu fuq il-blog tagħha ta' Times of Malta. Sieħbi l-'Boat' ħa wkoll l-inizzjattiva li jiġbor petizzjoni sabiex dan it-titlu jiġi rtirat.

Imma għalfejn il-poplu ħadha tant bi kbira? Varji l-interpretazzjonijiet li ħarġu. Min jgħid li aħna laqa tal-barrani u min jgħid li jekk dawn huma l-assoċċjazzjonijiet li nafu ngħamlu mal-Kultura, allura missejna l-qiegħ. L-inkwiet tieghi huma iktar profondi.

Wisq nibża li sforz in-nuqqas ta' investiment f'kultura għolja, dan il-pajjiż jinsab maħkum f'orgażmu dwar dak kollu li huwa kummerċjali. Sirna nsarrfu kollox f'numri u niġġustifikaw kollox b'numri. Kwotat minn MaltaToday, is-Sindku qal li permezz ta' dan it-titlu lill-Andre, "Valletta will feature prominently in his show on iTV which has an average viewership of 1.7 million viewers and a peak viewership of 1.9 million viewers. An additional 300,000 viewers watch reruns of his show."

B'ħafna sarkażmu ikkummentajt li meta tikkunsidra l-istudji tal-2001 fejn il-flus ġġenerati mill-pornografija kienu jammuntaw għal madwar $2.6 u $3.9 biljun. (Ackman, Dan (2001-05-25). "How Big Is Porn?". Forbes.com.) wasalna fi stat li nikkunsidraw anki xi stilla f'dan il-qasam bħala ambaxxatur tagħna.

Illejla, sħabi, is-sindku Alexiei Dingli u 'il-Boat' kienu mistednin sabiex jiddiskutu dan il-punt fuq TVHemm. B'xi mod il-ħin intilef u lanqas kellhom ċans jitkellmu u d-diskussjoni sfat posposta biss qabel ma l-mistiedna fetħu ħalqhom, intalbet l-opinjoni ta' Peppi Azzopardi. Bla ebda sorpriża smajna lil Peppi jitkellem dwar kif ma jifhimx li hawn min qed jgħaġġibha tant, meta tikkunsidra li Peter Andre ser jgħamel riklam lill-Belt Valletta għax "...waqt il-Malta Music Awards rajnieh bil-crew tiegħu jiġru warajh". Dan l-argument imur id f'id mal-kumment tas-Sindku, meħud minn artiklu fuq  timesofmalta.com "The title can be misleading perhaps. He does not represent the culture of Valletta, we’re just seeing it from a promotion point of view."

Filwaqt li nittama li m'aħniex ser nieħdu lezzjonijiet dwar Kultura (k kapitali ntenzjonata) minn fuq TVHemm, nistqarr il-konvinzjoni tiegħi li Peter Andre qatt ma kkontribwixxa għal kultura dinjija. M'għandux kredenzjali kulturali validi. Għandu biss kredenzjali kummerċjali limitati sforz is-suċċess li kiseb fl-1996 b'kanzunetta li laħqet it-tieni post tal-klassifika Ingliża u varji stejjer ta' gossip ma' Katie Price. Ikun tajjeb jekk qabel xi ħadd jitkellem dwar kultura u suċċess, jispjega x'jifhem biż-żewġ kelmiet!


Nirrepeti li il-kwistjoni madwar Peter Andre ma hix wisq in-nuqqas ta' komunikazzjoni minn naħa tal-Kunsill f'din id-deċiżjoni – għalkemm iva, anki dik hija xi ħaġa nkwetanti. Huwa argument fejn bħala ċittadin Malti u fuq kollox, bħala artist Belti, nistaqsi u niċħad l-eliġibiltà ta' Andre għal dan it-titlu relatat mal-Belt tant għażiża għalina. 

Andre kellu jkun mistieden iħalli l-impronta ta' idejh fil-Bay Street Walk of Fame jew xi titlu relatat mal-aspetti kummerċjali f'pajjiżna iżda mhux Ambaxxatur tal-Belt Kapitali. Għal kuntrarju tal-istqarrija tas-Sindku li dwar min jista' jkun eliġibbli għal dan it-titlu qal: "“It can be given to someone of certain fame, be fond of Valletta and is willing to help in the promotion of our city abroad", nemmen li hemm bżonn li dan it-titlu jingħata lil min jissodisfa ċerti kredenzjali kulturali u artistiċi u min għall-istess kredenzjali stinka fuq ambitu nternazzjonali u li għal dan huwa rikonoxxut.

Żgur li l-mibki Lucio Dalla kien ikun ambaxxatur denju; xempju brillanti għal titlu tant prestiġġjuż.

Sunday, 27 January 2013

Konverżjoni f'Jum in-Nawfraġju

Kemm rifsu nies fuq dawn il-Gżejjer? Kemm mexxejja terrqu fostna? Kemm? Politiċi, reliġjużi, artisti. Semmihom. F'xi mument ilkoll ġew iduqu ż-żîna ta' din l-Art.

Filwaqt li b'emozzjoni nirrepeti n-noti ħelwin għasel tal-Innu lil San Pawl Nawfragu, miktub minn Dun Frans Camilleri lura fl-1945, ma nistax ma nerġax inġedded l-idea f'moħħi ta' dan il-persunaġġ storiku li frott esperjenza ta' konverżjoni, kien ispirat jinbidel u kien ta' ispirazzjoni għal ħafna sabiex jinbidlu.

Niftakar f'Sawlu, qaddej fidil tal-Imperu Ruman li għadda minn esperjenza qawwija li biddlitlu ħajtu. Esperjenza li kontra kull mistenni ġegħlitu jitlef il-kontroll taż-żiemel, jaqa' minn fuqu u saħansitra jitlef id-dawl t'għajnejh.

Esperjenza li anki jekk mhux deskritta b'mod tekniku, iżda deskritta fuq stil metaforiku, letterarju u artistiku, twasslilna messaġġ ċar:

Sawlu mibdul quddiem għarfien ta' verità ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent kulturali tiegħu u jindirizza ħajtu lejn missjoni eżawrenti - bl-iskop li jinstiga konverżjoni universali. Konverżjoni li ma tarafx konfini, razez, sessi jew ġnus. Konverżjoni li lanqas quddiem il-mewt ma tibża' titbaqbaq. Konverżjoni epokali li ħasdet imperi politiċi iżda anki popli kemmxejn innokwi fuq gżejjer f'nofs l-ibħra. Konverżjoni rrakkuntata fi vjaġġ, mitmum b'nawfraġju kiefer li farrak bastiment sabiex jinbeda vjaġġ li jtul sa żminijietna fuq art f'nofs il-Mediterran.

Illum, filwaqt li nitpaxxa bir-riħa tal-Festa Pawlina fi Triq San Pawl, fl-uċuh kuluriti ta' sħabi ħabrieka Pawlini, fit-togħma ħelwa tal-qubbajt, fix-xita ta' karti tan-niżla tal-Mażri, fil-mota ferrieħa u mexxejja tal-qniepen tal-Kolleġġjata, niftakar f'Pawlu, fih u fija, u għat-tlieta u tletin darba f'ħajti,  f'daż-żmien tas-sena, nitolbu jispira fija konverżjoni. Konverżjoni li ma tbeżżgħanix minn qilla ta' mewġ qalil imma li tkissirli l-bastiment u twassalni fi xtajtiet, li għalkemm ma ngħarafx, jilqgħuni.

Għax kburi li jien Malti. Għax kburi li jien Pawlin. Viva l-Għaxqa ta' Malta!

Thursday, 10 January 2013

L-ewwel anniversarju "Mela jien il-pappagall tiegħek?"

Sal-bidu tas-sena 2012, l-ewwel appuntament li kont nistenna bi ħġari ma' l-avvent ta' sena ġdida kienet tkun il-ġurnata tat-28 ta' Jannar, jum twelidi, biss, bħall-llum sena, dan kollu nbidel. Ili ftit jiem issa nistenna dan il-jum tal-10 ta' Jannar sabiex "niċċelebra" l-ewwel anniversarju tal-edizzjoni memorabbli tal-programm Bondi+ flimkien mal-mistieden, id-Deputat Franco Debono.


Kienet serata li ħafna segwew b'interess, mhux biss għax id-Deputat 'ribelli' kellu ċans ieħor sabiex iwassal ħsibijietu iżda wkoll għax b'mod tassew mhux mistenni l-programm ġie estiż b'numru ta' minuti.

Iżda illum, wara sena, x'fadal minn dik is-serata? Personalment l-iktar fatt importanti, ma hux l-element ta' rebħa argumentattiva li ħafna kienu attribwixxew lid-Deputat fil-konfront tal-preżentatur. Lanqas il-mod kif l-iskeda ta' TVM akkomodat dan il-programm. F'moħħi jibqgħu mpressi żewġ frażijiet, illum ċelebri, li ħarġu bl-aktar mod spontanju imma profond minn fomm Franco Debono. Huma frażijiet li llum nirrikonoxxi kemm jidentifikaw il-personalità tiegħu.

Illum li kelli x-xorti niltaqa' u nitħadded ma' Franco Debono, nilmah fih personalità li ma taċċettax li tkun pappagall ta' xi ideoloġija staġnata, Personalità li b'ħafna ħeġġa u emozzjoni, tinsa lilha nfisha u titbaqbaq favur id-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem f'kull aspett tal-ħajja. Illum napprezza li dak li rajt u smajt fil-kaxxa ta' John Logie Baird fl-10 ta' Jannar 2012 kiber f'realtà, tassew relevanti, bħal għeruq li jfittxu li jrawwmu l-identità; l-identità tal-poplu Malti fi ħsieb liberu.

Minħabba li l-verżjoni sħiħa tal-programm imsemmi, ma tinstabx fuq l-internet, hawn hu r-rapport ta' ONE News dwar l-imsemmi programm.



Ikolli ngħid, mument li b'mod permanenti, ċaqlaq il-pedamenti tal-midja, il-politika u l-ħsieb tal-poplu Malti.

Friday, 28 December 2012

Inawgurazzjoni b'differenza

Illejla saret l-inawgurazzjoni ta' terz tal-proġett ta' rinovazzjoni tal-Public Broadcasting Services (PBS). Illum, propju l-aħħar Ġimgħa 'libera', qabel dik diġà mpenjata bid-dibattitu bejn Simon Busuttil u Louis Grech. Sabiħ tara l-PBS jieħu din l-ispinta 'l quddiem imma ċertu "kumbinazzjonijiet" xorta jibqgħu iħassbuni bla ma nixtieq. Ħa nirreferi għal tlieta biss:

  1. Fi żmien sitt xhur il-PBS filli kien "qed jaqa'", filli ġie "qisu CNN". Dan fi kliem xi persunaġġi li ġew intervistati. Interessanti din l-għaġla.
  2. Il-kumbinazzjoni tal-inawgurazzjoni illum, il-Ġimgħa - kumbinazzjoni minuti qabel jibda Xarabank tal-WE. B'hekk Xarabank jibqa' jissemma bħala "l-ewwel programm taħt is-sistema l-ġdida"
    Minflok PBS xandar programm speċjali dwar l-inawgurazzjoni, intuża programm privat bħala pjattaforma. Kif ser jitqasam d-dħul tar-reklamar illejla bejn l-istruttura tal-privat u dik pubblika?
  3. Ir-referenzi sottili lejn il-proġetti mwettqa taħt Gvernijiet Nazzjonalisti kkumparat mas-satira waqt "TV Hemm" dwar il-Partit Laburista hija kurjuża u fl-istess ħin tfakkarni fil-partiġġjaniżmu nvadenti u agressiv.
Il-propaganda partiġġjana tinħass iktar qawwija fi kliem il-Prim Ministru meta qal:
“... the Government’s vision in broadcasting has always been and still will be that to be proactive and innovative.
The change in Maltese broadcasting dates back to the early 90′s” reiterated Dr Gonzi, when PBS was established to replace Xandir Malta.
We brought a revolution in broadcasting when at that time we only had two radio stations and now we have thirteen who broadcast on the FM with several other broadcasting on the digital platform that add up to the several community radios”
(minn: http://tvm.com.mt/news/pbs-creativity-hub-inaugurated/)
Nistaqsi... xi tfisser eżatt dik il-"we" u kif tintuża fit-tielet paragrafu? Aħjar nidħak! Jekk ir-referenza lejn il-PN hija minnha, allura vera qed immissu l-qiegħ meta f'okkażjoni, suppost prestiġġjuża ngħamlu propaganda partiġġjana.

Fl-aħħarnett, din il-moda li nawguraw fażijiet ta' proġetti u mhux il-proġett komplut, hija tassew mera tas-sitwazzjoni redikola ta' kif qed jitmexxu l-proġetti issa li l-elezzjoni qorbot. Fażijiet mill-proġett ta' Piano, fażijiet mill PBS, fażijiet, fażijiet.

Filwaqt li nifraħ quddiem dan it-tip ta' żvilupp fl-oqsma tal-midja, nittama li l-ewwel u qabel kollox tiġi rrinovata l-attitudni li tħallat il-politika partiġġjana anki ma' dawn it-tip ta' investimenti u ma' dawn l-istrutturi.

Monday, 24 December 2012

Bambin irrelevanti

Id-dinja ma spiċċatx. Basktijiet, bozoz, ġugarelli. Uċuh mehdija fit-tlellix jew forsi fil-bambin tax-xemgħa. Orsijiet griżi jgħannqu t-tfal, rġiel xwejjħa libsin l-aħmar jiddendlu mal-gallariji, platti imdellka biz-zalza tal-fenek li issa kważi tinxtamm qarsa, rombli tal-karta iġenika u stonku għajjien.


Il-Milied. Żmien l-awguri. Dâri f'kartolina u iktar riċenti, b'sms. Illum jidher li facebook rebaħ din il-battalja wkoll. Awguri jinstabtu ma' kull ħajt f'dan is-sît soċjali.

Il-Milied. Twelid ta' tifel rivoluzzjonarju, għal ħafna rrelevanti; miksi taħt plastik u kartun minn tal-kaxxi mormijin, presepji f'vetrina, spallieri tal-firdiferru, ponsiettas nixfin, karti ċkejkna tal-fidda bi ħsibijiet fuqhom, remettar aċiduż u tqil, tazzi tal-ħġieġ, tappijiet tas-sufra u kontraċettivi użati. Maġenb il-muntanja b'riħa ta' qrusa; il-bniedem mitluf minn sensieh, rieqed, għoddu mejjet. Forsi għada jiftakar xi ħaġa x'ħin jistenbaħ.

Ejja twieled hawn ja tfajjel ċkejken. F'kamra mbarazz u moħħ mhux wisq inqas. Imma tiddejjaqx twettaq ir-rivoluzzjoni.

Sunday, 23 December 2012

Ħsibijiet

Din hija ittra ta' viżjoni li jiena kont bgħatt f'email, nhar it-23 ta' Frar 2010 lill-membri kollha ta' ĊAMYouths, ftit siegħat qabel ma ttieħed il-vot għall-leadership committee preżenti.



Għażiż ħabib/a,

Introduzzjoni
Kif taf, ġejt innominat bħala wieħed mill-kandidati bħala wieħed mill-erba’ mexxejja ta’ ĊAMYouths. Huwa ta’ unur għalija li ġejt ikkunsidrat al altezza ta’ dan l-inkarigu u f’dan il-mument meta aħna l-membri qed niġu mitluba ngħamlu għażla, nħoss li għandi naqsam miegħek dawn il-ħsibijiet; mhux biex nirbaħ posti, anzi, biex ngħamel ċari l-ideali tiegħi lejn ĊAMYouths u fejn nixtieq li kull eventwali mexxejja għandhom jiffukaw il-ħidma tagħhom. Nahseb li xieraq ukoll li kulhadd ikun jaf xi ħsibijiet għandi qabel jgħamel l-għazliet tiegħu.

Ma naħsibx li hemm bżonn inkun wieħed mill-mexxejja biex inkun nista nwassal dak li nemmen fih, għax nemmen li l-mexxejja qegħdin hemm biex iwettqu r-rieda tal-membri. Konvint li dan ir-rwol huwa mpenn iebes u mhux passatemp. F’dan il-mument inħoss li xieraq naqsam miegħek, minn qabel, dak li jien nemmen fih.

ĊAMYouths hija għaqda ta’ żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Għaqda li tul l-ewwel 15 -il sena tagħha għarfet tibni lilha nfisha fuq tlett valuri;  komunità, spiritwalità u missjoni. Illum li l-għaqda kibret ġmielha, tajjeb li naraw daqsxejn fejn nixtiequ naslu, nifhmu aħjar u nkebbsu l-ħeġġa lejn it-twemmin li ħallielna Monsinjur De Piro f’isem l-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll inkunu xhiedha ta’ dan kollu.

Imħeġġeġ mill-valuri li ħarġu fl-attività tal-komunitajiet il-kbar, FUSION, nixtieq inwassal it-twemmin tiegħi li f’din l-opportunità kbira li għandna li ngħixu ħajja komunitarja, kull membru għandu "Jisma, Jara u Jxandar". Kull membru għandu possibiltà jirċievi u possibiltà jgħati.

Fi triqtu lejn Damasku, Sawlu, ir raġel ta’ ras iebsa li ħolom biss f’li jeqred it-twemmin ġdid li ħawwel Kristu, irċieva sejħa. Sejħa kuntradittorja li sabbtitu mal-art, mhux sejħa faċli, imma sejħa li biddlitu hekk kif laqagħha. F’Sawlu ma nbidilx il-karattru imma nbidel l-iskop ta’ ħajtu. M’ilux smajt li f’dak il-mument Sawlu ma baqax il-protagonist ta’ ħajtu imma sar Alla l-protagonist.

L-iskop ta’ ĊAMYouths
Il-kelma skop illum saret tberren f’rasi ta’ spiss. Nemmen f’viżjoni fejn ĊAMYouths ma tibqax sempliċement għaqda taż-żagħżagħ, bħalma hawn ħafna, iżda tkun leħen fis-soċjetà; leħen li jitkellem favur inklużjoni u rispett u leħen li b’kuraġġ, responsabiltà u maturità, jikkundanna l-inġustizzji u diskriminazzjoni. Dan jista' jsir b’ħafna modi fosthom l-użu tal-medja.

ĊAMYouths għandha tgħamel dan bil-kliem kif ukoll bl-eżempju. Għandna niftħu l-bibien beraħ għad-diskusjjoni dwar suġġetti skomdi/antipatki u ma nibżgħux minn ħsibijiet ġodda, forsi rivoluzzjonarji u li jmorru kontra l-kurrent tal-mument. Suġġetti li nemmen li għadhom jingħataw prijorità huma, fost oħrajn, il-kumdità jew nuqqas tagħha, li jsibu membri f’ĊAMYOUTHS li mhux bilfors iħossuhom qrib tat-twemmin kattoliku jew nisrani; il-kumdità, jew nuqqas tagħha, li jista jħoss persuna omosesswali f’komunitajiet tagħna u fil-familja MSSP; il-faċilitajiet għall-persuni b’diżabilità eċċ.

Viżjoni
Nixtieq li naħdmu lejn viżjoni fejn ĊAMYouths joħlom, iwelled u jrawwem libertà ta’ espressjoni, ideat u nnovazzjoni. Viżjoni fejn jiġu sostnuti inizzjattivi fi ħdan it-tlett prinċipji ta’ ĊAMYouths. Fejn kull membru jiġi mħeġġeġ joħlom u jikkrea billi jingħata ispirazzjoni, widen, direzzjoni u sapport. Viżjoni fejn l-ixjeħ membru u l-iżgħar jingħaqdu sabiex iwettqu s-sejħa Pawlina.

Inħoss li wara l-ħidma sfieqa tal-kumitat preżenti, ĊAMYouths għandu joqrob dejjem aktar lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl sabiex tkompli tikber relazzjoni b’saħħitha. Relazzjoni fejn iż-żewġ naħat jisimgħu lil xulxin, b’fiduċja reċiproka, u jikbru flimkien. Nemmen li ż-żewġ naħat għandhom ħafna x’joffru lil xulxin.

L-iskop ta’ dak li nwettqu
Filwaqt li nkomplu nrawwmu u ndakkru l-kariżma missjunarja tas-Soċjetà Missunarja ta’ San Pawl, jiena nemmen li jkun xieraq jekk f’mumenti, nieqfu u naħsbu dwar l-iskop, mhux biss tal-għaqda, iżda wkoll ta’ dak li jsir fl-għaqda.

Nemmen li tajjeb nieqfu sabiex nixtarru dwar fejn sejrin il-proġetti ta’ missjoni tagħna. Kif dawn qed jitwasslu għand il-membri ta’ ĊAMYouths, kif qed ‘jinbiegħu’ għand nies li m’humiex parti minn  ĊAMYouths. Nistaqsu dwar il-kapaċità, jew in-nuqqas tagħha, li  ĊAMYouths tkompli tifrex u jew iżżid fil-missjonijiet tagħha. Dan jista jsir anki jekk inħarsu lejn it-timeline tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li ġie preżentat lilna waqt FUSION.

Nissuġġerixxi wkoll reviżjoni ta' ċertu strutturi u sistemi sabiex dawn dejjem jgħatu leħen lill-membri.

Bilanċ
Għalkemm nemmen bi sħiħ bil-valur tal-komunitajiet u għalkemm nemmen li ĊAMYouths għandha tkun opportunità sabiex aktar persuni jkollhom din il-grazzja tal-għixien f’komunità, dejjem ħassejt li hemm bżonn li jistab bilanċ bejn it-twaqqif ta’ komunitajiet ġodda u t-trawwim u taħriġ ta’ persuni li jistgħu jaqdu bi sħiħ ir-rwol ta’ gwida għal komunità. Dan ir-rwol iġib miegħu responsabbiltà kbira u jitlob dedikazzjoni kontinwa u għerf minn naħa ta’ kull min jidħol għalih. Jitlob ukoll ammont ta’ attenzjoni minn naħa tal-Kumitat tat-Tmexxija.

Relazzjonijiet Esterni
Nixtieq insemmi wkoll l-aspett ta’ relazzjoni ma’ għaqdiet u organiżżazzjonijiet ‘l barra minn ĊAMYouths. Filwaqt li nifrah lill-kumitat attwali għall-bibien li fetħu, speċjalment fuq xenarju ewropew, nixtieq li nimbotta l-idea li s-sabiħ li qed ngħixu f’aspetti varji f’ĊAMYouths, insibu ħin naqsmuh f’diskussjonijiet u laqgħat anki ma għaqdiet lokali oħrajn speċjalment dawk li jħaddnu kariżmi Pawlini.

Fejn jidħol l-isem tal-għaqda, għalkemm nammetti li jiena wieħed minn dawk li qatt ma ħassejt bżonn ta’ bidla, nemmen li tajjeb jekk jitkompla x-xogħol siewi li sar s’issa f’dan il-proċess.

Issa li huwa konfermat il-bini ta’ ċentru ġdid fir-Rabat, ikun tajjeb jekk dan jiġi armat kemm sabiex jaqdi lil komunitajiet f’ĊAMYouths kif ukoll possibilment sabiex irendi bħala dħul finanzjarju minn kiri ta’ faċilitajiet.

Spiritwalità
Nemmen li wasal iż-żmien fejn ĊAMYouths terġa tgħafas fuq l-aspett spiritwali tal-ħajja komunitarja. L-ispiritwalità tirrikkjedi ħsieb u profondità fuq livell personali iżda ġġib magħha ċ-ċans li nesperjenzaw il-fiduċja fil-komunità u l-fiduċja fil-Mulej. Sabiħ li flimkien noħolqu ċ-ċans li niskopru dawn it-tlett livelli ta’ spiritwalità.

Responsabbiltà
Nixtieq li min jieħu dan l-inkarigu u nkarigi oħra f’ĊAMYouths jidħol għalihom b’maturità u b’entużjażmu. Tajjeb jekk anki persuni f’dawn ir-rwoli jgħarfu meta jonqos l-entużjażmu u jekk ikun hemm bżonn jgħarfu jgħamlu pass lura. Nixtieq sa fl-aħħar li, ikun min ikun fil-pożizzjoni tant iebsa ta’ mexxej ta’ ĊAMYouths ikun bniedem li apparti li jħaddan il-valuri li għaddielna San Pawl permezz ta’ Monsinjur Ġuzeppi de Piro, jispira lil ħaddieħor sabiex jiskopri s-sbuħija ta’ dawn l-istess valuri.

Tuesday, 20 November 2012

Kwistjoni t'opinjoni... u xejn iżjed

"Għax din kwistjoni t'opinjoni" jgħid ir-ritornell tal-Brikkuni fil-kanzunetta Kollox Suġġettiv. Tassew, kulħadd impestat bit-talenti, kulħadd jaħseb li jista' jiddeċifra l-ifjen kombinazzjoni matematika permezz tal-opinjoni jew tal-gosti.



Wara li kkritikajt id-disinn fqir immens tal-famuż riklam għad-Dinner Dance Buffet ta' Dr Stefan Buontempo bil-kelma "orribli", kont qed nistenna, kważi bi ħġari, li xi 'opinjonista' ieħor jitfaċċa. Fl-aħħar, daqs sagħtejn ilu, il-ġenju tal-lampa qatgħali xewqti:
"m'għandekx dritt tmaqdar il-mod kif għamilt għax forsi lil Dr Buontempo hekk jogħġbu. Naħseb kien ikun ferm aħjar li kieku ktibt e-mail lil Dr Buontempo biex jekk għandek xi suggerimenti ressaqhomlu!! Jekk taf lil Dr Buontempo, iddedika ħajtu għall-politika u jekk trid tkun voluntier ma naħsibx li mhux se jilqgħek b'idejh miftuħa." – K.Caruana
Każ tipiku fejn il-Malti jippreferi jirrikorri għall-element ta' gosti/opinjoni u mhux għal valur tekniku ta' prodott. Valur tekniku li, iva, fid-disinn jeżisti wkoll, u mhux opinjoni.

Affaxxinanti l-kunċett ta' "voluntier" li spiss jitqajjem f'kuntesti fejn tmiss l-espressjoni artistika. Tal-madum, il-perit, tabib, nutar, għalliem, ġurnalist, parrukkier, dentist... dawk professjonisti u allura tifhem li jġibu prezz magħhom. Mhux disinjatur imma. Dak voluntier, daqs il-President fil-Perù!

F'dan il-każ, il-parlamentari jgawdi saħansitra minn konnotazzjonijiet Bibbliċi: "iddedika ħajtu għall-politika" - kawża ta' ġieħ; filwaqt li jien, biċċa disinjatur (ironikament bħal king Franco, dak il-"biċċa deputat"), jien mitlub inkun voluntier għax ma ddedikajtx ħajti għal xi skop qaddis.

F'pajjiż fejn tirrenja, apatija jew aħjar, baħħ kulturali post-modern u kontemporanju, il-poplu qatt ma ġie mgħallem ifarrak dak l-ikel li dejjem kiel mill-imgħarfa tal-fsied familjari u jikkrea riċetti ġodda. Il-Malti, fil-maġġoranza tiegħu għadu jbeżlaq lejn statwa figurattiva f'nofs pjazza u pittura ta' għasfur tal-bejt. Jiġuni f'moħħi varji episodji: gażżetta lokali talbet lil disinjatur ħabib tiegħi sabiex "iħassar" ġummiema (għadni kif skoprejt li hija l-kelma Maltija għal nipple) minn fuq reklam ta' ditta barranija li kienet turi tfajla fl-ilbies intimu. U kemm tqalleb Eugène Delacroix meta disinjatur kollega tiegħi ġie mitlub jgħatti sider il-Libertà fil-pittura La liberté guidant le peuple minħabba li kienet ser tidher fi ktejjeb edukattiv għat-tfal!

Il-Malti f'kull aspett, jibża' mill-iskumdità li mistoqsija taf iġġib magħha u appuntu għalhekk, ħuwha; l-għerf, rari jersaq sa xtutna. Filwaqt li jberraq u jiskanta quddiem il-għerf kreattiv tal-barrani, il-Malti jmeċlaq bħal mogħża, fl-opinjoni u l-gosti!

"Ara tgħid li inti tajjeb, għax naħbtu għalik bil-ktajjen, ja pulċinell!"

Saturday, 29 September 2012

Manipulazzjoni fix-xandir

Dal-pajjiż ilu jgawdi minn Awtorità tax-Xandir sa mill-1961. B'mandat li tkun ta' tarka fuq l-informazzjoni li tixxandar fil-midja lokali, hija tissalvagwardja l-verità fil-kontenut u fl-obbligi kummercjali u amministrattivi.

Nixtieq illum inqajjem punt dwar kemm l-awtorità hi ddedikata u mħarrġa sabiex anki tissalvagwardja eventwali manipulazzjoni ta' messaġġi. Għalfejn qed ngħid dan?

Qegħdin f'kampanja elettorali mhux uffiċċjaliżżata u bħalma nħobb ngħamel dejjem, nipprova nsegwi l-aħbarijiet taż-żewġ partiti politiċi. Huwa minnu li meta tara l-aħbarijiet mgħaġuna minn oppożizzjoni, tħoss li l-aħħar tad-dinja huwa diġa' magħna kif huwa minnu wkoll li meta tisma l-aħbarijiet skont il-Partit fil-Gvern, tħoss li t-tieni miġja ta' Kristu taf tkun kemmxejn inutli fl-istat idilliku li ngħixu fih. Storja antika, li nifhem ukoll. Dan qisek qed tara l-Milan Channel u l-Inter Channel qabel d-derby tal-Madonnina!

Li jdejjaqni huwa meta b'mod sfaċcat u makakk - anzi, jkolli ngħid, b'ammont ta' ħażen - il-gruppi editorjali tal-Partiti, jitolbu lill-persuni tekniċi u kreattivi tagħhom sabiex jeditjaw filmati bi skop li dawn jiġu jinfthemu b'mod differenti. M'huwiex dan manipulazzjoni tax-xandir? Ma huwiex dan fid-dover tal-Awtorità li tikkoreġih? Ġurnalisti, edituri, fotografi u grafiċi professjonali qatt ma tgħallmu r-regola li fil-ġurnaliżmu, l-ewwel dover hu li tgħid il-verità?

Il-problema tkompli tiggrava meta tinduna li anki nies ta' ċertu kalibru u ntelliġenza, qed jaqgħu għal din il-manipulazzjoni - aħseb u ara l-poplu fit-triq! Bħalissa qam id-dibattitu dwar il-famuża paga minima. U hawn ġara bużillis kbir li tani mbuttatura sabiex nikteb din in-nota! Filwaqt li Joseph Muscat qal proposta minn tiegħu, li sinċerament ma nistax nikkummenta fuqha għax minix ekonomista, il-midja tal-Partit Nazzjonalista, għażlet li teditja l-filmati b'tali mod li 1) tibdel il-ġist tal-kontenut 2) tixħet dawl qarrieqi fuq il-proposta 3) tgħati mpressjoni li min attenda għad-dibattitu ukoll kien qed jibilgħu f'għajnu b'dak li kien qed jintqal. Bqajt imbellah nara l-verżjoni tagħhom! Biss, kull bniedem responsabbli u ta' ftit idea dwar editing, jaf biżżejjed kif sar il-cutting tal-immaġini, u tal-audio, l-għażla tal-mużika u t-ton tal-vuċi! Hemm għalfejn nispjega dak ukoll?

Hawn hu x'qal Joseph Muscat. Ara l-vidjo.
Hawn hu kif xandarha l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.
Kif żewwaqha aktar l-Partit Nazzjonalista. Ara l-vidjo.

Manipulazzjoni oħra hija l-użu tal-kelma "deċiżjoni/wegħda (ta' Muscat li jiffriża l-pagi)", minflok "proposta". Ninża l-kappell lill-istrateġisti tal-PN imma nitqażżeż ninnota l-ammont ta' makakkerija qarrieqa li tintuża f'kuntest tant importanti għal poplu.

Dħalt facebook u sibt li anki Michael Briguglio (Chairperson and spokesperson for Economic Policy and Culture of Alternattiva Demokratika) qed jiġi nfluwenzat billi jgħid "It baffles me how a new middle class can be built whilst denying workers an increase in the minimum wage."  

Minjaf fejn hi l-Awtorità tax-xandir? Ftit editing jaf jibdel l-ġist ta' diskursata imma naħseb lanqas riefnu qawwi ma jibdel il-klikkek partiġġjani ħomor u blu li jeżistu nfilsati kullimkien! Filwaqt li f'Madrid il-poplu niżel jieħu sodisfazzjon fuq id-drittijiet tiegħu, hawn Malta l-poplu mar iċapċap lil min qed iwaħħalulu ħelu ħelu, kuljum u jbellgħalu nformazzjoni manipulata! Ħasra li anki l-PN qed ikompli jaqa' għar-redikolu meta jippromwovi din l-attitudni fil u mill-midja tiegħu. Jien quddiem dan kollu ma nista' ngħamel xejn ħlief nikkummenta, ngħati raġun lil Franco Debono u nsaħħaħ  l-għażliet tiegħi lejn elezzjoni oħra!

Friday, 28 September 2012

It-tielet Partit

Kif ngħamel ta' spiss, dħalt naqra l-blog tal-'king' Franco Debono, li bħalma stqarrejt kemm -il darba, għandi ammirazzjoni kbira lejh. Qrajt il-kitba tiegħu tas-26 ta' Settembru, dwar l-idea tat-tielet partit politiku u minħabba li ili snin neqred b'din l-idea, ma stajtx ma nirriflettix ftit fuq dak li kiteb.


Nikkwota parti minn email li ktibt fit-2 ta' Settembru,
Ili snin ngerger li s-sistema dualista tal-parlament u l-politika ngenerali Maltija hija bażwija. Ittamajt fl-AD izda ghalxejn. Iva nemmen li t-3 partit huwa bzonnjuż immens. Hemm bżonn titwaqqaf il mentalità fejn il-partiti jfittxu ftit 'yes sirs' u jrawwmuhom bħala kandidati fidili li jgħidu iva għal kollox!
Għandi opinjonijiet varji rigward l-idea. Nemmen f'kandidati ndipendenti eletti fil-Parlament u f'aktar għaqdiet rappreżentattivi. Noħlom ukoll li partit ġdid ikun iddistakkat kompletament mill partiti preżenti kemm bħala mmaġini, kif ukoll bħala isem. Wisq nibża' li b'titlu li jinkorpora fih il-kliem "Partit" u "Nazzjonalista", dan jaf jiġi nterpretat bħala klikka ġdida b'fundamenti simili għal tal-Partit Nazzjonalista u allura jgerrex lil kull min maż-żmien, tgerrex mill-bejta l-blu u lil min, frott l-injoranza, dejjem ra l-blu bħala kulur l-għadu.

Nemmen f'għaqda jew assoċċazzjoni li ssemma' leħinha fuq dak kollu li jkun qed jiġri u mhux biss dwar dak li jinteressa lilha biss. Hawn fejn inħoss li tfalli l-Alternattiva Demokratika. Nemmen f'għaqda u mhux f'Partit li jitolbok tħallas membership u li jħeġġek tinżel tpaqpaq meta jiskorja! Il-politika mhix partita futbol! Nemmen f'Madrid fejn il-poplu jirreaġixxi kontra min imexxih ħażin u mhux jibqa' passiv. U hawn nħeġġek tara dan l-intervent ta' Maurizio Crozza li jitkellem madwar l-istess punt.

Nittama li int li qed taqra, tgħaraf ma tibżax tinħall mill-irbit ta' kultura li rawwmitna ngħażlu bejn aħmar u blu; inġelldu l-aħmar u l-blu; nikkategoriżżaw f'aħmar u blu; nirraġunaw f'aħmar u blu! Xi wħud jgħiduli "imma dan kollu ħolm Pawl! Trid tkun prattiku!" Jien ngħid... kieku ħadd qatt ma' ħolom, kieku għadna niġġerrew Għar Dalam!

Nittama li l-lirika tal-grupp Sempliċiment tat-Triq isseħħ tassew: "Ħabib, ir-revoluzzjoni qegħda fil-qrib" (mill-kanzunetta 'Qumu minn hemm')

Thursday, 20 September 2012

Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt

M'hemmx xi tgħid. Kull darba li nisma u nara diskursata ta' Lawrence Gonzi ninżalu l-kappell għal faċilità mpressjonanti li għandu sabiex jikkomunika. Mingħajr l-ebda ħjiel ta' paniku jew tferfir, jlissen kelma wara kelma, frażi wara oħra u juża teknika ta' persważjoni vokali li ġġib il-għira anki lil David Ogilvy. F'mumenti hekk inkompli nifhem għalfejn Gonzi kien u għadu l-aqwa frontman għal band tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra anki f'tour batut, huwa jirnexxielu jiġbor ġieħ u jneħħi l-geddum lill-partitarji.

ritratt: www.facebook.com/partitnazzjonalista

Nistħajjel lil Gonzi, bħall-aqwa oratur, konxju li l-folla quddiemu, (l-istess bħal dik quddiem Joseph), hija komposta għall-maġġoranza tagħha minn nagħaġ fidili mhedija jinjoraw lid-dinja u lebsin ta' studenti universitarji, anzjani msadda b'memorji antiki u adulti bil-mażżra ta' familthom ma' għonqhom. Il-bqija: taħlitha ta' nies intelliġenti li kielu u xebgħu minn fuq l-amministrazzjoni u jitwerwru jaħsbu fuq għada differenti. Bi kliem bħal "tinsewx li aħna qegħdin fil-politika biex inservu." u "intom afdajtu lill-pajjiż f'idejn il-PN biex imexxi. Se ntuhulkom aħjar milli tajtuhulna", jaf li anki l-eħrex qalb jaf taqbżilha demgħa!

ritratt: www.simonbusuttil.eu

Xmun ma kienx ħiereġ għall-elezzjoni, imma issa ħiereġ. Ma tridx tkun għaref fil-matematika biex tifhem kif tilgħab iċ-ċess. Ilbieraħ Xmun spjega għaliex din l-għażla tiegħu u spjegalna kif fil-familja tiegħu dejjem qies lill-Laburisti bħala familjari aktar milli avversarji. Fl-istess kitba t'opinjoni fuq il-ġurnal Times of Malta huwa stqarr ukoll:
"I do not believe in divisiveness but in unity. I do not believe in stubbornness but in compromise. No one is always right or always wrong."
Għal darb'oħra, kliem imħallat mal-għasel. Tistħajlek qed tgħum għarwien fid-duwa tal-Maddalena. Fl-istess kitba, Xmun tenna wkoll:
"Change is good, but only when it is for the better. Not for the worse."
u f'diskors dwar l-Unjoni Ewropea:
"... we cannot exploit these opportunities if we are led by a party that has been, at best, sceptical about them."
U hawn jiġri l-bużillis. Nitfixkel. Niddubita lil għajnejja. Nerġa naqra. Imma le, sewwa qrajt. Filli karikatura ta' persunaġġ kważi kważi qaddis li jippriedka l-għaqda u l-kompromess, filli ġurdien xiħ li b'reqqa makakka u messaġġ subliminali, jwissi lill-qarrej sabiex jagħraf lill-'avversarju' li huwa eħżen billi jiddeskrivih hekk kif kien xi snin ilu u mhux kif inhu llum! Politika tas-superstizzjoni.

Imma iva, il-popolin fidil jibqa' jiġġudika l-wiċċ grazzjuż, il-vuċi sottili jew is-sentenza mirquma. Il-popolin jiġġudika l-kliem meqjus anki jekk mhux neċessarjament veru - bħali li kultant, bl-għaġġla, ngħażel nixtri l-pakkett għaġin skont is-sbuħija fid-disinn tal-pakkett u mhux fil-ġenwinità tal-prodott.

Qed toqrob il-'gwerra'. U fil-pajjiż qed ngħixu xenarju fejn iż-żewġ partiti qed jillustraw l-arsenal, b'hekk imsejjħa warm up meetings, fori u diskussjonijiet. Partiti li qed jiftħu l-bieb għal kulħadd, basta jiġbru vot ta' simpatija. Kważi kważi qed nistenna xi partit jikkandida lil xi kantant tal-Jurovixin jew xi preżentatur tat-telexopping. Lanqas naħsibha ma' rrid!


L-ironija hi li min għażel li jiġġieled kontra l-attitudni giddieba tal-partiti, għadu qed jingħata bis-sieq.

Min kien diżgużtanti lejn il-pajjiż u lejn ċertu persunaġġi, jinsab f'żiffa ħelwa jsoff xi koxxa ħaruf.

Huma ftit dawk li urew l-appoġġ lejn min joħlom li jkisser dak li hu mmuffat biex jerġa jibni mill-ġdid b'saħħa ġdida. Huma ftit dawk li fehmu u emmnu li Gvern ma huwiex ekwivalenti għal partit iżda, rappreżentanza tal-poplu. Ftit huma n-nagħaġ fidili, jew l-intelliġenti mdardra, li kapaċi jiċħdu lill-Partit tagħhom għal ġid tal-pajjiż. Il-kredu tal-maġġoranza lejn il-Partit, jibqa' wieħed: "Dejjem ridtek, dejjem xtaqtek, lilek ħabbejt" f'ċapċipa kommossa u ftit dmugħ sħun.

Xmun rikeb il-vapur – Ngħid għalija, mira waħda. Hekk kif qiegħed ngħix f'Malta maqbuda f'xibka mxebilka, lanqas is-Sur Ogilvy ma jasal jikkonvinċini li xi partit lokali għandu ħila biżżejjed li jappoġġja l-verità u mhux jikkrea verżjoni partiġġjana tal-verità. Qed toqrob l-elezzjoni. Is-sinagogi bdew jixirfu l-aqwa fost l-aħjar oraturi u n-nagħaġ bdew ħerġin jirgħu bi ħġarhom anki f'deżert jifleġ.

Filwaqt li nistenna b'kurżità marida, l-istrateġiji ħorox ta' persważjoni merfugħa b'tant għożża għall-aħħar ġranet qabel l-elezzjoni, nitlob tagħmel xita qliel li tnaddfilhom għajnejhom u jaraw il-verità tlellex li tgħammixhom. Nitlob li kliem Gonzi "Il-poplu Malti hu ntelliġenti biżżejjed biex jagħżel dak li hu sewwa u dak li m'huwiex" iseħħ tassew u xi darba jispiċċa darba għal dejjem il-kunċett ta' żewġ partiti politiċi li qerdu l-intelliġenza tal-poplu Malti.

Monday, 20 August 2012

Tislima: Duminku Mintoff

"All men dream, but not equally. Those who dream by night in the dusty recesses of their minds, wake in the day to find that it was vanity: but the dreamers of the day are dangerous men, for they may act on their dreams with open eyes, to make them possible." – T.E. Lawrence

Ġiet nieqsa persuna. Persuna bħali u bħalek. Persuna Maltija daqsi.

Ma hemmx għalfejn tkun Mintoffjan jew Laburist biex tifhem li din il-persuna, iżda, mhux persuna kwalunkwe. Persuna li ħalliet marka ndelibbli fuq nazzjon. Għal dejjem.

Insejjħilha persuna kreattiva, persuna nnovattiva, determinata u persuna ta' viżjoni. Persuna li mix-xejn, ħoloq ħafna.

X'nammira f'Mintoff? Naħseb mill-ftit li niftakru, nammira d-determinazzjoni tiegħu li jara lil Malta, pajjiż mill-iċken, meqjusa l-istess daqs kull pajjiż ieħor. Id-determinazzjoni li jara lil Malta ħielsa, Malta distinta u Malta li ma tibżax issemma' leħinha anki quddiem il-ġganti barranin.

Ammirajtu meta kultant webbes rasu fuq punti li kienu għal qalbu anki jekk ħarbat lill-partit tiegħu. Kien hemm fejn tassew emmint li għalih Malta kienet l-ewwel u qabel kollox... anki qabel il-partit tiegħu stess.

Iva fl-esperjenza tiegħi ltqajt ma' nies li ġenwinament sfaw imweġġa' b'ċerti deċiżjonijiet li ħa Mintoff, u nirrispetta t-tbatija li għexu. Konvint li dan il-bniedem żbalja darba jew tnejn. Biss nemmen li l-għajta tal-poplu f'dan il-lejl tal-20 t'Awissu, turi biċ-ċar kemm ir-rispett li wera Duminku Mintoff speċjalment lejn il-klassijiet soċjali baxxi u tal-ħaddiema, jimmarkawh bħala figura li biddlet l-istorja ta' Malta.


Sfortunatament qatt ma kelli xorti niltaqa' jew nitkellem miegħu iżda nemmen li dak li wettaq, laqatni direttament, lili li kbirt fis-snin tmenin. Laqatni wkoll sabiex inrawwem rispett kbir lejn pajjiżi u nemmen li għalkemm ċkejken, pajjiżi u l-poplu tiegħu huwa 'kbir' daqs, jekk mhux iktar, minn kull pajjiż jew poplu ieħor.

Insellem lil dan ir-raġel bħali u bħalek li ħolom bil-kbir u wettaq. J'Alla jkollna nitfa forza sabiex noħolmu u nwettqu bħalu.

Mulej għatih il-mistrieħ.

Wednesday, 1 August 2012

Inlibbsu lill-AirMalta

L-AirMalta, għal darb'oħra fi fit xhur, wettqet eżerċizzju ta' re-branding. Wara li f'Marzu li għadda, rajna l-Airbus A320 jiġi re-branded bħala promozzjoni għal Valletta Belt Kapitali tal-Kultura 2018, ilbieraħ is-CEO Peter Davies, nieda re-branding ġdid għall-flotta sħieħa - nimmaġina li anki għall-istess Airbus A320! Libsa ġdida għall-ajruplani tal-AirMalta – min jgħid sabiħa u min jgħid kerha, min tajba, u min, ħażina.



Ma naħsibx li hawn huwa l-ispazju fejn jaqbel niddiskuti l-eżerċizzju viżiv – (dak li ħafna jaħsbu li huwa re-branding) – imma xtaqt nikkummenta fuq l-idea ta' re-branding inġenerali u ngħaddi kummenti dwar il-filmat promozzjonali li twettaq.

Kif spjegat tajjeb fuq Wikipedia, re-branding mhux biss il-libsa viżiva ġdida li tlibbes lill-prodott tiegħek iżda ħafna elementi oħra li flimkien, isaħħu jew jgħatu direzzjoni ġdida lill-istess prodott.

Niġġudika l-kwalità tal-eżerċizzju li għamlu l-kumpanija Ingliża FutureBrand, meta nidħol fuq is-sît tagħhom u ninduna li lanqas hemm referenza lejh. Nidħol ukoll fis-sît uffiċċjali tal-AirMalta u nsib li dan għadu mhux aġġornat. Dik diġà indikazzjoni nkwetanti.

Aspett ieħor li xtaqt nirrimarka huma xi suġġetti li ġew magħżula, minjaf b'kemm diskussjoni, sabiex jidhru fil-filmat uffiċċjali. U hawn ser ngħamel lista ta' aspetti li skond jien, huma kemmxejn qarrieqa:
  • "an idyllic archipelago" u dehra ta' Kemmuna u Għawdex – video fejn Malta hija penġuta bħala ġenna tal-art, kważi kważi art verġni.
  • "with a warmth that is unique" u nżid magħha "unless you are a black or North-African refugee"
  • "diverse" u dehra ta' gallariji tradizzjonali. Ritratt li mill-ewwel qajjimli susspett... sakemm ikkonfermajt li hu ritratt diġa ppubblikat fuq flickr! Tgħid William Attard McCarthy jaf li ritratt tiegħu ntuża f'eżerċizzju ta' rebranding li sewa €1.9 miljun?! Ċans kbir li iva, għax fil-profil tiegħu, McCarthy jiddeskrivi lilu nnifsu hekk:
"Has been a stock photographer for the past 4 years and submits images to main agencies. Member of the SWPP and the MIPP."
Nippretendi li f'eżerċizzju tant kbir, jintuża ritratt li ma kienx ippubblikat! F'ġieħ il-kwalità. Tal-mistħija! Hawn nista nieqaf nikkummenta... imma ser inkompli!

  • U jerġa jitfaċċa l-luzzu f'xi ħaġa li tiddeskrivi lil Malta. Sadanittant il-portijiet tagħna miżgħuda bid-dgħajjes lussużi msejjħa jottijiet. Lil dawn ninċentivawhom sabiex ifaqqsu u nħallu l-luzzu għal xi filmat li jrid jemozzjona lil min jarah! Rispett lejn l-installazzjoni "Sulluzzu" tal-artist, ħabib u kollega tiegħi, Julian Mallia li f'mumenti hekk terġa tinstema' tgħajjat mill-bitħa tal-Università l-antika tal-Belt fejn kienet ġiet esibita.
  • "authentic" u dehra ta' knisja! Minjaf x'iridu jfissru? Li l-Knisja f'Malta hi ftit partikolari kulħadd jaf imma kont nuża l-kelma "dodgy" allura.
  • Ninfexx f'applaws mifqugħ b'ironija u sarkażmu hekk kif jitfaċċa r-ritratt tat-tberfil li jaqra "Welcome Aboard" fuq xarabank antik, flimkien mal-kelma "friendly". X'inhu eżattament "friendly"? Ix-xufier l-antik li kulħadd kien imaqdar? Il-mod kif Austin Gatt ittratta lil dawn ix-xufiera? Il-mod kif b'din il-mossa qtilna 90% tal-arti tat-tberfil f'pajjiżna? Il-mod kif l-Arriva adattaw għas-sistema Maltija?
  • Apparti dan, fejn ser jaraw dik il-"Welcome Aboard" it-turisti li jiġu jżuruna issa li ħassarniha? Ma nafx. Hemm min qed jgħid li ġiet introdotta fuq l-istess ajruplani. Veru? Fhemuni forsi nifhem!

  • Il-Knisja, anzi l-koppla tal-Mosta... "inspiring" u  Wied iż-Żurrieq u Filfla jakkumpanjaw il-kelma "beautiful" – hawn ma nistax niċħad il-verità.

"Malta... our promise... a new way of seeing things"
- hekk hu speċjalment jekk 50% ta' dak li urewk fil-filmat mhux se ssibu eżatt kif urewhulek!

X'inhu re-branding?

Friday, 20 July 2012

Deputati ribelli

Ħsieb ħafif f'ġurnata mimlija mpenji u sorpriżi xejn sbieħ.

Ftit tal-minuti ilu qallibt facebook u nnutajt kif dawk il-ħbieb tiegħi uffiċċjalment mgħammda blu u li ċedew l-libertà li ma jkunux partiġġani, għaddejjin fuq sforz kollettiv sabiex iwasslu messaġġi "sbieħ" dwar il-Partit tagħhom. Biss messaġġi, li, ngħid għalija, iġegħluni nidħak.
 

Ejja ninjoraw il-fatt li qed jixxerjaw materjal ippubblikat mill-paġna uffiċċjali facebook tal-Partit ħa! Biss, dan il-materjal huwa redikolu quddiem is-sitwazzjoni li qegħdin ngħaddu minnha llum.

Filwaqt li deputati fl-istess partit, b'tant irġulija, seffqu wiċċhom sabiex jirrimarkaw fejn il-Partit kien qed jiżbalja u saħansitra, qalgħu ċanfira u l-"ekwivalenti" għal tkeċċija, il-Partit illum qed jiċċelebra fatti bħat-tisbieħ ta' Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, l-isforz sfieq sabiex tinbena skola kull sena, il-bini mill-ġdid ta' diversi toroq f'Għawdex u l-pjan li ser iwassal għall-bini ta' kampus ġdid għall-MCAST – "biex aktar studenti jkomplu jistudjaw".

Filwaqt li nirrikonoxxi l-intenzjonijiet tajbin ta' dawn l-impenji, ma nifhimx l-iskop ta' dawn il-fanfarunati f'perjodu fejn il-Partit jinsab għarwien ħuta quddiem il-poplu. Kważi, kważi huma dawn it-tattiċi li jġegħluni nitlef ċertu tama lejn dal-partit - tama li żergħu d-"Deputati ribelli" stess.

Dan, apparti 'l fatt li kull aspett imsemmi għandu uċuh inqas sbieħ x'tirrakkonta dwaru imma li llum ngħażel li ma niffukax fuqhom.

Waħda mix-shares farseski fuq facebook illum!
Id-"Deputati ribelli" issa tkellmu. Wieħed qata' qalbu u rriżenja mill-grupp politiku. L-ieħor, l-idealist, qed jgħażel li jikkumbatti; għadu jittama li min għażaq, jerfa' ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jara lill-Partit jitwieled ġdid u nadif, filwaqt li t-tielet wieħed, nistħajjlu daħal ġo fosdqa sakemm terġa titfaċċa rebbiegħa ġdida. Minjaf? Il-ħasra hija li f'pajjiż mifni b'tant kriżi, issib nies li jippreferu li dan kollu ma jiġix diskuss u ssib nies oħrajn li jippreferu li dan kollu jiġi mbajjad, bħal qabar, bi ftit shares ilellxu fuq facebook.

Sadattant il-President missjunarju tagħna stqarr li quddiem dan kollu, mhux l-irwol tiegħu li jintervjeni...

Wednesday, 18 July 2012

"Fait accompli"

Ma hemmx wisq x'iżżid ma' din is-silta mill-aqwa dramm li qatt inkiteb! Interessanti kif l-istess skript jista' faċilment jerġa jintuża mill-istess attur, din id-darba f'kuntest mhux daqstant teatrali.


Sa minn dakinhar li kont ilmaħt lil Jeffrey Pullicino Orlando jintuża f'din ix-xena tant imqanqla mid-dramm 'Fait Accompli', kont tħassart lil dan il-persunaġġ li għalkemm dejjem ispirali ammirazzjoni, spiċċa ddiżappuntani f'mumenti bħal dawn meta anki l-videos fuq youtube jixhdu kemm kien kollox 'staged'... bis-segretarju ġenerali tal-partit tiegħu, jindika lill-kameramen sabiex iħaffef u jiffoka fuq kliemu!

Kien dramm li għal dak il-partit spiċċa b'suċċess. Dramm iżda li kif qal l-attur prinċipali stess, kellu ntenzjonijiet oħrajn tant li llum dan l-attur safa "ekwivalenti" ta' mkeċċi mill-istess grupp teatrali. Forsi l-istess skript illum jista' jkun utli! Minjaf? Nittama biss li llum li forsi fehem it-titlu tad-dramm, ma jfittix li jibqa' f'xi gruppi teatrali lokali!

Hawn hu l-iskript tant imqanqal:

Għalfejn qed tibża minni?
Għalfejn qed tibża minni?
Għalfejn qed taħrabni?
Għalfejn qed tibża minni?

Għandi opportunità limitata ħafna. Opportunità li ili niġġieled għaliha dan l-aħħar erbat ijiem. Ilek tħammiġni erbat ijiem.
Għalfejn qed taħrab minn din l-opportunità li għandi? Għalfejn qed tipprova ċċaħħadni minn din l-opportunità li għandi li niddefendi l-isem tiegħi?

Għalfejn qed tibża minni?
Għalfejn?
Għalfejn qed tibża minni?
Għalfejn ħrabtli nhar is-Sibt?
Għalfejn? B'mod komiku ħrabtli!
Għalfejn sejjaħt press conference meta kont taf li jien minix qiegħed fuq il-vapur t'Għawdex?

Shame!
Imissek tistħi!

Laqqas din l-opportunità limitata mhux ser ittini biex niddefendi lili nnifsi?
Erbat ijiem qabel l-elezzjoni?
Erbat ijiem qabel l-elezzjoni ħriġtha dil-biċċa xogħol fuqi?
Qed tipprova tħammiġni kif ħammiġt lil ħaddieħor!

You should be ashamed of yourself!
Shame!
Shame!
Shame!


Oqgħod bilqiegħda! Ħa nistaqsik żewġ domandi sempiċi! Oqgħod bilqiegħda u rrispondini!

You should be ashamed of yourself!

Għandi tant żvantaġġ fil-konfront tiegħek illum, għalfejn mhux ser ittini din l-opportunità?
Ilni erbat ijiem niġri warajk!
Kont naf li ħa tħammiġni. Persuna viċin ħafna tiegħek qaltli li ħa tipprova tħammiġni!

You should be ashamed of yourself!
Shame on you!
Shame on you!
Shame on you!


Għamiltha fil-passat fil-konfront ta' ħaddieħor, issa qed tgħamilha fil-konfront tiegħi! Issa naf x'iġifieri.

Shame on you!

Allaħares tispiċċa Prim Ministru
Allaħares!
Għax ara kemm ser ikollok saħħa aktar biex tkisser lil ħaddiehor!

You should be ashamed of yourself!
Shame on you!

Oqgħod bilqegħda ħa nsaqsik żewġ domandi biss!
Żewġ domandi biss ħa nsaqsik.
Jien stedintek għal dibattitu; sfidajtek għal dibattitu.
Kull ma qed nitolbok, l'opportunità biex nistaqsik żewġ domandi sempliċi.
Għalfejn qed tibża?

Għalfejn ħammiġtli ismi erbat ijiem qabel l-elezzjoni?
Għalfejn?
Għalfejn?
Għalfejn?

Taf li dak mhux l-istil tal-politika tiegħi li nħammeġ lin-nies!
Għalfejn għamiltli hekk?

Għalfejn għamiltli hekk?
Għalfejn b'mod malinn, b'mod inġust għamiltli hekk?

Saturday, 30 June 2012

Valletta 2018 - Belt Kapitali tal-Kultura


Wayne Marshall ġie maħtur bħala Direttur artistiku għall-proġett tal-Valletta 2018. Filwaqt li sieħbi l-iSpanjol ikkritika l-għażla burokratika, jien nawgura lis-Sur Marshall sabiex fi żmien qasir jifhem is-sistemi Maltin li spiss jikkuntradixxu lil xulxin.

Xhur ilu identifikajt propjetà ġewwa Belti li kienet f'kundizzjoni tajba u tħajjart ninvesti fiha. Tkixxift u skoprejt li hija propjetà li kienet tinkera mill-Gvern. Komplejt ir-riċerka u tal-Lands Department għamlu l-parti tagħhom. F'ġieh ir-riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea, qaluli li "propjetà tal-Gvern f'kundizzjoni tajba ġewwa l-kapitali taqa' awtomatikament għal skemi ta' 'social housing'." Tefgħawli wkoll naqra melħ, minn dak l-aħrax tal-Qbajjar fuq il-ferita meta qaluli "identifika propjetà dilapidata u hemm inkunu nistgħu ngħinuk"

Kellimt ukoll lill-Ministru li ftit qabel kien għadu kif qata' żigarella fuq proġett ta' inċentivi għal propjetà mitluqa ġewwa l-Belt. Nammetti li kien ġentili u rrispondieni minnufih. Bil-kliem "Jekk taqa' taħt il Housing bilfors trid tiġi allokata fuq bażi soċjali sakemm ma tiġix rilaxxata mill-istess Housing Authority" ħawwadni ftit aktar u ħallieni nistaqsi jekk jien, ħaddiem u student ta' 31 sena inix ikkunsidrat fuq l-istess "bażi soċjali".

Tlabt aktar dettalji u uffiċjal mill-istess Ministeru ċemplitli biex tikkjarifika, biss, reġgħat tennietli l-istess kliem li kienu qaluli mid-Dipartiment tal-Lands. Kif jgħidu l-Ingliżi – dawk li diġa' inqalgħu mill-Euro 2012 – "back to square 1". U llum nidħak naqra dan l-artiklu.


Bl-ingliż ukoll ngħid "Welcome Mr Marshall".

L-onorevoli José Herrera u Austin Gatt – xi ħadd darba ddeskrivhomli bħala "il-feriti tal-Belt". U bir-raġun. Belt ġojjell mifnija burokrazija. Mifnija blu u aħmar – fejn persunaġġi ta' rieda tajba wkoll jiċċapsu ma' aġenda partiġġjana u allura jgħażlu li jikkompetu, minflok jikkollaboraw.

  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn filwaqt li l-Beltin jistaqsu fejn telqu l-bandli tat-tfal fil-Mandraġġ, il-Prim Ministru jirċievi l-applaws kommoss (jew le?) waqt l-inawgurazzjoni.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn l-iskola Primarja tibqa' ġġorr stigma u hija meqjusa bħala 'tat-tielet klassi' fil-pajjiż.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn dak li jiġi minn barra biex idabbar lira jsib bibien miftuħa beraħ filwaqt li min rawwem ruħu b'demm l-iljun, qajla jinstema.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn meta jisparixxu (jinsterqu?) dettalji storiċi minn Sada Stretta, tispikka l-bruda.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn sa sena ilu konna nospitaw kultura kulurita ta' Karnival – iżda li ġiet misruqa lilna bi proġett li jesalta lill-ġojjell partiġġjani – le mhux saffir u rubin.



  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn kull resident huwa mimli passjoni.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn kull resident jaf jgħatik qalbu jekk tirrispettah, iżda jiksirlek tiegħek jekk le.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn il-kultura hija fid-demm ta' min tassew ħabbha u mhux fil-kummerċjant li jixtieq jorqod lejl magħha.
  • Merħba Sur Marshall f'Belt fejn resident sieket jaf jitkellem aktar mill-aqwa preżentatur li qatt ser jissuġġerulek fil-kumitati.

Merħba Sur Marshall f'Belt li, sa minn meta nibtet il-ħolma f'moħħ il-Parisot, dejjem kienet belt Kapitali Ewropea – bit-titlu u mingħajru!

Friday, 29 June 2012

Nazzjon 'mainstream'


Hekk fetaħ is-servizz ta' One News dwar il-kunċert 'Isle of MTV', nhar l-Erbgħa, 27 ta' Ġunju. Ftuħ denju tal-aqwa riċerka ġurnalistika possibbli: 
"... ismijiet kbar fix xena tal-mużika nternazzjonali. Id-diski tagħhom jindaqqu b'mod kontinwu fil-clubs u l-istazzjonijiet tar-radju Maltin."
U hekk hu, għal darb' oħra, ġurnalist 'mainstream' malti, ikompli jitma raġunamenti u kalkoli 'mainstream' lill-merħla fidila. Ir-raġunament skadut li "jekk jindaqq mir-radjijiet u clubs 'mainstream' Maltin, allura huwa tajjeb". Nesa jgħid li stazzjonijiet, bħal Bay Radio, ma jdoqqux kanzunetti tajbin bil-lingwa Maltija! Nesa jerġa jtenni l-punt li artisti Maltin, lanqas dawk 'mainstream' ma għandhomx ċans jipparteċipaw fl-istess kunċert.

Il-ġurnalist tal-istazzjon tal-PL stqarr ukoll li Nelly Furtado "vera daħlet fl-atmosfera ta' pajjiżna", bir-raġunijiet ikunu dawn:

- damet hawn fit-tul,
- ħadet photoshoot professjonali,
- żaret postijiet ta' nteress,
- tkellmet dwar il-mużika folkloristika Maltija; l-għana.



Ġurnaliżmu li jitratta lill-udjenza ta' injoranti. Jidher ċar li l-ġurnalist kulma għamel huwa li rrefera lejn l-intervista ta' Fiona Galea Debono minn timesofmalta.com. Galea Debono, bi stil li jiddistingwiha, tkellmet ma' Furtado dwar numru ta' aspetti, fosthom il-mużika folkloristika Maltija. Fl-ebda mument iżda, Furtado ma għamlet xi eloġji dwar din il-mużika fuq inizzjattiva tagħha personali anzi, kif irrapurtat it-Times stess, ma ħadet l-ebda nteress!

Xi uħud qaluli sabiex ma nibqax ingerger fuq il-facebook u dan il-blog. Inkompli ninduna kemm hawn żagħżagħ validissimi li jippreferu s-skiet minflok il-protesta. Jippreferu jsegwu l-folla milli jisfidaw l-aljenazzjoni. Il-Malti 'mainstream' jiġġudika lil min joħroġ mir-rutina tal-favoritiżmu bħala negattiv jew traditur. Il-Malti 'mainstream' jgħoxa jiekol il-pastizz mimli żejt, u jistgħaġeb meta jisma b'dik it-tfajla, tant brava, li ħasbet kif tgħamel pastizzi b'togħmiet ġodda u ma jħaxxnux.

Dan il-poplu minn dejjem imantni ruħu fuq l-injoranza tal-istituzzjonijiet; il-partiti, il-Gvern u l-Knisja. Iva il-Knisja li tant stinkat kontra d-dritt tad-divorzju. Iva l-Knisja li ta' kull sena tipparteċipa fil-manifestazzjoni tal-Isle of MTV billi tixgħel il-faċċata tat-tempju ddedikat lil Publiju - forsi biex tieħu 33 biċċa tal-fidda mingħand xi dipartiment tat-turiżmu.

Dan il-poplu spiss jippreferi jisma l-istess kanzunetti fl-istess clubs u fl-istess radju, hekk kif jindottrinah l-ġurnalist 'mainstream' u jaljena f'xarbiet alkoħoliċi kontinwi. Mur għidilha lil Furtado – li għall-Malti 'mainstream', 'Spirtu Pront' ma huwa xejn ħlief xarba u sakra tajba s-Sibt filgħaxija u xejn simili għal famuż Fado.

Tuesday, 29 May 2012

Prim Ministru għal ġurnata

Id-diskors illum waqa' kollu fuq din l-kompetizzjoni meraviljuża li l-Prim Ministru ta' Malta għoġbu jitfa mill-istruttura ta' partit politiku partikolari.

Issa li l-President ta' Malta libes il-maskla ta' voluntarju fuq il-ġlekk u l-ingravata sabiex imur jifdi lill-Peruvjani, ma nara xejn ħażin li l-Prim jilbes maskla simili u taħt l-isem ta' partit partiġġan, jitfa kompetizzjoni li tista' trebbaħ lil xi ħadd b'xortih, iPad u ġurnata labranzetta miegħu.

Qed nistenna bi ħġari ir-risposta qawwija ta' Joseph Muscat. Forsi jmur jilgħab centre forward minflok Michael Mifsud f'xi logħoba ta' ħbiberija tat-tim Nazzjonali Malti f'Ta' Qali. U Michael Briguglio – jista' jitħajjar imexxi flash mob oħra biż-żifna ta' Kurt Calleja, b'risq it-terremotati fl-Italja.

Malta għalhekk sabiħa... kif tieħu nifs qawwi 'l barra għax tħoss li missejt il-qiegħ, jinfetaħ abiss ieħor taħtek u tinduna li l-waqa' fid-dlamijiet ser ittul aktar.

U jien nistaqsi... min sponsorja dak l-iPad u dak is-sit elettroniku? Il-partitarji Nazzjonalisti fil-kampanja ġbir ta' fondi? Issa jekk ir-rebbieħ ikun Laburist, kif ser tfehmom?

Jien nitħajjar nipparteċipa fil-kompetizzjoni... imma delli tqil - wisq nibża li jekk nirbaħ, ninzerta xi jum rari fejn ikun hemm xi diskussjoni ta' strateġija nterna fil-Partit, filwaqt li jien nixtieq ninzerta xi jum speċjali li fih il-Prim jixgħel Triq ir-Repubblika għall-Milied, jew dak il-jum meta f'Kastilja jilqa lil xi kantant li jirrappreżenta lil Malta għall-Eurovision, jew dak il-jum meta jintefa' d-dar jgħamel online conferencing maż-żgħażagħ Maltin. Issa naraw!

Wara kollox, minn dak li smajt quddiem il-Qorti, fejn il-benna tal-aħbar titwieled, jidher li Austin Gatt, Joseph Muscat u Norman Lowell diġà xeħtu l-applikazzjoni tagħhom. Iġifieri nista nkompli għaddej bil-ħajja sempliċi tiegħi u nibqa nittama li xi darba, għal kuntrarju ta' Matthew Bellamy f'dan il-video, din il-profondità sewda, tintemm.


Saturday, 5 May 2012

L-imħabba

"love" minn ssuunnddeeww
Ili ma nberfel. Illum jien hawn bil-pinzell u ftit laned taż-żebgħa taż-żejt.

X'inhi l-imħabba?

Dejjem fhimt u għext l-imħabba bħala emozzjoni li tħakkek ma' dak kollu li hu sagru (le, mhux reliġjuż), spiritwali u intimu. Kbirt f'parroċċa kburija Pawlina u forsi dik id-definizzjoni għall-imħabba hija ħtija tal-għażiż Pawlu, il-kompliċi qattiel konvertit li kiteb b'tant emozzjoni x'inhi l-imħabba tant snin ilu... meta fl-ewwel ittra lill-Korintin kiteb:

"Kieku ma kellix imħabba jiena ma kont inkun xejn...
... Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta' l-anġli bla ma kelli mħabba, kont inkun qisni strument tar-ramm iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi sħiħa li tqanqal il-muntanji imma ma kellix l-imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta' ġid.
 
L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m'hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq,
ma tfittexx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f' qalbha għad-deni
ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt."

Inkitbu mijiet ta' poeżiji iżda naħseb l-ebda waħda ma' tiżboq 'l din. Kitba sagra li tmiss dak li huwa tassew il-ġist tal-imħabba. Illum li qbiżt it-tletin b'sena, nammetti li nħoss li ċerti esperjenzi fil-ħajja, fhemuni aħjar x'inhi mħabba. Fundamentali l-fatt li l-imħabba ma hix definita minn forma, kulur, regoli, sessi, età jew kulturi. L-imħabba hija anarkija, hekk kif spjegajtha f'kitbiet oħra bħal din (klikkja hawn).

Imħabba tfisser, l-ewwel u qabel kollox, għotja. Meta tħobb, tingħata, mingħajr mistoqsija. Imħabba tfisser fiduċja; fiduċja li tgħeleb kull suspett tant li saħansitra ma tħallilux skop. Imħabba tfisser bidla; ma tistax tħobb jekk m'intix lest tinbidel. Imħabba hija passjoni; passjoni fil-kliem, fil-ġesti, fil-ħsieb - fejn kollox hu mirqum sabiex iseddaq. L-imħabba hija llum u għada iżda mhux ilbieraħ. L-imħabba tfisser ħajja; twelid ta' ideat, entużjażmu... bħal ħuġġieġa li qatt ma tintefa, anzi titqawwa f'buffura riħ. L-imħabba tinvolvi lir-ruħ, lill-qalb u lill-ġisem; lill-bniedem sħiħ.

Ngħalaq b'dan il-ħsieb li ħarbixt xi snin ilu: 

Skond* Pawlu

Mhux aħjar li kieku int hawn
biex nitħabblu
bħal f’għoqda
f’lejla ta’ mħabba
u nfakkru f’widnejna
x’inhi l-imħabba
skond* Pawlu?

* il-kelma skond niktibha hekk b'mod intenzjonat